|
|
||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||
|
||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||
|
MEMO/06/173 Brussell, is-27 ta’ April 2006 It-traduzzjoni fil-Kummissjoni: fejn ninsabu sentejn wara t-Tkabbir?L-Unjoni Ewropea issa ilha taħdem għal sentejn ma’ 25 Stat Membru u 20 ilsien uffiċjali. Qiegħda tħejji wkoll sabiex tilqa’ lill-Istati Membri l-ġodda u l-ilsna l-ġodda fl-2007. L-iskala tas-sistema multilingwi tagħha tagħmilha unika fid-dinja. Il-multilingwiżmu jinsab fil-qalba ta’ l-integrazzjoni Ewropea, minħabba li jservi ta’ pedament għad-drittijiet taċ-ċittadini u l-leġittimità ta’ l-Unjoni. L-Unjoni tgħaddi liġijiet li direttament jorbtu liċ-ċittadini u l-kumpaniji tagħha. Jekk il-politiki ta’ l-UE se jkunu applikati kif suppost u jekk iridu li jagħmlu differenza fil-prattika, iridu jinftiehmu. L-aċċess għall-ilsna jikkontribwixxi għal dan. Kulħadd fl-Unjoni huwa wkoll intitolat u mħeġġeġ li jieħu sehem fil-bini tagħha, u jrid ikun kapaċi jagħmilha fl-ilsien tiegħu nnifsu. L-inkorporazzjoni ta’ disat ilsna uffiċjali ġodda – iċ-Ċek, l-Estonjan, l-Ungeriż, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, il-Pollakk, is-Slovakk u s-Sloven – fis-sistema kollha f’daqqa f’Mejju 2004 kienet qagħda bħal qatt qabel għall-Kummissjoni u s-servizzi tagħha ta’ l-ilsna kellhom jadottaw xi strateġiji innovattivi sabiex jiffaċċjaw l-isfidi li rriżultaw minn dan. Issa li wasalna aktar minn nofs triq tal-perjodu ta’ tranżizzjoni ta’ l-aħħar tkabbir, bil-prospett li jissieħbu pajjiżi ġodda fil-futur qrib, wasal il-waqt għal reviżjoni tal-qagħda s’issa.
Kull istituzzjoni (il-Kummissjoni, il-Kunsill, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni, il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti ta’ l-Awdituri) għandha s-servizz tat-traduzzjoni tagħha, li huwa responsabbli għat-traduzzjoni ta’ dokumenti maħruġa minn dik l-istituzzjoni partikolari. Il-Kummissjoni għandha kompitu ewlieni ta’ traduzzjoni bis-saħħa tad-“dritt ta’ l-inizjattiva “tagħha fil-leġiżlazzjoni tal-Komunità u r-rwol tagħha ta’ monitoraġġ. Id-Direttorat Ġenerali tat-Traduzzjoni (DĠT) tal-Kummissjoni huwa servizz ta’ madwar 2,200 ruħ iddedikati li jilħqu l-ħtiġijiet tal-Kummissjoni għat-traduzzjoni u l-parir lingwistiku fir-rigward ta’ kull tip ta’ komunikazzjoni bil-miktub, inkluż il-materjal tal-web, li jappoġġjaw u jsaħħu l-multilingwiżmu fl-Unjoni Ewropea u li jgħinu sabiex iressqu l-politika ta' l-Unjoni aktar qrib taċ-ċittadini tagħha, u b’hekk jippromwovu l-leġittimità, it-trasparenza u l-effiċjenza tagħha. Meta pajjiż jissieħeb ma’ l-UE, il-liġi attwali ta’ l-UE, l-acquis communautaire – madwar 90,000 paġna li jikkonsistu minn Trattati u minn leġiżlazzjoni sekondarja adottati sa dakinhar li jissieħeb il-pajjiż – trid tiġi tradotta fl-ilsien ta' dak il-pajjiż. Ir-responsabilità ta’ dan ix-xogħol taqa’ għand il-gvern nazzjonali, bl-istituzzjonijiet tal-Komunità jibqgħu responsabbli għal finalizzar u l-ippubblikar tat-testi tradotti fl-edizzjoni speċjali tal-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni s-soltu tipprovdi appoġġ lill-pajjiżi li se jissieħbu billi tospita persuni temporani għat-taħriġ, tagħti pariri dwar ħtiġijiet ta’ taħriġ ta’ tradutturi u tibni riżorsi ta’ terminoloġija.
Id-DĠT jinsab fi Brussell, fejn bħalissa hemm nofs l-istaff, u l-Lussemburgu, fejn jinsab in-nof l-ieħor. Numru ta’ tradutturi jaħdmu fil-Field Offices tad-DĠT fil-biċċa l-kbira ta’ Rappreżentazzjonijiet tal-Kummissjoni fl-Istati Membri. Għal għanijiet ta’ organizzazzjoni, id-DĠT huwa mqassam skond l-ilsna, b'dipartiment separat ta' lingwa għal kull ilsien uffiċjali. Id-dipartimenti ta’ l-ilsna huma mqassma b’mod ulterjuri f’unitajiet li jispeċjalizzaw f’suġġetti partikolari. Fuq medja, unità hija magħmula minn 20 traduttur. Fi ħdan id-dipartimenti ta’ l-ilsna, it-tradutturi jispeċjalizzaw fit-traduzzjoni ta' dokumenti li jittrattaw ma' oqsma partikolari tal-politiki tal-Kummissjoni Ewropea: l-agrikoltura, il-kompetizzjoni, il-kwistjonijiet finanzjarji u monetarji, l-edukazzjoni u l-kultura, l-impjieg, l-enerġija, l-ambjent, ir-relazzjonijiet esterni, il-politika reġjonali u ħafna oħrajn. Flimkien mad-dipartimenti speċifiċi ta' l-ilsna, id-DĠT issa għandu unità trażversali li tispeċjalizza fit-traduzzjoni tal-web. Dan ifisser li ċ-ċittadini dalwaqt se jkollhom aċċess għal tagħrif bażiku dwar attivitajiet ta’ l-UE fl-ilsna uffiċjali fuq l-internet.
Ir-reklutaġġ: It-tradutturi tad-DĠT fid-disat ilsna l-ġodda għandhom il-kariga tagħhom fil-Lussemburgu, u fil-Field Offices fl-ibliet kapitali. Sa l-aħħar ta’ April 2006, Id-DĠT kien ħatar 473 traduttur full-time. Dan huwa 94% tan-numru sħiħ meħtieġ ta’ tradutturi għal kull ilsien. Minkejja dan, aktar minn żewġ terzi tat-tradutturi għadhom b'kuntratt temporanju, filwaqt li l-proċess ta' reklutaġġ jissokta. It-tabella li jmiss turi l-qagħda attwali mqassma skond l-ilsien. It-tradutturi maħtura (Il-Lussemburgu u l-Field Offices) 1 ta’ April 2006
Barra minn dan, id-DĠT kien intitolat sabiex jaħtar tradutturi ulterjuri mill-Istati Membri l-ġodda sabiex iservu bħala esperti nazzjonali ssekondati għal perjodi fissi. Issa hemm 8 bħala staff b'riżultat tas-sejħa ta' l-2004. Is-sejħa l-ġdida ta’ l-2005 raddet 7 applikazzjonijiet ikkonfermati. In-numru ta’ staff ta’ appoġġ (27) għadu ‘l bogħod mit-total ippjanat ta’ 126 sa l-aħħar ta’ l-2006. Għalhekk, hija maħsuba kompetizzjoni interistituzzjonali ġdida għal staff ta’ appoġġ għan-nofs ta’ l-2006. Bl-istess mod, ir-reklutaġġ ta’ staff ta’ ġestjoni għadu għaddej. Id-DĠT jesternalizza wkoll ix-xogħol u jgħaddieh lil tradutturi indipendenti (freelance) u aġenziji tat-traduzjoni magħżula permezz ta’ sejħa għall-offerti fl-2003. Hemm xi 200 kuntrattur fil-lista tiegħu għad-disa’ ilsna li daħlu fl-2004. Il-bini ta’ riżorsi tat-traduzzjoni għad-disa’ ilsna l-ġodda huwa skedat li jitlesta sa l-aħħar ta’ l-2006. Il-produzzjoni: Il-produzzjoni totali ta’ traduzzjoni tad-DĠT fl-2005 kienet 1 324 231 paġna, jekk jitqiesu l-20 ilsien uffiċjali f’daqqa. F’dak li għandu x’jaqsam mal-produzzjoni ta’ traduzzjoni fid-disa' ilsna matul l-ewwel sena sħiħa ta’ operat, iċ-ċifra sħiħa għall-2005 kienet 455 232 paġna[1]. Il-produzzjoni f’kull wieħed minn dawn l-ilsna kienet madwar 52 700 paġna, bl-eċċezzjoni tal-Malti, li kienet ta’ madwar 33 500[2]. Ir-rekwiżit statutorju li l-liġi kollha ta’ l-UE trid tkun ippubblikata fl-20 ilsien kollha fil-Ġurnal Uffiċjali ntlaħaq mid-data ta’ l-adeżjoni, bl-eċċezzjoni miftiehma tal-Malti. Il-ġestjoni tat-talba: F’Mejju 2004 l-Kummissjoni ħadet passi prattiċi, inkluża l-introduzzjoni ta’ strateġija ta’ ġestjoni tat-talba, sabiex tlaħħaq ma’ l-inkorporazzjoni ta’ disa’ ilsna ġodda. L-ewwel nett, id-dipartimenti tal-Kummissjoni kellhom ordni li jipproduċu dokumenti aktar qosra b’tul standard li ma jaqbiżx il-15-il paġna għal komunikazzjonijiet u testi ta’ spjegazzjoni (il-medja ta’ qabel l-adeżjoni kienet 37 paġna). Din il-miżura ddaħlet ukoll sabiex ittejjeb il-komunikazzjoni maċ-ċittadini billi tagħmel it-testi aktar sempliċi. It-tieninett, tfasslu l-prijoritajiet għad-dokumenti li jridu jiġu tradotti. L-ogħla prijorità tingħata lil dawk id-dokumenti li l-Kummissjoni għandha obbligu legali jew impenn politiku li tittraduċi. Dawn huma messaġġi pubbliċi liċ-ċittadini u l-kumpaniji Ewropej, atti awtonomi tal-Kummissjoni, il-proposti kollha għal-leġiżlazzjoni, u d-deċiżjonijiet kollha ta’ fużjoni, għajnuna statali u kompetizzjoni. F’Lulju 2005, wara 15-il xahar ta’ operat, l-istrateġija ta' ġestjoni tat-talba kienet riveduta sabiex jiġi vvalutat it-tħaddim tagħha u sabiex jinstiltu t-tagħlimiet b'mod speċjali bil-ħsieb ta' l-introduzzjoni ta' ilsna uffiċjali oħra. Ir-reviżjoni wriet li l-istrateġija wasslet lill-Kummissjoni sabiex tilħaq l-obbligi legali tagħha għat-traduzzjoni skond it-Trattat. Il-Kummissjoni ddeċidiet li tissokta l-applikazzjoni ta’ l-istrateġija mill-anqas sa l-aħħar ta’ l-2006 b’xi tibdiliet. L-assigurazzjoni tal-kwalità: Id-DĠT juża s-sistema ta’ assigurazzjoni tal-kwalità bbażata fuq il-klassifikazzjoni tad-dokumenti skond il-kategorija. It-traduzzjonijiet kollha li huma intenzjonati għall-pubblikazzjoni, kemm jekk magħmula internament kif ukoll jekk magħmula esternament, huma kollha riveduti. It-traduzzjonijiet intenzjonati biss għat-tagħrif jew għall-fehma huma riveduti jekk ikun meħtieġ hekk. Il-konsistenza fit-terminoloġija hija ggarantita bl-użu ta’ memorji ta’ traduzzjoni u bażijiet ta’ data ta’ terminoloġija tal-qalba rilevanti għall-Komunità. Għall-ilsna ta’ l-UE ta’ l-10 u l-ilsna ġodda mistennija, dawn ir-riżorsi bdew jinbnew fiż-żmien tat-traduzzjoni ta’ l-acquis communautaire. Qabel it-tkabbir, u mit-tkabbir ’il hawn, ix-xogħol ta’ l-iżvilupp issokta bl-appoġġ tad-DĠT. It-taħriġ: Il-politika tat-taħriġ tad-DĠT fir-rigward tat-tkabbir hija doppja. Id-DĠT joffri taħriġ lill-istaff tiegħu sabiex joħloq il-kapaċità ta’ traduzzjoni mill-ilsna l-ġodda għall-ilsna attwali ta’ l-UE. Pereżempju, it-taħriġ fl-ilsna ta’ l-UE ta’ l-10 beda sa mill-1998. F’April 2006, 88 traduttur minn dipartimenti differenti eżistenti kienu qegħdin jistudjaw dawn l-ilsna; 111 kienu diġà laħqu kapaċità sħiħa u kienu kapaċi joperaw f’dawn l-ilsna. Barra minn dan, 79 traduttur bdew jitħarrġu fil-Bulgaru, ir-Rumen, il-Kroat u t-Tork sabiex iħejju għat-tkabbir li jmiss. Sa llum, 27 diġà laħqu kapaċità sħiħa. Għat-tradutturi maħtura mill-Istati Membri l-ġodda, id-DĠT ipprovda taħriġ fl-ilsna l-aktar użati fil-wisa’ (tipikament fl-Ingliż jew il-Franċiż), fl-ambjent tat-teknoloġija ta’ l-informatika u fl-għodod tat-traduzzjoni tad-DĠT u f’materji ttrattati mill-Kummissjoni.
Il-Bulgarija u r-Rumanija: Id-DĠT waqqaf Grupp ta’ Ħidma (Task Foce) għat-"Tkabbir ta' l-2007" sabiex jiżgura li l-wasla tal-Bulgaru u r-Rumen tkun imħejjija tajjeb. Fi Frar ta’ l-2005, Id-DĠT żamm laqgħat f’Bukarest u f’Sofia sabiex jiddiskuti t-tħejjijiet lingwistiċi ma’ l-awtoritajiet nazzjonali, l-unitajiet tal-koordinazzjoni tat-traduzzjoni responsabbli għat-traduzzjoni ta’ l-acquis communautaire għar-Rumen u l-Bulgaru sad-data ta’ l-adeżjoni, u ma’ l-universitajiet li jħarrġu tradutturi professjonali u l-assoċjazzjonijiet professjonali tal-lingwsti. Field Offices għat-traduzzjoni nfetħu fid-Delegazzjonijiet tal-Kummissjoni f’Bukarest u f’Sofia fl-2005. F’Jannar 2006, waslu l-ewwel 20 traduttur Rumen u 16-il traduttur Bulgaru, maħtura mid-DĠT bħala staff kuntrattwali sabiex iħejju l-infrastruttura u l-għodod tat-traduzzjoni. Iċ-ċifra finali mmirata hija li jinħatru 60 traduttur għal kull lingwa. L-għan huwa li jiġi pprovdut l-istess livell ta’ servizz għal dawk l-ilsna mid-data ta’ l-adeżjoni bħal ma se jkun hemm ipprovdut sa dak iż-żmien għad-disa’ ilsna introdotti fl-2004. Ġiet ippubblikata kompetizzjoni interistituzzjonali ta’ reklutaġġ għal uffiċjali permanenti f’Novembru 2005. L-eżamijiet bil-miktub mistennija li jsiru għall-aħħar ta' Lulju, u l-lista ta' riżerva mistennija li tkun disponibbli f'Jannar 2007. Bħala riżultat tal-proċedura ta’ l-għażla għal staff ta’ appoġġ, ġiet stabbilita lista ta’ riżerva ta’ 8 assistenti Bulgari u 8 assistenti Rumeni. Il-ħatra minn dawn il-listi hija mistennija li ssir sa l-aħħar ta' l-2006. L-Irlandiż: l-Irlandiż ingħata l-istatus ta’ lsien uffiċjali ta’ l-UE mir-Regolament tal-Kunsill adottat f’Ġunju 2005. It-traduzzjoni mill-Irlandiż u għall-Irlandiż se tibda fil-prattika fl-1 ta' Jannar 2007, meta jidħol fis-seħħ ir-Regolament. Minkejja dan, minħabba deroga li tixbaħ lil dik mitluba mill-awtoritajiet Maltin, mhux l-atti kollha se jkunu tradotti għall-Irlandiż għal perjodu ta’ tranżizzjoni ta’ ħames snin. Huma biss ir-regolamenti adottati b’mod konġunt mill-Parlament u l-Kunsill u l-korrispondenza minn u liċ-ċittadini li se jkunu tradotti. Id-DĠT stabbiliet unità ta’ traduzzjoni ta’ l-ilsien Irlandiż. Se titnieda kompetizzjoni interistituzzjonali ta’ reklutaġġ sas-sajf 2006. L-ilsna reġjonali Spanjoli: F’Diċembru 2005, il-Kummissjoni kkonkludiet arranġament amministrattiv ma’ Spanja dwar l-użu tal-Bask, il-Katalan u l-Galiċjan fil-Kummissjoni. L-arranġament huwa bbażat fuq il-konklużjonijiet adottati mill-Kunsill f’Ġunju 2005 li jippermetti l-użu ta’ istituzzjonijiet ta’ l-UE ta’ ilsna uffiċjali li għandhom l-istatus ta’ ilsna uffiċjali f’parti mit-territorju ta’ Stat Membru. Il-gvern Spanjol ħatar korp għal traduzzjoni minn dawn it-tlitt ilsna għall-Ispanjol u bil-maqlub.
It-traduzzjoni ta’ l-acquis ta’ qabel l-adeżjoni għall-Bulgaru u r-Rumen kienet ir-responsabilità ta’ l-unitajiet ta’ traduzzjoni fil-pajjiżi kkonċernati. It-testi finalizzati mis-Servizzi legali tal-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew se jintbagħtu lill-Uffiċju tal-Pubblikazzjonijiet Uffiċjali li għandhom jiġu ppubblikati fl-Edizzjoni Speċjali tal-Ġurnal Uffiċjali hekk kif isiru disponibbli. Sa llum, ġiet iffinalizzata medja ta’ anqas minn 50% tad-dokumenti li jiffurmaw l-acquis fil-Bulgaru u r-Rumen. Fl-istennija tal-pubblikazzjoni fil-ĠU, it-testi finalizzati jsiru disponibbli taħt forma elettronika fil-bażi tad-data ta’ l-UE Eur-Lex, kif awtentikata mir-reviżuri legali fil-Kunsill u l-Kummissjoni. Il-leġiżlazzjoni primarja ilha disponibbli fl-Irlandiż minn mindu kien hemm l-adeżjoni tal-pajjiż fl-1973. Ir-responsabilità tat-traduzzjoni tal-bqija ta’ l-acquis għall-Irlandiż hija tal-gvern Irlandiż.
Fl-2003, qabel ma seħħ it-tkabbir u b’popolazzjoni ta’ 379 miljun, in-nefqa fuq it-traduzzjoni mill-istituzzjonijiet kollha ta’ l-UE kienet tammonta EUR 541 miljun fis-sena. It-traduzzjoni mid-DĠT kienet tiswa EUR 230 miljun. L-ispiża korrispondenti għal kull ċittadin kienet ta’ EUR 1.45 (l-istituzzjonijiet kollha) u EUR 0.60 (il-Kummissjoni biss) fis-sena. Fl-aħħar ta’ l-2006, li jimmarka t-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni tat-tkabbir ta’ l-2004, b’popolazzjoni ta’ 453 miljun, l-ispiża tat-traduzzjoni mill-istituzzjonijiet kollha, ladarba joperaw b’mod sħiħ, huwa mbassar li jkun ta’ madwar 800 miljun fis-sena, inkluż EUR 300 miljun għad-DĠT. Din tirrappreżenta spiża għal kull ċittadin ta’ madwar EUR 1.76 u EUR 0.66 rispettivament fis-sena. L-ispiża ta’ traduzzjoni tinkludi salarji, sigurtà soċjali, overheads, traduzzjoni esterna u spejjeż ta’ operat, iżda mhux l-ispiża ta' l-Istati Membri ta’, fost ħwejjeġ oħra, l-edukazzjoni u t-taħriġ ta' tradutturi jew it-traduzzjoni ta' l-acquis. Bl-Irlandiż li sar ilsien operazzjonali uffiċjali, u l-Bulgarija u r-Rumanija li se jingħaqdu ma’ l-UE fl-1 ta’ Jannar 2007, l-ispiża ta' traduzzjoni mistennija li titla' b'madwar EUR 30 million għall-istituzzjonijiet kollha. Għal aktar tagħrif : http://ec.europa.eu/dgs/translation/index_en.htm http://ec.europa.eu/education/policies/lang/languages/index_en.html [1] Għall-Kummissjoni paġna standard hija definita bħala 1500 karattru li ma jinkludux spazji. [2] Fl-1 ta’ Mejju 2004 l-Kunsill adotta, fuq talba ta’ l-awtoritajiet Maltin, deroga li permezz tagħha għal perjodu ta' tliet snin, li jibdew mill-1 ta' Mejju 2004, l-Unjoni Ewropea ma għandhiex għalfejn tippubblika l-atti leġiżlattivi kollha bil-Malti fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-UE. |
||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||