Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Dikjarazzjoni

Kundizzjonijiet tax-xogħol trasparenti u prevedibbli: Il-Kummissjoni esprimiet is-sodisfazzjon tagħha għall-ftehim proviżorju li ntlaħaq illum

Brussell, is-7ta' frar 2019

Illum, il-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill laħqu ftehim proviżorju dwar il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea għal Direttiva ġdida biex jinħolqu kundizzjonijiet tax-xogħol trasparenti u prevedibbli, b'mod partikolari għall-ħaddiema f'forom mhux standard ta' impjieg. Il-Kummissarju għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali, il-Ħiliet u l-Mobbiltà tal-Ħaddiema, Marianne Thyssen, laqgħet il-ftehim bl-istqarrija li ġejja:

“Bis-saħħa tal-inizjattiva tagħna li niggarantixxu kundizzjonijiet tax-xogħol trasparenti u prevedibbli, se nipproteġu aktar ħaddiema fl-Ewropa kollha. Speċjalment l-għadd dejjem jikber ta' persuni li huma attivi f'forom ġodda ta' xogħol, bħal pereżempju il-“flexijobs' u l-kuntratti on-demand kif ukoll il-ħaddiema domestiċi.

Il-ħaddiema kollha – irrispettivament minn kemm huwa twil il-kuntratt tagħhom u minn kemm jaħdmu sigħat – se jkunu jafu x'inhuma d-drittijiet u l-obbligi tagħhom malli jibdew jaħdmu. Il-ħaddiema se jkollhom id-dritt li jiftiehmu ma' min iħaddimhom fuq id-disponibbiltà tagħhom, u fuq kemm iridu jiġu avżati minn qabel. Il-ħaddiema on-demand mhux se jkunu jistgħu jitkeċċew jekk jirrifjutaw li jaħdmu meta jiġu avżati fl-aħħar minuta. Impjegatur ma jistax jibqa' jżomm lill-ħaddiema b'kuntratt ta' żero sigħat milli jkollhom impjieg ieħor ma' impjegatur ieħor.

Nixtieq nirringrazzja lir-relatur Enrique Calvet Chambon u lill-kontrorelaturi li nnegozjaw f'isem il-Parlament Ewropew, kif ukoll lill-Presidenza Rumena tal-Kunsill. Dan il-ftehim issa għandu jiġi kkonfermat malajr. Se jkollu effett konkret, tanġibbli u pożittiv ħafna fuq madwar 200 miljun ħaddiem fl-UE kollha. L-Ewropa għalhekk qiegħda.”

Il-passi li jmiss

Dan il-ftehim proviżorju issa jrid jiġi adottat formalment kemm mill-Parlament Ewropew kif ukoll mill-Kunsill.

Kuntest

Il-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva dwar kundizzjonijiet tax-xogħol trasparenti u prevedibbli hija aġġornament tal-hekk imsejħa “Direttiva dwar id-Dikjarazzjoni bil-Miktub”. Din id-Direttiva tmur lura għall-1991, iżda minn dak iż-żmien 'l hawn, id-dinja tax-xogħol evolviet b'mod sinifikanti. It-tibdil demografiku rriżulta f'popolazzjoni attiva aktar diversa, id-diġitalizzazzjoni iffaċilitat il-ħolqien ta' forom ġodda ta' impjiegi u feġġew relazzjonijiet tax-xogħol ġodda u aktar flessibbli. Fis-snin reċenti, 25 % tal-kuntratti tax-xogħol kienu jirrigwardaw forom atipiċi ta' impjieg, jiġifieri l-impjiegi kollha li mhumiex full-time u indefiniti, minn impjiegi part-time “tradizzjonali” sa impjiegi on-demand mingħajr garanzija tas-sigħat ta' xogħol.

Bi sforz biex tissaħħaħ id-dimensjoni soċjali tal-Ewropa, u bħala parti mit-tnedija tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, f'Diċembru 2017 il-Kummissjoni pproponiet l-inizjattiva dwar kundizzjonijiet tax-xogħol trasparenti u prevedibbli. L-għan tagħha huwa li l-obbligi eżistenti jitwessgħu u jiġu modernizzati sabiex kull ħaddiem jiġi infurmat dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol tiegħu. Il-proposta għandha wkoll l-intenzjoni li toħloq standards minimi ġodda li jiżguraw li l-ħaddiema kollha, inklużi dawk b'kuntratti atipiċi, jibbenefikaw minn aktar prevedibbiltà u ċarezza fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom. 

Għal aktar informazzjoni

Skeda informattiva: Lejn kundizzjonijiet tax-xogħol trasparenti u prevedibbli

Stqarrija għall-istampa: Il-Kummissjoni tipproponi li ttejjeb it-trasparenza u l-prevedibbiltà tal-kundizzjonijiet tax-xogħol

Skeda informattiva: Il-Prijoritajiet Soċjali skont il-Kummissjoni Juncker

STATEMENT/19/873

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar