Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Dikjarazzjoni

Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-Jum Internazzjonali ta' Tolleranza Żero għall-Mutilazzjoni Ġenitali Femminili

Brussell, il-5ta' frar 2019

Qabel il-Jum Internazzjonali ta' Tolleranza Żero għall-Mutilazzjoni Ġenitali Femminili fis-6 ta' Frar 2019, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà/Viċi President tal-Kummissjoni Federica Mogherini, il-Kummissarju għall-Politika Ewropea tal-Viċinat u n-Negozjati għat-Tkabbir, Johannes Hahn, il-Kummissarju għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Internazzjonali , Neven Mimica u l-Kummissarju għall-Ġustizzja, il-Konsumaturi u l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri, Vĕra Jourová, affermaw mill-ġdid l-impenn qawwi tal-Unjoni Ewropea biex tiġi eliminata l-Mutilazzjoni Ġenitali Femminili u għamlu d-dikjarazzjoni li ġejja.

“Kull tifla u mara għandha d-dritt li tgħix ħajja ħielsa mill-vjolenza u mill-uġigħ. U madankollu, aktar minn 200 miljun mara u tifla madwar id-dinja ġew sfurzati jgħaddu minn prattika trawmatika u li tweġġa' tal-Mutilazzjoni Ġenitali Femminili, inklużi 500,000 li jgħixu fl-Ewropa. Hemm miljuni ta' tfajliet li qegħdin f'riskju li jgħaddu minn mutilazzjoni ġenitali: 68 miljun tifla f'25 pajjiż sal-2030.

Il-Mutilazzjoni Ġenitali Femminili hija ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u tal-integrità fiżika tan-nisa. Hija prattika li tammonta għal tortura u trattament degradanti li ma jistax jiġi ġġustifikat. La fuq il-bażi ta' użanza, u lanqas ta' tradizzjoni, kultura jew reliġjon.

Huwa reat fl-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea. Dan l-aħħar rajna l-ewwel kundanni ta' persuni li wettqu mutilazzjoni ġenitali femminili u nistennew li naraw lil kull min jikkommetti dawn ir-reati fl-Unjoni Ewropea jew jorganizzahom f'pajjiż terz jitressaq quddiem il-ġustizzja. Għalkemm għad fadal ħafna ostakli x'negħlbu, dan huwa l-ewwel pass importanti lejn il-ġustizzja għall-vittmi.

L-Unjoni Ewropea qiegħda fuq quddiem nett fl-isforzi globali biex tintemm il-Mutilazzjoni Ġenitali Femminili sal-2030. Appoġġajna lill-pajjiżi sħab fil-kriminalizzazzjoni ta' din il-prattika dannuża, u aħna impenjati li nagħmlu saħansitra aktar.

L-UE u n-NU nedew l-Inizjattiva Spotlight globali, bil-għan li jiġu eliminati l-forom kollha ta' vjolenza kontra n-nisa u l-bniet, inklużi l-mutilazzjoni ġenitali femminili, iż-żwiġijiet tat-tfal u prattiki oħra ta' ħsara kontra n-nisa. Biex tippromwovi bidla soċjali sostenibbli, l-UE se tiffinanzja proġetti għall-ġlieda kontra l-vjolenza sessista fil-livell lokali. Biex tintemm din il-prattika, aħna se naħdmu id f'id mal-atturi fil-livelli kollha: l-awtoritajiet, il-mexxejja tal-komunità, il-ġenituri, il-parlamenti, il-ġudikatura, is-soċjetà ċivili, iż-żgħażagħ u l-midja, u partijiet ikkonċernati rilevanti oħrajn.

Aħna nibqgħu impenjati li nagħmlu dak kollu li nistgħu biex neliminaw din il-prattika kriminali.”

Sfond

Il-Mutilazzjoni/Qtugħ Ġenitali Femminili (MĠF/Q) jinkludi l-proċeduri kollha li jinvolvu t-tneħħija parzjali jew totali tal-ġenitali esterni femminili jew ħsara oħra lill-organi ġenitali femminili għal raġunijiet mhux mediċi, kif definit mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO).

Il-MĠF issir għal raġunijiet kulturali, reliġjużi u/jew soċjali fuq bniet bejn l-età tal-infanzja u l-età ta' 15-il sena. Il-MĠF tikkostitwixxi forma ta' abbuż tat-tfal u vjolenza kontra n-nisa u l-bniet; hija għandha konsegwenzi fiżiċi u psikoloġiċi gravi kemm fuq żmien qasir kif ukoll fit-tul.

Il-Mutilazzjoni Ġenitali Femminili hija forma ta' vjolenza kontra n-nisa li hi kriminalizzata skont il-Konvenzjoni ta' Istanbul tal-Kunsill tal-Ewropa. Il-Konvenzjoni hija ffirmata mill-Istati Membri kollha tal-UE, u 20 Stat Membru s'issa rratifikawha, fejn ċittadini tal-UE jistgħu jittellgħu l-qorti talli jwettqu l-MĠF/Q barra l-pajjiż.

Matul l-aħħar 10 snin, l-Unjoni Ewropea kisbet objettivi importanti dwar dan is-suġġett. Bis-saħħa tal-Unjoni Ewropea, il-kooperazzjoni mal-UNICEF, il-UNFPA u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, madwar 3.3 miljun mara u tifla kellhom aċċess għas-servizzi ta' protezzjoni u ta' prevenzjoni. Aktar minn 20,000 grupp ta' komunità fl-Afrika talbu pubblikament għall-eliminazzjoni tal-mutilazzjoni ġenitali. Bl-appoġġ ta' sħubija b'saħħitha bejn l-Unjoni Ewropea, l-Unjoni Afrikana u l-istati difensuri Afrikani, 12-il pajjiż Afrikan stabbilew linji baġitarji nazzjonali biex itemmu l-prattika. Netwerks reġjonali u nazzjonali ta' organizzazzjonijiet reliġjużi huma wkoll fis-seħħ fl-Istati Għarab biex jiġġieldu l-prattika.

L-Unjoni Ewropea tibqa' impenjata lejn l-implimentazzjoni sħiħa tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, li tindirizza l-mutilazzjoni ġenitali femminili permezz tal-Għan numru 5 tagħha dwar l-Ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-mira speċifika 5.3 tagħha dwar l-eliminazzjoni ta' prattiki dannużi.

Ħafna bniet u nisa li jgħixu fl-Unjoni Ewropea huma wkoll f'riskju jew sofrew minn MĠF. L-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi wettaq riċerka dwar il-prevalenza tal-mutilazzjoni ġenitali femminili fl-Unjoni Ewropea u riċentement ippubblika studju dwar il-prevalenza tal-MĠF fil-Belġju, il-Greċja, Franza, l-Italja, Ċipru u Malta. Dan l-istudju jipprovdi informazzjoni kwalitattiva u kwantitattiva aktar preċiża dwar il-mutilazzjoni ġenitali femminili u r-riskju tagħha fost il-bniet fl-UE, filwaqt li jitqiesu xejriet ġodda ta' migrazzjoni.

Għal aktar informazzjoni

M&T - Il-Mutilazzjoni Ġenitali Femminili u l-azzjoni tal-UE biex tiġi eliminata din il-prattika

L-Inizjattiva Spotlight tal-UE u n-NU

Studju dwar ir-riskju tal-MĠF f'6 pajjiżi tal-UE (il-Belġju, Ċipru, Franza, il-Greċja, l-Italja u Malta)

STATEMENT/19/810

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar