Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Dikjarazzjoni

Il-Bilanċ bejn ix-Xogħol u l-Ħajja Privata: Il-Kummissjoni tilqa' l-ftehim proviżorju li ntlaħaq illum

Brussell, I-24ta' jannar 2019

Illum, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill laħqu ftehim proviżorju dwar il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea għal Direttiva ġdida dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u għall-persuni li jindukraw. L-ewwel Viċi President Frans Timmermans, il-Kummissarji Marianne Thyssen u Vĕra Jourová laqgħu l-ftehim bid-dikjarazzjoni li ġejja:

“Il-ftehim proviżorju milħuq illum bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni Ewropea huwa aħbar tajba għall-familji fl-Ewropa. Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali huwa dwar it-titjib tal-ħajja ta' kuljum tal-Ewropej. Il-ftehim proviżorju tal-lum jikkonkretizzaha tabilħaqq din il-viżjoni, u jagħti lill-familji b'ġenituri li jaħdmu u lill-persuni li jindukraw għażla reali dwar kif jibbilanċjaw ix-xogħol mal-ħajja tal-familja tagħhom. Dan huwa pass ta' ġgant 'il quddiem lejn Ewropa aktar soċjali u jixhed il-veru tifsira tal-Pilastru.

Permezz ta' regoli ġodda li jiffavorixxu l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata adattati għall-ħajja fis-seklu 21, in-nisa u l-irġiel li jaħdmu issa se jkollhom l-opportunità li jaqsmu r-responsabbiltajiet ta' ndukrar tat-tfal u tal-qraba b'mod ugwali. Il-Ftehim tal-lum jistabbilixxi standard minimu Ewropew ta' 10 ijiem ta' liv tal-paternità għall-missirijiet wara t-twelid tat-tarbija tagħhom, li jrid jitħallas bħala liv tal-mard. Isaħħaħ ukoll id-dritt eżistenti ta' 4 xhur liv tal-ġenituri bl-introduzzjoni ta' xahrejn liv mhux trasferibbli bejn il-ġenituri u ta' kumpens għal dawn ix-xahrejn f'livell determinat mill-Istati Membri. Qbilna wkoll dwar id-dispożizzjonijiet Ewropej għal-liv għall-persuni li jindukraw billi attribwejna 5 ijiem għal kull ħaddiem fis-sena bħala intitolament Ewropew ġdid għall-ħaddiema. L-aħħar punt iżda mhux inqas importanti, ir-regoli l-ġodda jsaħħu d-dritt għall-ġenituri u l-persuni li jindukraw kollha li jitolbu arranġamenti tax-xogħol aktar flessibbli.

Iżda l-iskop ma kienx biss li nsaħħu d-drittijiet tal-individwi. Ir-regoli l-ġodda huma mudell ta' kif inqarrbu l-prijoritajiet soċjali u ekonomiċi. In-negozji se jkunu jistgħu jattiraw u jżommu magħhom nisa u rġiel kapaċi. L-ekonomija Ewropea se tiggwadanja minn din il-proposta u dan se jikkontribwixxi għall-eliminazzjoni tad-diskrepanza fl-impjiegi bejn l-irġiel u n-nisa. Bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel mhuwiex biss politika ġusta, iżda wkoll intelliġenti

Il-passi li jmiss

Dan il-ftehim proviżorju issa jrid jiġi adottat formalment kemm mill-Parlament Ewropew kif ukoll mill-Kunsill.

Kuntest

Biex tindirizza l-isfidi li jħabbtu wiċċhom magħhom il-ġenituri li jaħdmu u l-persuni li jindukraw fl-ibbilanċjar tar-responsabbiltajiet tax-xogħol u tal-familja, f'April 2017, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet l-inizjattiva “Bilanċ bejn ix-Xogħol u l-Ħajja Privata”. Din l-inizjattiva hija riżultat ewlieni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

Id-Direttiva dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata tistabbilixxi għadd ta' standards ġodda jew ogħla għal-liv tal-ġenituri, tal-paternità u ta' dawk li jindukraw, kif ukoll id-dritt li jintalbu arranġamenti tax-xogħol flessibbli. Tqis il-ħtiġijiet ta' kumpaniji żgħar u ta' daqs medju u tiżgura li dawn ma jiġux affettwati b'mod sproporzjonat. Id-Direttiva l-ġdida hija kkumplimentata b'miżuri ta' politika u ta' finanzjament li jappoġġjaw lill-Istati Membri fl-infurzar ta' leġiżlazzjoni eżistenti dwar il-protezzjoni mis-sensja, fl-iżvilupp ta' servizzi ta' kura formali u fl-indirizzar tad-diżinċentivi ekonomiċi li jżommu lil persuni li huma t-tieni sors tad-dħul lura milli jaħdmu.

Għal aktar informazzjoni

Stqarrija għall-istampa: It-twettiq tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali – il-Kummissjoni tadotta l-ewwel inizjattivi konkreti

Skeda informattiva: Bidu ġdid biex jiġi appoġġat il-bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol għall-ġenituri u dawk li jindukraw

L-Ewrobarometru dwar il-Bilanċ bejn ix-Xogħol u l-Ħajja Privata

Skeda informattiva: Il-Prijoritajiet Soċjali skont il-Kummissjoni Juncker

 

 

 

STATEMENT/19/424

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar