Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Dikjarazzjoni

It-tilqim: Wasal il-mument li nitkellmu kontra d-diżinformazzjoni! Stqarrija mill-Viċi President Jyrki Katainen dwar il-Ġimgħa Ewropea tal-Immunizzazzjoni

Brussell, is-26ta' april 2019

It-tilqim huwa wieħed mill-aktar miżuri ta' suċċess għas-saħħa pubblika sal-lum. It-tilqim mhux talli jipprevjeni l-mard u jsalva l-ħajjiet, iżda wkoll inaqqas l-ispejjeż tal-kura tas-saħħa. Tul l-aħħar żewġ sekli, ġie ppruvat b'mod konsistenti li t-tilqim jaħdem. Dan huwa fatt u mhux kwistjoni ta' opinjoni. Sfortunatament, dawk minna li jsegwu l-aħbarijiet, bla dubju rajna titli ewlenin impressjonanti dwar iż-żieda f'dawn l-aħħar snin fit-tifqigħat ta' mard li jista' jiġi evitat bit-tilqim, li wasslu għal konsegwenzi gravi fuq is-saħħa u xi kultant – imwiet li setgħu jiġu evitati. L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa indikat id-diżinformazzjoni dwar it-tilqim bħala waħda mill-iktar 10 theddidiet ewlenin għas-saħħa pubblika din is-sena. Iżda dan ifisser li qed tmajna il-fiduċja fix-xjenza?

Għandna aħbar tajba: kif wera l-ewwel Ewrobarometru pubblikat illum dwar l-attitudnijiet fir-rigward tat-tilqim, 85 % taċ-ċittadini tal-UE jemmnu li t-tilqim huwa mod effettiv għall-prevenzjoni ta' mard infettiv, biex wieħed jipproteġi lilu nnifsu u lill-oħrajn. It-tilqim tal-massa huwa kruċjali, b'mod partikolari meta wieħed ikollu sistema immunitarja kompromessa u ma jkunx jista' jitlaqqam. Pereżempju, it-tfal li jegħlbu l-kanċer ma jistgħux jitqiegħdu fir-riskju sempliċiment għaliex sħabhom ma jkunux imlaqqma.

L-Ewrobarometru wera wkoll li f'dawn l-aħħar ħames snin, madwar nofs iċ-ċittadini tal-UE tlaqqmu u l-biċċa l-kbira (79 %) jikkonsultaw lill-professjonisti fil-kura medika u jafdawhom biex jiksbu l-informazzjoni dwar it-tilqim.

Id-data tal-aħħar tikkonferma li l-inizjattiva tal-Kummissjoni flimkien mal-Koalizzjoni tal-Ħaddiema fil-Kura tas-Saħħa (Coalition of Healthcare Workers), qed tmexxina fit-triq it-tajba biex inżidu s-sensibilizzazzjoni b'mod effettiv. Dan kien biss l-ewwel riżultat tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill adottata riċentement dwar it-tisħiħ tal-kooperazzjoni kontra l-mard li jista' jiġi evitat bit-tilqim, u se jsegwu aktar riżultati.

Madankollu, kien hemm ukoll xi sejbiet inkwetanti: 48 % tal-Ewropej jemmnu – b'mod żbaljat – li ħafna drabi t-tilqim jista' jikkawża effetti sekondarji severi, u 38 % jaħsbu li t-tilqim jista' jikkawża l-istess mard li jipproteġi minnu.

Dan ifisser li għad fadlilna x'naqdfu f'ħidmitna biex tiżdied il-kopertura tat-tilqim u biex niġġieldu kontra d-diżinformazzjoni dwar it-tilqim. Se nkomplu nvaraw l-azzjonijiet kollha inklużi fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-kooperazzjoni msaħħa kontra l-mard li jista' jiġi evitat bit-tilqim, u b'sodisfazzjon inħabbar li fit-12 ta' Settembru 2019, il-Kummissjoni u l-WHO se jospitaw is-Summit dwar it-Tilqim Globali fi Brussell. Dan huwa messaġġ ċar ta' approvazzjoni politika għall-benefiċċji tat-tilqim, l-importanza ta' riċerka kontinwa għal tilqim aħjar u l-ħtieġa li jiġi żgurat aċċess ugwali għat-tilqim għal kulħadd. Fl-aħħar, iżda mhux l-inqas, is-solidarjetà globali u l-azzjoni deċiżiva tagħna kontra d-diżinformazzjoni dwar it-tilqim huma kruċjali. Ejja ningħaqdu flimkien biex inżidu s-sensibilizzazzjoni dwar fatt wieħed sempliċi: It-tilqim jaħdem!

 

Kuntest

Aqra r-riżultati tal-Ewrobarometru hawnhekk.

Ħarsa ġenerali dwar it-tilqim

STATEMENT/19/2254

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar