Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Dikjarazzjoni

Is-Suq Uniku Diġitali: Il-Kummissjoni tilqa' l-vot tal-Parlament Ewropew dwar regoli ġodda biex jitjieb l-użu ġust u trasparenti tal-pjattaformi online

Strasburgu, is-17ta' april 2019

Illum, il-Parlament Ewropew approva r-Regolament il-ġdid dwar prattiki kummerċjali bejn il-pjattaformi u n-negozji li għandu l-għan li jistabbilixxi ambjent ġust, fdat u ggwidat mill-innovazzjoni għan-negozji u n-negozjanti meta jużaw il-pjattaformi online.

Il-Viċi President għas-Suq Uniku Diġitali, Andrus Ansip, il-Kummissarju għas-Suq Intern, l-Industrija, l-Intraprenditorija u l-SMEs, Elżbieta Bieńkowska, u l-Kummissarju għall-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali, Mariya Gabriel, esprimew sodisfazzjon bir-riżultat tal-votazzjoni fi stqarrija konġunta:

Aħna kuntenti bl-appoġġ kbir għar-regoli l-ġodda dwar il-prattiki kummerċjali tal-pjattaformi online fost il-membri tal-Parlament Ewropew. Peress li dan huwa l-ewwel regolament fid-dinja li jindirizza l-isfidi tar-relazzjonijiet kummerċjali fi ħdan l-ekonomija tal-pjattaformi online, huwa pass importanti tas-Suq Uniku Diġitali u jwitti t-triq għal żviluppi futuri. Dan mhux biss se jtejjeb il-fiduċja, il-prevedibbiltà u ċ-ċertezza legali, se joffri wkoll għażliet ġodda u aċċessibbli għar-rimedju u r-riżoluzzjoni tat-tilwim bejn in-negozji u l-pjattaformi.

Ir-Regolament tfassal bil-ħsieb li l-miljuni ta' intrapriżi żgħar u ta' daqs medju ma jkollhomx għalfejn iħabbtu wiċċhom iktar ma' sospensjonijiet tal-kontijiet bla spjegazzjoni, klassifikazzjonijiet opaki fir-riżultati tat-tiftix, riżoluzzjonijiet tat-tilwim li jiswew ħafna flus u ħafna prattiki inġusti oħra. Se jkun ukoll ta' benefiċċju kbir għall-konsumaturi billi se jinċentiva lin-negozji jsiru attivi fuq il-pjattaformi online u b'dan il-mod iwassal għal għażla akbar ta' oġġetti u servizzi, ta' kwalità aħjar u bi prezzijiet aktar baxxi.

Aħna grati lill-partijiet kollha involuti, lill-Istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri, għall-isforzi kbar tagħhom biex jilħqu kompromess tajjeb f'perjodu ta' żmien qasir ħafna. Dan huwa żvilupp pożittiv ieħor qabel l-elezzjonijiet Ewropej li ġejjin.

Passi li jmiss

It-test adottat illum mill-Parlament Ewropew għad irid jiġi approvat formalment mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Ladarba jiġi approvat, ir-Regolament jidħol fis-seħħ 12-il xahar wara li jiġi ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali.

L-UE stabbilixxiet ukoll Osservatorju tal-Pjattaformi Online apposta biex jimmonitorja l-evoluzzjoni tas-suq u l-implimentazzjoni effettiva tar-regoli. L-Osservatorju diġà beda l-ħidma tiegħu u se jagħti pariri lill-Kummissjoni dwar il-ħtieġa għal aktar azzjoni.

Kuntest

Il-pjattaformi joffru opportunitajiet għal aċċess rapidu u effiċjenti għas-swieq internazzjonali online tal-konsumaturi, u għalhekk saru jintużaw minn miljuni ta' negozji ta' suċċess. Madankollu, tqies li huwa importanti li jiġu indirizzati xi kwistjonijiet strutturali u li jiġu evitati l-prattiki kummerċjali inġusti.

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Pjattaformi Online ta' Mejju 2016 tidentifika ċerti oqsma fejn hemm bżonn isiru aktar sforzi ħalli tkun żgurata ekosistema ta' fiduċja, legali u ggwidata mill-innovazzjoni fl-UE. B'riżultat ta' dan, f'April 2018 il-Kummissjoni ressqet proposta għal Regolament tal-UE dwar il-korrettezza u t-trasparenza fin-negozjar fuq il-pjattaformi online kif ukoll ħolqot l-Osservatorju dwar l-ekonomija tal-pjattaformi online. Din l-inizjattiva twettaq l-impenn meħud fid-Diskors dwar l-Istat tal-Unjoni tal-2017 tal-President Juncker biex jiġi salvagwardjat ambjent kummerċjali ġust, prevedibbli, sostenibbli u affidabbli fl-ekonomija online.Hija wkoll parti mill-kisbiet tas-Suq Uniku Diġitali (li huma dettaljati f'din is-serje ta' entrati fil-blog tal-Viċi President Andrus Ansip).

Ir-regoli l-ġodda huma mirfuda b'valutazzjoni tal-impatt li tinkludi evidenza u fehmiet tal-partijiet ikkonċernati li nġabru waqt eżerċizzju ta' ġbir tal-informazzjoni mifrux fuq sentejn.

Għal aktar tagħrif

Stqarrija għall-istampa: In-negozjaturi tal-UE jaqblu li joħolqu regoli Ewropej ġodda biex titjieb il-ġustizzja tal-prattiki kummerċjali tal-pjattaformi online

MEMO – Mistoqsijiet u Tweġibiet

Skeda informattiva: Il-pjattaformi online – regoli ġodda biex jiżdiedu t-trasparenza u l-korrettezza

STATEMENT/19/2160

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar