Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Dikjarazzjoni

Il-Jum Internazzjonali tar-Rom: Stqarrija mill-Ewwel Viċi President Frans Timmermans u l-Kummissarji Johannes Hahn, Marianne Thyssen, Vĕra Jourová, Corina Creţu

Brussell, il-5ta' april 2019

Fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali tar-Rom fit-8 ta' April, l-Ewwel Viċi President Frans Timmermans u l-Kummissarji Johannes Hahn, Marianne Thyssen, Vĕra Jourová, Corina Creţu stqarru:

"Illum niċċelebraw il-kultura tar-Rom u nfakkru l-istorja tagħhom li ilha parti mill-Ewropa għal sekli sħaħ. Minkejja li huma jifformaw l-akbar minoranza fl-Ewropa, il-komunitajiet tar-Rom għadhom qegħdin ibatu minn diskriminazzjoni u marġinalizzazzjoni mifruxa. Dan ma jħallihomx li jkollhom aċċess għal drittijiet fundamentali għall-edukazzjoni, l-impjiegi, l-akkomodazzjoni deċenti jew servizzi bażiċi tas-saħħa.

L-antiżingariżmu qiegħed jiżdied. Qegħdin nassistu għal diskorsi b'kontenut estrem, anki minn politiċi, u t-tixrid ta' diskors ta' mibgħeda, kif ukoll aħbarijiet foloż fuq l-internet. Il-kliem iwassal għall-mibgħeda, u l-mibgħeda twassal għall-vjolenza. Hemm bżonn li nkunu moħħna hemm biex naraw li r-Rom ma jerġgħux ikunu fil-mira ta' tfixkil u attakki. Hemm bżonn li nitgħallmu mill-istorja tagħna u hemm bżonn li ma nħallux llil min irewwaħ in-nirien ta' mibgħeda antika.

Biex nagħmlu dan, hemm bżonn li nirriaffermaw il-valuri fundamentali tagħna. L-UE trid soċjetà fejn it-trattament ugwali tkun realtà għall-minoritajiet kollha, u fejn jiġu offruti l-istess drittijiet u opportunitajiet lill-komunitajiet tar-Rom, daqs kulħadd. Dan hu dak li aħna.

Il-Jum Internazzjonali tar-Rom huwa opportunità biex inħarsu lejn dak li sar fil-livell tal-UE u dak nazzjonali, u biex intejbu l-inklużjoni tar-Rom. Il-ħidma tal-Istati Membri ġiet iggwidata mill-Qafas tal-UE għall-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom sa mill-2011, u hemm ukoll fondi mill-UE disponibbli f'sostenn għall-integrazzjoni tar-Rom. Din l-istrateġija qiegħda tħallli l-frott; qegħdin naraw titjib, b'mod partikolari fil-qasam tal-edukazzjoni.

Iżda għad fadlilna triq twila quddiemna sabiex naraw li l-komunitajiet tar-Rom ikunu jistgħu jaslu sal-potenzjal sħiħ tagħhom. Il-Kummissjoni Ewropea tħeġġeġ lill-pajjiżi tal-UE, kif ukoll lis-sħab li għandhom perspettiva Ewropea biex iżommu mal-impenji li daħlu għalihom li tissaħħaħ il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u biex jappoġġaw il-parteċipazzjoni u r-rappreżentanza tar-Rom fil-qasam politiku, fl-ekonomiji u s-soċjetajiet tagħna. Huma u aħna, xorta.

Biex inġibu fi tmiemha marġinalizzazzjoni li ilha għaddejja s-sekli hemm bżonn ta' kooperazzjoni madwar l-Ewropa kollha. Il-politiċi kollha, sew fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak lokali, hemm bżonn li jkattru l-fiduċja bejn il-komunitajiet tar-Rom u dawk li mhux Rom, u li jaraw li r-Rom igawdu mill-istess drittijiet u opportunitajiet daqs Ewropej oħrajn.”

Kuntest

Ir-Rom huma l-akbar komunità minoritarja tal-Ewropa – b'sitt miljun Rom li jgħixu fl-UE u erba' miljun fil-pajjiżi involuti fit-tkabbir (il-Montenegro, is-Serbja, il-Maċedona ta' Fuq, l-Albanija, il-Bożnja u Ħerżegovina, il-Kosovo u t-Turkija). Madankollu ilhom isofru minn nuqqas ta' ugwaljanza, esklużjoni soċjali, diskriminazzjoni u marġinalizzazzjoni.

L-evalwazzjoni tal-Qafas tal-UE tal-2011 għall-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom sal-2020, li għamlet il-Kummissjoni Ewropea dan l-aħħar, evalwa kif ġew implimentati l-Istrateġiji għall-Integrazzjoni tar-Rom madwar l-UE. Ġie indikat xi titjib pożittiv mill-proġett pilota “Roma Civil Monitor” b'mod partikolari fil-qasam tal-edukazzjoni, iżda irid isir aktar fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u fil-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u ekonomika tal-komunitajiet tar-Rom. L-azzjoni tal-UE pprovdiet valur miżjud lill-politiki nazzjonali tar-Rom u lill-implimentazzjoni tagħhom permezz ta' dimensjonijiet politiċi, ta' governanza u finanzjarji.

Il-Kummissjoni tappoġġja l-inklużjoni tal-komunitajiet tar-Rom permezz ta' proġetti u ffinanzjar differenti:

- il-Politika ta' Koeżjoni: Objettiv speċifiku fil-proposta tal-Kummissjoni għall-Fond Soċjali Ewropew Plus il-ġdid għall-perjodu bejn l-2021 u l-2027 se jkun iddedikat għall-avvanz tal-inklużjoni soċjali ta' gruppi marġinalizzati. Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali se jibqa' jappoġġa l-infrastruttura fil-kura tat-tfal, il-kura tas-saħħa, il-kura soċjali, l-edukazzjoni u l-akkomodazzjoni.

- Il-programm JUSTROM jagħti s-setgħa lil nisa Rom u jappoġġa l-vittmi tad-diskriminazzjoni;

- Il-programm INSCHOOL jippromwovi l-edukazzjoni inklussiva u disegregazzjoni għat-tfal tar-Rom.

- Il-programmi ROMACT u ROMACTED, inizjattivi stabbiliti fl-2013 u fl-2016 rispettivament, jgħinu wkoll lill-komunità tar-Rom billi jappoġġaw lill-awtoritajiet lokali f'180 muniċipalità fl-UE u fil-pajjiżi involuti fit-tkabbir bit-tfassil, l-iffinanzjar u l-implimentazzjoni ta' politiki u ta' servizzi pubbliċi immirati lejn il-ħolqien ta' soċjetà aktar inklussiva għar-Rom. Dawn l-inizjattivi huma programmi konġunti bejn il-Kummissjoni u l-Kunsill tal-Ewropa.

- Is-sitwazzjoni tal-minoranzi bħar-Rom tittieħed f'kunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-kapaċità ta' kandidati potenzjali u pajjiżi kandidati biex isiru membri tal-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni tappoġġa l-gvernijiet u s-soċjetà ċivili fil-Balkani tal-Punent u fit-Turkija fil-livelli lokali, nazzjonali u reġjonali

għall-implimentazzjoni ta' proġetti għall-integrazzjoni tar-Rom. Għall-perjodu 2021-2027, l-azzjonijiet se jkunu ffukati fuq l-edukazzjoni, l-impjiegi, is-saħħa, l-akkomodazzjoni u d-dokumentazzjoni ċivili kif ukoll fuq kwistjonijiet trasversali li jikkontribwixxu għall-ugwaljanza tal-ġeneru u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni. 

Studju li jorjenta r-riċerka dwar it-tfal tar-Rom ġie ppreżentat fit-12-il Forum Ewropew dwar id-Drittijiet tat-Tfal. Dan jagħmel rakkomandazzjonijiet lil dawk kollha involuti fl-integrazzjoni tar-Rom, inkluż l-Unjoni Ewropea, il-gvernijiet nazzjonali, reġjonali u lokali, l-NGOs u organizzazzjonijiet oħra kif ukoll lil donaturi. L-istudju sħiħ jista' jinstab hawn.

Għat-tielet sena konsekuttiva, il-Kummissjoni Ewropea se tingħaqad mal-inizjattiva tal-Parlament Ewropew, flimkien ma' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili rappreżentattivi Ewropej, biex tospita sensiela ta' avvenimenti fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali tar-Rom. Aktar informazzjoni tista' tinkiseb hawn. 

Għal iktar informazzjoni

Il-politika tal-UE dwar l-integrazzjoni tar-Rom

Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Eworpew dwar il-ħtieġa ta' Qafas Strateġiku tal-UE għall-Istrateġiji Nazzjonali għall-Inklużjoni tar-Rom għal wara l-2020 u t-twessiegħ tal-ġlieda kontra l-antiżingariżmu (Frar 2019)

Ir-rapport tal-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali: Roma women in nine EU Member States (In-nisa Rom f'disa' Stati Membru tal-UE)

L-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali – Miżuri f'appoġġ għan-nisa Rom

Ir-rapport tal-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali: A persisting concern: (Preokkupazzjoni li għadha teżisti:) antigypsyism as a barrier to Roma inclusion (l-antiżingariżmu bħala xkiel għall-inklużjoni tar-Rom)

STATEMENT/19/1956

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar