Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Dikjarazzjoni

Il-Kummissjoni tilqa' l-votazzjoni tal-Parlament Ewropew dwar regoli ġodda li jiffaċilitaw l-aċċess għall-kontenut tat-televiżjoni u tar-radju online minn fruntiera għall-oħra

Strasburgu, it-28ta' marzu 2019

Wara li l-Parlament Ewropew approva r-regoli modernizzati dwar id-drittijiet tal-awtur aktar kmieni din il-ġimgħa, illum il-Parlament approva biċċa leġiżlazzjoni kruċjali oħra biex ir-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur ikunu adattati għall-era diġitali. Il-Kummissjoni tilqa' il-votazzjoni pożittiva għad-Direttiva li se tissimplifika d-distribuzzjoni u t-trażmissjoni mill-ġdid tal-programmi tat-televiżjoni u tar-radju minn fruntiera għall-oħra.

Fi stqarrija konġunta, il-Viċi President għas-Suq Uniku Diġitali Andrus Ansip u l-Kummissarju għall-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali Mariya Gabriel qalu:

Nilqgħu l-approvazzjoni tad-Direttiva dwar il-programmi tat-televiżjoni u tar-radju mill-Parlament Ewropew. Permezz tal-votazzjoni tal-lum, qed inlestu l-modernizzazzjoni tar-regoli tal-UE dwar id-drittijiet tal-awtur li tnedew fl-2015 u qed noqorbu aktar lejn Suq Uniku Diġitali li jiffunzjona b'mod sħiħ.

Il-programmi tat-televiżjoni u tar-radju huma sors essenzjali ta' informazzjoni, kultura u divertiment għaċ-ċittadini Ewropej. Ir-regoli l-ġodda se joffru aċċess aħjar għal dawn il-programmi fl-Unjoni kollha, għall-benefiċċju tad-diversità kulturali. Se jagħmluha aktar faċli għax-xandara Ewropej biex parti kbira mill-programmi tagħhom tat-televiżjoni u tar-radju jkunu disponibbli online fil-pajjiżi kollha tal-UE, filwaqt li jiġi żgurat li l-kreaturi, l-awturi u d-detenturi tad-drittijiet jitħallsu b'mod xieraq għall-użu tal-kontenut tagħhom.

Ir-regoli l-ġodda se jkunu partikolarment rilevanti għall-41 % tal-Ewropej li jaraw it-televiżjoni online iżda wkoll għall-minoranzi lingwistiċi kif ukoll għall-20 miljun ċittadin tal-UE li qed jgħixu f'pajjiż ieħor tal-UE.

Flimkien mar-regoli dwar il-portabbiltà li jippermettu lill-Ewropej jivvjaġġaw bl-abbonamenti online tagħhom, permezz tal-implimentazzjoni tat-Trattat ta' Marrakexx li jipprovdi aċċess aħjar għall-kotba lill-persuni għomja u b'vista batuta, kif ukoll tad-Direttiva l-ġdida dwar id-Drittijiet tal-Awtur imfassla biex iġġib benefiċċji tanġibbli liċ-ċittadini, lis-setturi kreattivi, u lill-istampa, qed inlestu l-inizjattiva usa' tagħna biex ir-regoli tal-UE dwar id-drittijiet tal-awtur jiġu aġġornati għall-era diġitali."

 

Il-Passi li Jmiss

It-test adottat illum mill-Parlament Ewropew se jkollu jiġi approvat formalment mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Ladarba jiġi ppubblikat f'Iil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri se jkollhom 24 xahar biex jittrasponu r-regoli l-ġodda fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom.

 

Kuntest

F'Settembru 2016, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet Regolament biex tiffaċilita l-għoti tal-liċenzja ta' drittijiet għal ċerti trażmissjonijiet online tax-xandara u għat-trażmissjonijiet mill-ġdid tal-programmi tat-televiżjoni u tar-radju. Bħala parti mill-ftehim politiku li ntlaħaq fit-13 ta' Diċembru 2018, il-koleġiżlaturi tal-UE qablu li r-Regolament propost jinbidel f'Direttiva.

Din id-Direttiva tikkumplementa r-regoli stabbiliti fid-Direttiva eżistenti dwar is-Servizzi bil-Kejbil u bis-Satellita (id-Direttiva 93/83/KEE), li diġà tiffaċilita x-xandir transfruntiera bis-satellita u t-trażmissjoni mill-ġdid bil-kejbil tal-programmi tat-televiżjoni u tar-radju minn Stati Membri oħra.

Ir-regoli dwar it-trażmissjonijiet online tax-xandara se japplikaw għall-programmi tar-radju kollha u għal ċerti programmi tat-televiżjoni (l-aħbarijiet u l-programmi dwar il-ġrajjiet kurrenti u l-produzzjonijiet kompletament iffinanzjati tax-xandara stess).

Ir-regoli l-ġodda se jipprovdu:

  • Opportunitajiet ġodda għax-xandara, permezz tal-prinċipju tal-pajjiż ta' oriġini li se jiffaċilita l-għoti tal-liċenzja ta' drittijiet, sabiex ikunu jistgħu jagħmlu ċerti programmi fis-servizzi online tagħhom disponibbli minn fruntiera għall-oħra (is-servizzi koperti huma s-simulcasting, is-servizzi ta' ripetizzjoni u servizzi oħra li jikkumplementaw ix-xandir ewlieni, bħal pereżempju l-filmati ta' preżentazzjoni).
  • Għażla usa' ta' programmi tat-televiżjoni u tar-radju offruti mis-servizzi tat-trażmissjoni mill-ġdid ipprovduti permezz tan-netwerks tax-xandir tat-televiżjoni diġitali permezz tal-protokoll tal-internet (IPTV), in-netwerks bis-satellita, terrestri diġitali u mobbli jew minn fuq l-internet. Id-Direttiva tapplika mekkaniżmu ffaċilitat ta' approvazzjoni tad-drittijiet – is-sistema ta' ġestjoni kollettiva obbligatorja – għas-servizzi tat-trażmissjoni mill-ġdid ipprovduti b'mezzi oħra minbarra l-kejbil (eż. minn fuq l-internet), u b'hekk ikun aktar faċli biex jinkisbu l-awtorizzazzjonijiet meħtieġa għat-trażmissjoni mill-ġdid tal-istazzjonijiet tar-radju u tat-televiżjoni minn Stati Membri oħra.
  • Iċ-ċertezza tad-dritt għat-trażmissjonijiet tal-programmi tar-radju u tat-televiżjoni permezz ta' injezzjoni diretta, filwaqt li jiġi żgurat li d-detenturi tad-drittijiet ikunu remunerati b'mod xieraq meta x-xogħlijiet tagħhom jintużaw fil-programmi trażmessi permezz ta' injezzjoni diretta.

 

Għal Aktar Informazzjoni

STATEMENT/19/1888

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar