Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Dikjarazzjoni

Stqarrija konġunta tal-Viċi President Ansip u l-Kummissarju Gabriel b'rabta mal-votazzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-regoli l-ġodda tal-UE dwar it-telekomunikazzjoni

Brussell, I-14ta' novembru 2018

Il-Parlament Ewropew illum ivvota favur l-istabbiliment ta' Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi u ta' Korp ta' Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi, kif ipproponiet il-Kummissjoni Ewropea f'Settembru 2016, bħala parti mill-istrateġija dwar is-Suq Uniku Diġitali. Il-Viċi President għas-Suq Uniku Diġitali Andrus Ansip u l-Kummissarju għall-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali Mariya Gabriel esprimew is-sodisfazzjon tagħhom dwar dan l-iżvilupp f'dikjarazzjoni konġunta:

"Il-votazzjoni tal-lum mill-Parlament Ewropew hija pass pożittiv u meħtieġ biex niżguraw li s-settur tat-telekomunikzzjoni fl-UE jaħdem kif mistenni. Ir-regoli l-ġodda dwar it-telekomunikazzjoni li se jiddaħħlu b'riżultat ta' dan huma wieħed mis-sisien essenzjali għall-futur diġitali tal-Ewropa u sors ta' drittijiet diġitali ġodda għaċ-ċittadini Ewropej. Huma kruċjali biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-konnettività dejjem akbar taċ-ċittadini Ewropej u jtejbu l-kompetittività tal-Ewropa. Barra minn hekk, jippermettu li titwitta t-triq biex il-5G jkun jista' jiddaħħal fl-Ewropa kollha.

B'dawn ir-regoli se nkunu nistgħu niggarantixxu aċċess iktar mħaġġel għall-mewġ tal-ispettru tar-radju, li huma riżorsa kruċjali għall-komunikazzjonijiet mobbli. Fl-istess ħin, nagħtu spinta lill-investiment f'netwerks b'veloċità kbira u ta' kwalità għolja f'kull rokna tal-UE, inkluż f'żoni remoti. Il-konsumaturi se jkunu mħarsa aħjar u jgawdu minn servizzi aqwa, irrispettivament minn jekk jużawx it-telefonati tradizzjonali, l-SMS inkella servizzi bbażati fuq l-internet bħal Skype u WhatsApp. Se jkollhom aċċess għal servizzi tal-komunikazzjoni bi prezzijiet aċċessibbli, fosthom l-internet disponibbli għal kulħadd u servizzi bħalma huma dawk tal-Gvern elettroniku, tas-servizzi bankarji online u tat-telefonati viżivi.Minn Mejju 2019 ‘il quddiem, se nkunu nistgħu inċemplu lejn pajjiżi oħra tal-UE għal mhux aktar minn 19-il ċenteżmu fil-minuta u nibgħatu SMS għal 6 ċenteżmi. Iċ-ċittadini se jkunu wkoll protetti aħjar f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza permezz tan-numru 112, b'mod partikolari permezz tat-trażmissjoni ta' twissijiet pubbliċi minn fuq il-mobile.

Ir-regoli l-ġodda dwar it-telekomunikazzjoni huma wkoll sors ta' ispirazzjoni. Ejjew nuru l-istess livell ta' ambizzjoni biex naġġornaw id-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika Dan ikun meħtieġ biex nimmodernizzaw ir-regoli tal-kunfidenzjalità fl-era diġitali, li jeħtieġ li jiġu allinjati b'urġenza mar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data — standard globali ġdid għall-protezzjoni tad-data — u wkoll biex ikopru għodod ta' kuljum bħalma huma l-messaġġi istantanji, it-telefonija tal-Internet u l-email ibbażat fuq l-internet”.

Il-passi li jmiss

Wara l-adozzjoni tal-lum mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-UE mistenni jadotta formalment id-Direttiva li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi u r-Regolament li jistabbilixxi l-Korp ta' Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC) fit-3 ta' Diċembru. Ladarba jiġi ppubblikat fl-Ġurnal Uffiċjali tal-UE, l-Istati Membri jkollhom sentejn biex jittrasponu l-Kodiċi fil-liġi nazzjonali.

Wara l-adozzjoni tal-lum tar-regolament dwar il-BEREC mill-Parlament Ewropew u l-adozzjoni tiegħu mill-Kunsill fit-3 ta' Diċembru, ir-regoli l-ġodda se jidħlu fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali.  Id-dispożizzjonijiet dwar it-telefonati fl-UE se japplikaw mill-15 ta' Mejju 2019.

Sfond

Meta jkunu fuq il-post tax-xogħol, fi djarhom jew qed jivvjaġġaw, l-Ewropej jistennew konnessjoni tal-internet veloċi u affidabbli. In-netwerks b'kapaċità kbira ħafna qed isiru dejjem aktar importanti għall-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa, il-manifattura u t-trasport. Biex tilqa' dawn l-isfidi u tipprepara għall-futur diġitali tal-Ewropa, f'Settembru 2016, il-Kummissjoni pproponiet id-Direttiva li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjoni Elettronika u r-Regolament li jistabbilixxi l-Korp ta' Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi. Il-kodiċi se jimmodernizza r-regoli attwali tal-UE dwar it-telekomunikazzjoni, li ġew aġġornati l-aħħar fl-2009, jistimula l-kompetizzjoni li tixpruna l-investimenti u jsaħħaħ is-suq intern u d-drittijiet tal-konsumatur.

F'Ġunju 2018 il-koleġiżlaturi tal-UE laħqu ftehim politiku dwar dawn ir-regoli.

Għal aktar informazzjoni

Stqarrija għall-istampa: EU negotiators reach a political agreement to update the EU's telecoms rules

Q & A

Skeda informattiva: Spectrum in the European Union

Skeda informattiva: More and better internet connectivity requires investments in high speed and quality networks

Digital Economy and Society Index (DESI) including data on connectivity per country

Aktar dwar it-telekomunikazzjoni

 

STATEMENT/18/6419

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar