Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Dikjarazzjoni

Dikjarazzjoni konġunta mill-Viċi President Ansip u l-Kummissarju Gabriel dwar il-votazzjoni tal-Parlament Ewropew biex jibdew in-negozjati dwar il-modernizzazzjoni tar-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur

Strasburgu, it-12ta' settembru 2018

Illum il-Parlament Ewropew approva l-pożizzjoni tiegħu fin-negozjati b'rabta mad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Awtur proposta mill-Kummissjoni Ewropea f'Settembru 2016. Il-Viċi President għas-Suq Uniku Diġitali Andrus Ansip u l-Kummissarju għall-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali Mariya Gabriel esprimew is-sodisfazzjon tagħhom dwar dan f'dikjarazzjoni konġunta:

“Kuntenti bil-vot tal-lum fil-Parlament Ewropew. Huwa sinjal b'saħħtu u pożittiv u pass essenzjali biex jintlaħaq l-objettiv tagħna ta' modernizzazzjoni tar-regoli tad-drittijiet tal-awtur fl-Unjoni Ewropea.

Issa l-koleġiżlaturi jistgħu jibdew jiddiskutu l-proposta leġiżlattiva li hija element ewlieni għall-istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali u waħda mill-prijoritajiet għall-Kummissjoni Ewropea.

B'din ir-riforma beħsiebna niksbu benefiċċji tanġibbli għaċ-ċittadini, għar-riċerkaturi, għall-edukaturi, għall-kittieba, għall-artisti, għall-istampa u għall-istituzzjonijiet tal-wirt kulturali tal-Unjoni Ewropea; barra minn hekk beħsiebna nwessgħu l-potenzjal għal aktar kreattività u kontenut, billi niċċaraw ir-regoli u naddattawhom għad-dinja diġitali. Qed nimmiraw ukoll, fl-istess ħin, li nissalvagwardjaw il-libertà tal-kelma u niżguraw li l-pjattaformi online — inklużi 7,000 pjattaforma online Ewropea — ikunu jistgħu jiżviluppaw offerti u mudelli ta' negozju ġodda u innovattivi.

Il-Kummissjoni tinsab lesta biex tibda taħdem mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill tal-UE, sabiex id-Direttiva tkun tista' tiġi approvata mill-aktar fis possibbli, idealment sa tmiem l-2018. Aħna impenjati bis-sħiħ biex nikkollaboraw mal-koleġiżlaturi sabiex jinkiseb eżitu ekwilibrat u pożittiv li jippermetti l-modernizzazzjoni awtentika tal-leġiżlazzjoni dwar id-drittijiet tal-awtur li l-Ewropa għandha bżonn.”

Sfond

Ir-riforma tad-drittijiet tal-awtur ġiet ippreżentata mill-Kummissjoni fl-14 ta' Settembru 2016 bħala parti mill-istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali. Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea approva l-pożizzjoni tiegħu dwar l-adattament tar-regoli tal-UE dwar id-drittijiet tal-awtur għall-ambjent diġitali f'Mejju 2018. Wara l-vot pożittiv tal-lum fil-Parlament Ewropew, id-diskussjonijiet tat-trilogu bejn il-koleġiżlaturi ser jibdew dalwaqt. Ir-regoli l-ġodda jkunu jistgħu jidħlu fis-seħħ wara li jintlaħaq ftehim u d-Direttiva tiġi adottata b'mod uffiċjali.

Ir-riforma tad-drittijiet tal-awtur tiffoka fuq tliet objettivi ewlenin:

  1. Aktar aċċess transfruntier għaċ-ċittadini għal kontenut online protett bid-drittijiet tal-awtur.
  2. Opportunitajiet usa' biex jintużaw materjali koperti mid-dritt tal-awtur għall-edukazzjoni, għar-riċerka, għall-wirt kulturali u għad-diżabbiltà (permezz tal-hekk imsejħa “eċċezzjonijiet”).
  3. Regoli aktar ċari għal suq tad-drittijiet tal-awtur li jiffunzjona, li jistimula l-ħolqien ta' kontenut ta' kwalità għolja.

Mad-Direttiva proposta dwar id-drittijiet tal-awtur fis-Suq Uniku Diġitali, il-Kummissjoni beħsiebha:

  • taġġorna u tarmonizza xi eċċezzjonijiet importanti għar-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur fl-oqsma tar-riċerka, tal-edukazzjoni u tal-preservazzjoni tal-wirt kulturali;
  • trawwem ġurnaliżmu ta' kwalità;
  • tiżgura li dawk li joħolqu u jinvestu fil-produzzjoni ta' kontenuti jkollhom vuċi dwar jekk il-kontenuti tagħhom humiex qed isiru disponibbli permezz ta' pjattaformi online u kif qed isir dan, u jekk humiex qed jitħallsu għall-kontenuti tagħhom u kif qegħdin jitħallsu;
  • iżżid it-trasparenza u l-bilanċ fir-relazzjonijiet kuntrattwali bejn l-awturi (il-kittieba u l-artisti) u l-produtturi u l-pubblikaturi tagħhom.

Għal aktar informazzjoni

Skeda informattiva dwar id-drittijiet tal-awtur

Proposta għal regoli moderni dwar id-drittijiet tal-awtur tal-UE

Il-Parlament Ewropew Regola 59.4

STATEMENT/18/5761

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar