Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Dikjarazzjoni

Dikjarazzjoni mir-Rappreżentant Għoli/Viċi President Federica Mogherini u l-Kummissarju għall-Għajnuna Umanitarja u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet Christos Stylianides dwar il-Jum Dinji tal-Għajnuna Umanitarja 2018

Brussell, is-17ta' awissu 2018

Fil-15-il Anniversarju tal-attakk bil-bombi fuq il-Kwartieri Ġenerali tan-NU f'Bagdad, l-Unjoni Ewropea tagħti ġieħ lill-impenn tal-ħaddiema umanitarji li jissograw ħajjithom biex iwasslu l-għajnuna umanitarja madwar id-dinja.Ir-rispett mingħajr ekwivoki tal-liġi internazzjonali, tas-sigurtà u s-sikurezza tal-ħaddiema umanitarji u l-aċċess bla xkiel tagħhom għal dawk fil-bżonn huma ta' importanza kbira għall-Unjoni Ewropea.

Qabel il-Jum Dinji tal-Għajnuna Umanitarja tal-2018, ir-Rappreżentant Għoli/Viċi President Federica Mogherini u Christos Stylianides, il-Kummissarju tal-UE għall-Għajnuna Umanitarja u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet, għamlu l-istqarrija li ġejja:

“Persuni pajżana ta' spiss ikollhom iħallsu l-ogħla prezz fil-kunflitti, u l-attakki, inkluż kontra ħaddiema umanitarji, għadhom qed iseħħu. 

Matul is-sena li għaddiet, mill-Afganistan san-Niġerja u mir-Repubblika Ċentru-Afrikana sal-Jemen, dawn l-attakki kkawżaw il-mewt ta' nies pajżana u ta' ħaddiema umanitarji. Dawn l-atti ta' vjolenza huma ksur serju tad-Dritt Umanitarju Internazzjonali. Is-salvataġġ tal-ħajjiet ma għandux jiswa l-ħajjiet.

Kważi 4,400 ħaddiem umanitarju sfaw vittmi ta' attakki kbar matul l-aħħar għoxrin sena. Aktar minn terz minn dawn inqatlu. Il-jum Dinji tal-Għajnuna Umanitarja huwa opportunità biex nagħtu ġieħ lil dawn il-ħaddiema umanitarji ddedikati, u biex nippromwovu s-sigurtà u s-sikurezza tagħhom.

Il-partijiet kollha f'kunflitti għandhom obbligu skont id-Dritt Umanitarju Internazzjonali biex jiżguraw is-sikurezza tal-ħaddiema umanitarji, u biex jiffaċilitaw l-aċċess umanitarju mingħajr xkiel u sostnut, b'mod li l-għajnuna tkun tista' tilħaq lill-popli kollha fil-bżonn.

L-UE hija minn ta' quddiem fid-dinja fl-assistenza umanitarja. Il-promozzjoni tal-għajnuna umanitarja bi prinċipji u tar-rispett għad-Dritt Umanitarju Internazzjonali tibqa' fil-qalba tal-impenn internazzjonali tagħna.”

 

Sfond

Persuni ċivili f'żoni ta' kunflitt huma regolarment maqtula jew midruba f'attakki mmirati jew indiskriminati. Il-kunflitti ġiegħlu għadd rekord ta' persuni jaħarbu minn djarhom, b'iktar minn 68.5 miljun persuna spostati b'mod furzat mad-dinja, li nofshom huma tfal taħt l-età ta' 18-il sena.

Fl-2017, l-UE mmobilizzat aktar minn EUR 2.43 biljun għal operazzjonijiet ta' għajnuna umanitarja f'aktar minn 80 pajjiż madwar id-dinja. Proporzjon sinifikanti ta' dan mar għall-appoġġ ta' popolazzjonijiet milquta mill-kunflitt fis-Sirja u r-refuġjati f'pajjiżi u reġjuni ġirien. L-UE kompliet ukoll tappoġġa lil dawk spustati minħabba kunflitti li ilhom għaddejjin, mill-Afganistan sal-Kolombja u l-Qarn tal-Afrika, filwaqt li twieġeb għal kriżijiet emerġenti, bħalma huma l-ispostament tar-Rohingya.

Iż-żieda qawwija fi ksur apposta tal-Liġi Umanitarja Internazzjonali (IHL) u tal-prinċipji umanitarji għamlet il-protezzjoni sfida ewlenija fil-kuntesti umanitarji tal-lum. Fl-2017, aktar minn 10 % tal-baġit għall-għajnuna umanitarja tal-UE ġie allokat għall-attivitajiet tal-protezzjoni umanitarja. 

L-UE kompliet taħdem favur it-tisħiħ tal-protezzjoni u l-konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali, inkluż permezz tad-djalogu, l-istqarrijiet u l-inizjattivi, kif ukoll permezz ta' finanzjament għal taħriġ fid-dritt umanitarju internazzjonali għall-persunal u l-imsieħba, u attivitajiet tad-disseminazzjoni u s-sensibilizzazzjoni tad-dritt umanitarju internazzjonali fost il-pubbliku ġenerali. 

Pereżempju, bl-appoġġ tal-UE, il-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar (ICRC) żviluppa l-kampanja “Kura tas-Saħħa fil-Periklu” li tqajjem kuxjenza dwar l-impatt mifrux u gravi ta' atti vjolenti li jxekklu t-twassil tal-kura tas-saħħa, jagħmlu ħsara lil faċilitajiet jew vetturi jew jeqirduhom, u jweġġgħu jew joqtlu l-ħaddiema tal-kura tas-saħħa u l-pazjenti. 

STATEMENT/18/5004

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar