Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Dikjarazzjoni

Stqarrija konġunta tal-Istati Uniti u l-UE wara ż-żjara tal-President Juncker fil-White House

Washington, il-25ta' lulju 2018

IIlum iltqajna f'Washington, D.C. biex inniedu fażi ġdida tar-relazzjoni bejn l-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea – fażi ta' ħbiberija mill-qrib, ta' relazzjonijiet kummerċjali b'saħħithom li t-tnejn li aħna ngawdu minnhom, ta' ħidma id f'id aħjar favur is-sigurtà globali u l-prosperità, u fil-ġlieda konġunta kontra t-terroriżmu.

Flimkien l-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea jirrappreżentaw aktar minn 830 miljun ċittadin u aktar minn 50 fil-mija tal-PDG globali. Jekk ngħaqqdu l-isforzi tagħna nkunu nistgħu nittrasformaw il-pjaneta għall-aħjar, f'post li jgawdi minn aktar sigurtà u prosperità.

Illum l-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea diġà għandhom relazzjoni kummerċjali bilaterali li tlaħħaq it-$1 triljun – l-akbar relazzjoni ekonomika fid-dinja. Irridu nkomplu nsaħħu din ir-relazzjoni kummerċjali għall-benefiċċju taċ-ċittadini Amerikani u Ewropej.

Din hija r-raġuni għaliex illum aħna ftehimna, l-ewwel u qabel kollox, li naħdmu flimkien biex inneħħu t-tariffi, l-ostakli mhux tariffarji kif ukoll is-sussidji fuq il-prodotti industrijali li ma jinkludux il-karozzi. Se naħdmu wkoll biex innaqqsu l-ostakli u nżidu l-kummerċ fis-servizzi, fis-sustanzi kimiċi, fil-farmaċewtiċi, fil-prodotti mediċi kif ukoll fil-fażola tas-sojja.

Dan se jiftaħ is-swieq għall-bdiewa u l-ħaddiema, iżid l-investiment u jwassal għal aktar prosperità kemm fl-Istati Uniti kif ukoll fl-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk se jwassal għal kummerċ aktar ġust u aktar reċiproku.

It-tieni element li ftehimna fuqu huwa t-tisħiħ tal-kooperazzjoni strateġika fir-rigward tal-enerġija. L-Unjoni Ewropea trid timporta aktar gass naturali likwifikat (LNG) mill-Istati Uniti biex tiddiversifika il-provvista tal-enerġija tagħha.

It-tielet element li qbilna fuqu llum jirrigwarda t-tnedija ta' djalogu mill-qrib dwar standards sabiex jiġi ffaċilitat il-kummerċ u jitnaqqsu l-ostakli burokratiċi kif ukoll l-ispejjeż.

Ir-raba' aspett jikkonċerna l-ftehim li ningħaqdu flimkien biex inħarsu aħjar lill-kumpaniji Amerikani u Ewropej minn prattiki kummerċjali globali inġusti. Għaldaqstant se naħdmu mill-qrib flimkien ma' sħab li jaħsbuha bħalna biex nirriformaw id-WTO u nindirizzaw il-prattiki kummerċjali inġusti, fosthom is-serq tal-proprjetà intellettwali, it-trasferiment furzat tat-teknoloġija, is-sussidji industrijali, id-distorsjonijiet ikkawzati minn intrapriżi tal-istat u l-kapaċità żejda.

Iddeċidejna li nistabbilixxu minnufih il-Grupp ta' Ħidma Eżekuttiv magħmul mill-eqreb konsulenti tagħna biex niksbu progress fuq din l-aġenda konġunta. Barra minn hekk, dan se jidentifika miżuri f'terminu qasir li jiffaċilitaw l-iskambji kummerċjali u jivvalutaw il-miżuri tariffarji eżistenti. Fl-istess waqt li naħdmu fuq dan kollu, aħna m'aħniex se mmorru kontra l-ispirtu ta' dan il-ftehim sakemm wieħed minnha ma jitterminax in-negozjati.

Irridu wkoll insolvu l-kwistjonijiet tat-tariffi fuq l-azzar u l-aluminju u t-tariffi ta' ritaljazzjoni.

STATEMENT/18/4687


Side Bar