Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Dikjarazzjoni

Stqarrija konġunta mill-Viċi President Ansip u l-Kummissarju Gabriel biex tfakkar l-ewwel sena minn tmiem it-tariffi tar-roaming fl-Ewropa

Brussell, il-15ta' gunju 2018

Andrus Ansip, il-Viċi President għas-Suq Uniku Diġitali, u Mariya Gabriel, il-Kummissarju għall-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali, ħabbru li wara l-ewwel sena mingħajr tariffi tar-roaming fl-UE, l-Ewropej jibbenefikaw ferm mir-regoli l-ġodda:

Nifirħu li qegħdin naraw lin-nies jużaw aktar liberament il-mowbajls tagħhom meta jivvjaġġaw f'pajjiż ieħor fl-UE, speċjalment fejn tidħol id-data mobbli. Min jivvjaġġa ta' spiss, u ż-żgħażagħ Ewropej b'mod partikolari, jagħrfu l-benefiċċji tar-roaming mingħajr spejjeż żejda.

Dan huwa eżempju ta' UE li ttejjeb b'mod tanġibbli l-ħajja taċ-ċittadini Ewropej. Ir-roaming daqslikieku f'pajjiżek mhux talli qiegħed jaħdem, talli qiegħed isir drawwa: il-konsumaturi qegħdin japprezzawh, il-konsum jibqa' jiżdied u d-domanda għas-servizzi tal-mowbajl waqt is-safar fl-UE hija tabilħaqq għolja. Minn dan igawdu kemm il-konsumaturi kif ukoll l-operaturi. Iż-żieda kbira fit-traffiku tar-roaming għandha effett pożittiv ukoll fuq id-dħul bl-ingrossa tal-operaturi.

L-għan ewlieni tagħna kien li nneħħu x-xkiel il-kbir maħluq mit-tariffi tar-roaming, kemm għall-konsumaturi li kienu mrażżna mill-ispiża biex jużaw il-mowbajls tagħhom f'pajjiż ieħor, kif ukoll għall-operaturi mobbli. Mindu neħħejna t-tariffi, fl-UE u fiż-Żona Ekonomika Ewropea, il-konsum tad-data kien ħames darbiet akbar, u saru kważi darbtejn u nofs l-ammont ta' telefonati. Din hija aħbar tajba ħafna. Barra minn hekk, 82 % tan-nies li vvjaġġaw f'pajjiż ieħor tal-UE tul l-aħħar sena qalu li bbenefikaw mir-regoli l-ġodda. Il-ħasdiet bil-kont wara l-vjaġġ lura mill-vaganzi jew minn safra fuq xogħol saru xi ħaġa tal-passat.

Se nkomplu bil-kooperazzjoni tagħna mar-regolaturi nazzjonali sabiex nimmonitorjaw l-iżviluppi fis-swieq mobbli fl-Ewropa kollha u niggarantixxu li r-regoli jiġu applikati sew.

Iżda l-aħbarijiet tajbin għaċ-ċittadini Ewropej ma jiqfux hawn. Apparti tmiem it-tariffi tar-roaming, mill-1 ta' April ta' din is-sena, iċ-ċittadini Ewropej jistgħu jivvjaġġaw bl-abbonamenti diġitali tagħhom. Mit-3 ta' Diċembru ta' din is-sena 'l quddiem, il-konsumaturi Ewropej se jkunu jistgħu jsibu l-aqwa offerti online meta jixtru oġġetti u servizzi madwar l-UE, mingħajr ma jesperjenzaw diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità u r-residenza tagħhom.”

Kuntest

Bis-saħħa tar-regoli l-ġodda tal-UE dwar ir-roaming, fis-seħħ mill-15 ta' Ġunju 2017, il-konsumaturi jistgħu jużaw il-mowbajls tagħhom meta jivvjaġġaw f'pajjiż ieħor fl-UE mingħajr ma jħallsu tariffi żejda, bħallikieku qegħdin f'pajjiżhom.

Skont l-aħħar stħarriġ tal-Ewrobarometru dwar ir-roaming, 62 % tal-Ewropej jafu li spiċċaw it-tariffi tar-roaming, filwaqt li 69 % huma tal-fehma li huma stess, jew xi ħadd li jafu, se jibbenefikaw minn dan. B'mod partikolari, iż-żgħażagħ u min jivvjaġġa ta' spiss jagħrfu benefiċċju ċar tar-regoli l-ġodda.

It-tneħħija tat-tariffi tar-roaming kienet pass importanti biex is-suq uniku tal-UE jsir xieraq għall-era diġitali. B'kollox il-Kummissjoni ressqet 29 proposta leġiżlattiva fil-qafas tal-istrateġija għal Suq Uniku Diġitali. Minn dawk il-proposti, sal-lum 16 ġew miftiehma, u l-ewwel ftit li se jidħlu fis-seħħ jikkonċernaw ir-regoli tar-roaming, il-portabbiltà tal-kontenut online, u r-regoli dwar l-imblukkar ġeografiku mhux ġustifikat.

Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-koleġiżlaturi biex jikkonkludu t-13-il proposta leġiżlattiva li fadal fil-qafas tal-istrateġija għal Suq Uniku Diġitali sa tmiem l-2018.

Għal aktar tagħrif

Stħarriġ tal-Ewrobarometru dwar ir-roaming (Ġunju 2018)

Tmiem it-tariffi tar-roaming

Ir-regoli l-ġodda dwar il-portabbiltà

Tmiem l-imblukkar ġeografiku mhux ġustifikat

Rapport dwar ir-roaming mill-Korp ta' Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi

STATEMENT/18/4181

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar