Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Dikjarazzjoni

Stqarrija tal-Kummissarju Thyssen qabel il-Jum Dinji tal-Ħaddiema

Brussell, it-30ta' april 2018

Kull sena, fl-1 ta' Mejju, fid-Dinja kollha jiġi ċċelebrat il-Jum Dinji tal-Ħaddiema, li hu magħruf ukoll bħala Jum il-Ħaddiem. Dak li beda bħala moviment ta' strajk annwali żviluppa biex sar jum ta' vaganza pubblika li jiċċelebra l-kisbiet soċjali tal-ħaddiema.

L-ewwel kisba soċjali kienet il-limitazzjoni ta' ġurnata tax-xogħol għal 8 sigħat. Minn dak iż-żmien 'l hawn segwew bosta kisbiet soċjali oħra. Iżda Jum il-Ħaddiem mhuwiex biss dwar iċ-ċelebrazzjoni tal-kisbiet. Iservi wkoll biex jitfakkar li ekonomija tas-suq soċjali li taħdem sew mhijiex xi ħaġa awtomatika, u li hemm bżonn li r-regoli jiġu aġġornati, fid-dawl tat-teknoloġiji li qed jinbidlu mingħajr waqfien u li għandhom impatt fuq l-ekonomiji u s-soċjetajiet tagħna.

Dan huwa preċiżament dak li mmirajna għalih, u li ksibna matul dan il-mandat tal-Kummissjoni: it-tqegħid tad-dimensjoni soċjali tal-Ewropa fl-aktar pożizzjoni prijoritarja tal-aġenda tagħna. F'Novembru 2017, f'Gothenburg sar l-ewwel Summit Soċjali f'20 sena. Waqt is-Summit, il-Parlament Ewropew, l-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea pproklamaw il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li huwa sensiela ta' 20 prinċipju u dritt li jappoġġaw l-għoti ta' opportunitajiet lil persuni biex dawn ikollhom aċċess għat-taħriġ, għall-edukazzjoni u għat-tagħlim tul il-ħajja; kundizzjonijiet tajba tax-xogħol u sistemi ta' protezzjoni soċjali effettivi.

Issa wasal iż-żmien li niżguraw li dawn il-prinċipji u d-drittijiet isiru realtà fil-prattika. Fil-livell tal-UE, diġà ressaqna għad-diskussjoni diversi inizjattivi f'dan ir-rigward. Permezz tal-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa, nixtiequ niżguraw li n-nies ikunu ppreparati għall-impjiegi tal-lum u ta' għada. Għandna proposti biex nagħmlu l-kundizzjonijiet tax-xogħol aktar prevedibbli u trasparenti, biex jiġi żgurat li l-ħaddiema kollha, inklużi l-persuni li jaħdmu għal rashom, ikollhom aċċess għal protezzjoni soċjali xierqa, u biex jinħolqu regoli ġusti u infurzabbli għall-ħaddiema mobbli.

It-twassil ta' riżultati b'rabta mal-Pilastru u mal-prinċipji tiegħu huwa sforz konġunt. Neħtieġu l-isforzi ta' kulħadd: L-Istati Membri tagħna, il-Parlament Ewropew, is-sħab soċjali u, l-aħħar iżda mhux l-inqas, is-soċjetà ċivili. Ninsab ħerqana li naħdem ma' dawn kollha, sabiex jiġi żgurat li fis-snin li ġejjin inkunu nistgħu nuru b'mod ċar li l-progress ekonomiku u l-progress soċjali jsaħħu lil xulxin, u li għandna għalfejn niċċelebraw il-Jum Dinji tal-Ħaddiema.”

Għal aktar tagħrif

Is-sit web dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali

Segwi lil Marianne Thyssen fuq Facebook u Twitter

Abbona b'xejn għall-bullettin bil-posta elettronika dwar l-impjiegi, l-affarijiet Soċjali u l-inklużjoni maħruġ mill-Kummissjoni Ewropea

STATEMENT/18/3571

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar