Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Dikjarazzjoni

Il-Jum Internazzjonali tar-Rom: Dikjarazzjoni mill-Ewwel Viċi President Frans Timmermans u mill-Kummissarji Marianne Thyssen, Vĕra Jourová, Corina Creţu u Johannes Hahn

Brussell, is-6ta' april 2018

F'antiċipazzjoni tal-Jum Internazzjonali tar-Rom, li jseħħ kull sena fit-8 ta' April, l-Ewwel Viċi President Frans Timmermans u l-Kummissarji Marianne Thyssen, Vĕra Jourová, Corina Creţu u Johannes Hahn iddikjaraw:

“Ir-rispett tad-drittijiet fundamentali, inkluż it-trattament ugwali, huwa wieħed mill-elementi essenzjali tal-Unjoni Ewropea. Madankollu, waħda mill-ikbar minoranzi fl-UE u fil-viċinat tagħha - il-Komunità Rom - għadha mhix qed tibbenefika b'mod sħiħ minn dawn id-drittijiet. Il-komunitajiet Rom mhux biss ibatu minn preġudizzju, diskriminazzjoni u marġinalizzazzjoni, iżda ħafna drabi lanqas biss għandhom aċċess għal ħtiġijiet bażiċi bħall-ilma nadif, is-sanità u l-ikel. 80 % tar-Rom huma f'riskju ta' faqar. Din is-sitwazzjoni tolqot lir-Rom l-ewwel nett, iżda hija wkoll tebgħa fuq il-komunitajiet demokratiċi tagħna.

Il-Jum Internazzjonali tar-Rom huwa għalhekk opportunità biex jitkompla x-xogħol pożittiv li sar sa issa sabiex tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni kontra r-Rom u tiġi infurzata l-integrazzjoni tagħhom fis-soċjetajiet u l-pajjiżi Ewropej kollha. Dan l-aħħar kien hemm xi riżultati pożittivi, b'mod partikolari fil-qasam ta l-edukazzjoni, iżda hemm aktar xi jsir.

Din il-ħidma tista' tirnexxi biss jekk naħdmu flimkien ilkoll kemm aħna, fil-livelli kollha. Għalhekk insejħu lill-Istati Membri u lis-sħab tagħna tat-tkabbir biex ikomplu din il-ħidma u jieħdu azzjoni reali kontra d-diskriminazzjoni kontra r-Rom u l-emarġinazzjoni tagħhom, inkluż billi jappoġġaw il-parteċipazzjoni tar-Rom fl-isfera pubblika u r-rappreżentazzjoni tagħhom fiha.

Ir-Rom ilhom jgħixu fl-Ewropa għal aktar minn 700 sena. L-istorja u l-kultura tar-Rom jiffurmaw parti indispensabbli mill-wirt varjat Ewropew tagħna. Il-Komunitajiet Rom jixirqilhom li jiġu trattati b'mod ugwali u li jgawdu d-drittijiet sħaħ tagħhom bħala Ewropej. Huwa fatt li l-mod kif ninkludu l-minoranzi l-aktar vulnerabbli tagħna huwa prova essenzjali tad-demokrazija Ewropea tagħna.”

Il-kuntest

Ir-Rom huma l-akbar komunità minoratarja fl-Ewropa - b'sitt miljun Rom jgħixu fl-UE u erba' miljuni fir-reġjun tat-tkabbir (il-Montenegro, is-Serbja, l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedjonja, l-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Kosovo u t-Turkija).

Din il-komunità ilha taffaċċa inugwaljanzi, esklużjoni soċjali, diskriminazzjoni u marġinalizzazzjoni. 80 % tar-Rom huma f'riskju ta' faqar, meta mqabbla mal-livell ta' riskju medju globali ta' 17 % fl-UE.

Il-Kummissjoni Ewropea ilha tisħaq il-ħtieġa għall-azzjoni, u sejħet lill-Istati Membri fl-2011 biex jadottaw strateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Rom. Il-Kummissjoni tirrapporta kull sena dwar l-implimentazzjoni ta' dawn l-istrateġiji.

Fl-2017, il-Kummissjoni nediet evalwazzjoni komprensiva tal-qafas tal-UE għal Strateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom sal-2020 biex tivvaluta l-impatt tal-miżuri li daħlu fis-seħħ mill-2011 ‘il quddiem. Is-sejbiet preliminari juru li hemm xi titjib pożittiv, b'mod partikolari fil-qasam tal-edukazzjoni, iżda jeħtieġ li jsir aktar xogħol sabiex navvanzaw l-isforzi futuri favur l-inklużjoni soċjali u ekonomika tar-Rom.

Il-Politika ta' Koeżjoni tal-UE tista' tikkontribwixxi għal dan l-għan, permezz tal-investimenti tagħha fi proġetti tal-kura tas-saħħa, tal-impjiegi u tal-integrazzjoni soċjali. Il-programm ROMACT, inizjattiva stabbilita fl-2013 flimkien mal-Kunsill tal-Ewropa, ukoll jgħin lill-komunità Rom billi jappoġġa lill-awtoritajiet lokali f'115-il muniċipalità permezz tal-ippjanar, l-iffinanzjar u l-implimentazzjoni ta' politiki u servizzi pubbliċi mmirati lejn il-ħolqien ta' soċjetà aktar inklużiva għar-Rom. Dan il-programm jibbenefikaw minnu madwar 65,000 persuna.

Għat-tieni sena konsekuttiva, il-Kummissjoni Ewropea se tingħaqad mal-inizjattiva tal-Parlament Ewropew, flimkien ma' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili rappreżentattivi Ewropej, biex tospita sensiela ta' avvenimenti mit-8 sat-12 ta' April fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali tar-Rom. Aktar informazzjoni tista' tinkiseb hawn.

Għal iktar informazzjoni

Rapport tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali: Tħassib persistenti: l-anti-Żingariżmu bħala ostakolu għall-inklużjoni tar-Rom.

Stqarrija għall-Istampa dwar l-għadd ta' Rom li qed jiffaċċjaw il-ħajja bħallikieku kienu persuni fl-ifqar pajjiżi tad-dinja

Infografika dwar l-ostakoli għall-inklużjoni tar-Rom

Stqarrija għall-istampa dwar l-evalwazzjoni tal-Qafas tal-UE għal Strateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom sal-2020

Il-Pjattaforma Ewropea għall-Inklużjoni tar-Rom

Il-programm ROMACT għall-awtoritajiet lokali

Ir-rimarki tal-għeluq tal-Kummissarju Věra Jourová fil-wirja ta' Tifkira tal-Olokawstu u tar-Rom

 

STATEMENT/18/2868

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar