Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Dikjarazzjoni

Suq wieħed – Ewropa waħda

Brussell, I-20ta' marzu 2018

Dikjarazzjoni konġunta fl-okkażjoni tal-25 anniversarju tas-Suq Uniku Ewropew

minn Antonio Tajani, il-President tal-Parlament Ewropew, Jean-Claude Juncker, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, u Boyko Borissov, id-detentur tal-Presidenza tal-Kunsill b'rotazzjoni u l-Prim Ministru tal-Bulgarija

 

Ħamsa u għoxrin sena ilu nħoloq is-Suq Uniku tagħna, u madwar l-Unjoni Ewropea tneħħew ħafna ostakli. In-nies bdew iħaddnu libertajiet u opportunitajiet ġodda, u llum l-Ewropej jivvjaġġaw bla xkiel, jistudjaw, jaħdmu, jgħixu u jidħlu f'relazzjonijiet ta' mħabba minn pajjiż għall-ieħor.

Iċ-ċittadini Ewropej jistgħu jixtru dak li jridu, fejn iridu, u jibbenefikaw minn għażla akbar u prezzijiet aktar baxxi. In-negozji Ewropej – kemm kbar kif ukoll żgħar – jistgħu jespandu l-bażi tal-klijenti tagħhom u jiskambjaw prodotti u servizzi b'mod aktar faċli madwar l-UE.

Matul l-aħħar 25 snin, l-integrazzjoni tal-ekonomiji tagħna madwar is-Suq Uniku ħolqot miljuni ta' impjiegi, u l-UE saret l-akbar ekonomija fid-dinja. Is-Suq Uniku huwa l-ġojjell fil-kuruna tal-integrazzjoni tagħna u dan is-suq domestiku ta' 500 miljun persuna huwa l-pedament għas-saħħa tal-Ewropa, kemm f'pajjiżna kif ukoll barra.

Is-Suq Uniku jipprovdi liċ-ċittadini tal-Ewropa l-libertajiet u l-opportunitajiet li għall-ġenituri u n-nanniet tagħna kienu biss ħolma, u l-ekonomija soċjali tas-suq tagħna hija ta' benefiċċju għalina lkoll. Fis-Suq Uniku tagħna ma hemmx Ewropej tat-tieni klassi, u għalhekk ma hemm l-ebda lok għal prodotti tat-tieni klassi jew għal ħaddiema tat-tieni klassi; li jfisser, l-istess paga għall-istess xogħol fl-istess post, l-istess kwalità ta' ikel u l-istess livell ta' sigurtà għall-ġugarelli u prodotti oħra.

Matul dawn l-aħħar 25 snin, għamilna passi kbar. Issa nistgħu nużaw is-servizzi ta' telefonija ċellulari kullimkien qisna f'pajjiżna, ingawdu minn kontijiet tal-enerġija irħas, u naraw li d-drittijiet tagħna bħala konsumaturi jiġu mħarsa, nixtru minn fejn nixtru fl-Ewropa. U xorta waħda, aħna nkomplu ntejbu l-funzjonament tas-Suq Uniku ma' kull jum li jgħaddi, daqqa billi nindirizzaw l-imblukkar ġeografiku mhux awtorizzat, u daqqa billi nagħtu lill-konsumaturi għażla akbar dwar kif jistgħu jfaddlu għall-irtirar tagħhom jew billi l-kuntratti tal-akkwist pubbliku nagħmluhom aktar aċċessibbli.

Is-Suq Uniku Ewropew huwa żagħżugħ ta' 25 sena. Telgħet miegħu ġenerazzjoni ta' Ewropej, li gawdiet minnu. Aħna se nkomplu bil-ħidma tagħna biex insaħħuh sabiex il-ġenerazzjoni ta' wara tgawdi anki aktar.

 

 

STATEMENT/18/2221


Side Bar