Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Dikjarazzjoni

Dikjarazzjoni Konġunta fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali tal-Mara 2018

Brussell, is-6ta' marzu 2018

L-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel hija valuri fundamentali tal-Unjoni Ewropea, imnaqqax fit-trattati tagħna. L-Unjoni tagħna hija pijunier fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni abbażi tal-ġeneru, u nistgħu nkunu kburin bil-progress li ksibna: l-Ewropa hija wieħed mill-iktar postijiet siguri u ugwali għan-nisa fid-dinja.

Iżda xogħolna għadu ma spiċċax – it-triq lejn l-ugwaljanza sħiħa fil-prattika għadha twila. In-nisa u l-bniet għadhom jaffaċċjaw il-fastidju, l-abbuż u l-vjolenza. Barra minn hekk, in-nisa għadhom wisq spiss jiġu mxekkla milli jkissru s-saqaf tal-ħġieġ, u jirċievu pagi iktar baxxi u inqas opportunitajiet għall-iżvilupp ta' karriera jew negozju.

Aħna rridu li n-nisa u l-bniet jiksbu l-ugwaljanza f'kull aspett tal-ħajja: l-aċċess għall-edukazzjoni, l-istess paga għall-istess xogħol, aċċess għall-ogħla pożizzjonijiet fil-kumpaniji u l-politika, kif ukoll il-protezzjoni mill-vjolenza.

L-avvanz tat-tmexxija u l-emanċipazzjoni ekonomika tan-nisa huwa prijorità assoluta għalina. L-Unjoni Ewropea pproponiet leġiżlazzjoni ġdida biex ittejjeb il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u l-persuni li jindukraw li jaħdmu, u Pjan ta' Azzjoni biex tingħalaq id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa, u qed niżguraw li mmexxu bl-eżempju: fi Frar 2018, l-għadd ta' nisa f'pożizzjonijiet maniġerjali fil-Kummissjoni laħaq 36%, żieda mill-11% li sibna meta ħadna l-kariga f'Novembru 2014. Il-President Juncker impenja ruħu li nilħqu 40% sal-31 ta' Ottubru 2019 fi tmiem il-mandat tagħna.

Aħna wkoll konsistenti fl-aspetti kollha tal-politiki tagħna, kemm fl-UE stess kif ukoll permezz tal-azzjoni tagħna billi nippromwovu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-emanċipazzjoni tal-mara. Il-politika tagħna tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni globali li qed tirnexxi tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli, u tal-Aġenda dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà. Din is-sena, il-Jiem Ewropej tal-Iżvilupp se jiffukaw fuq ir-rwol vitali tan-nisa u l-bniet fl-iżvilupp sostenibbli, u l-parteċipazzjoni u t-tmexxija ugwali tagħhom f'kull qasam tal-ħajja. Barra minn hekk, din is-sena l-UE għandha t-tmexxija tal-Call to Action for Protection Against Gender-Based Violence (Sejħa għal Azzjoni għal Protezzjoni Kontra l-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru), li tlaqqa' aktar minn 60 pajjiż u l-organizzazzjonijiet li qed jaħdmu biex jiżguraw li l-vjolenza bbażata fuq il-ġeneru tiġi indirizzata fil-kriżijiet umanitarji.

L-Unjoni Ewropea tassisti lin-nisa u lill-bniet madwar id-dinja li qegħdin jiċċaqalqu jew li ġew spostati, li huma l-vittmi ta' vjolenza, permezz, pereżempju, tal-inizjattiva Spotlight, jew li huma esklużi mill-edukazzjoni, l-aċċess ugwali għas-servizzi tas-saħħa u l-ippjanar tal-familja, is-suq tax-xogħol, u l-ħajja politika b'mod aktar ġenerali. Aktar minn 15-il miljun tifla tal-età tal-iskola primarja madwar id-dinja ma jmorrux l-iskola, u għalhekk l-UE qed tgħin biex tagħti spinta lill-aċċess għall-edukazzjoni, mill-Afrika, l-Amerika Latina u l-Lvant Nofsani, sal-Asja tax-Xlokk.

L-ugwaljanza bejn il-ġeneri mhijiex biss kwistjoni dwar il-ġustizzja fl-Ewropa – hija wkoll neċessità biex ikollna l-paċi, is-sigurtà, l-iżvilupp, il-prosperità ekonomika u t-tkabbir sostenibbli madwar id-dinja.

L-investiment fil-potenzjal tan-nisa u l-bniet huwa investiment fis-soċjetà tagħna kollha kemm hi, u din hija r-responsabbiltà tal-irġiel u s-subien daqs kemm hi tan-nisa u l-bniet.

 

Firmatarji:

L-ewwel Viċi President Frans Timmermans

Ir-Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà/il-Viċi President tal-Kummissjoni, Federica Mogherini

Il-Viċi-President responsabbli għall-Impjiegi, it-Tkabbir, l-Investiment u l-Kompetittività, Jyrki Katainen

Il-Kummissarju għall-Baġit u r-Riżorsi Umani Günther Oettinger

Il-Kummissarju għall-Politika Ewropea tal-Viċinat u n-Negozjati għat-Tkabbir, Johannes Hahn

Il-Kummissarju għall-Kooperazzjoni Internazzjonali u l-Iżvilupp, Neven Mimica

Il-Kummissarju għall-Migrazzjoni, l-Affarijiet Interni u ċ-Ċittadinanza, Dimitris Avramopoulos

Il-Kummissarju għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali, il-Ħiliet u l-Mobilità tax-xogħol, Marianne Thyssen

Il-Kummissarju għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, Tassazzjoni u Dwana, Pierre Moscovici

Il-Kummissarju għall-Għajnuna Umanitarja u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet, Christos Styliandes

Il-Kummissarju għat-Trasport, Violeta Bulc *

Il-Kummissarju għall-Ġustizzja, il-Konsumaturi u l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri, Vera Jourová

Il-Kummissarju għall-Edukazzjoni, il-Kultura, iż-Żgħażagħ u l-Isport Tibor Navracsics.

Il-Kummissarju tal-Politika Reġjonali, Corina Crețu

Il-Kummissarju għar-Riċerka, ix-Xjenza u l-Innovazzjoni, Carlos Moedas

Il-Kummissarju għall-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali, Mariya Gabriel

Aktar informazzjoni

Mistoqsija u Tweġiba

Stqarrija għall-istampa tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi dwar ir-rapport fuq in-nisa fit-teknoloġija

Fit-8 ta' Marzu, il-Kummissjoni se tħabbar it-tnax il-finalista tal-Premju tal-UE għall-Innovaturi Nisa, l-akbar premju tax-xorta tiegħu madwar id-dinja. Mill-2011 'l hawn il-premju jiċċelebra n-nisa li kkombinaw l-eċċellenza xjentifika mas-suċċess imprenditorjali.

Fil-5 u s-6 ta' Ġunju, il-Kummissjoni se torganizza il-Jiem Ewropej tal-Iżvilupp (#shEDDs), li se jkunu ddedikati għan-Nisa u l-Bniet Fuq Quddiem fl-Iżvilupp Sostenibbli.

Il-Kollokju Annwali dwar id-Drittijiet Fundamentali dwar id-Drittijiet tan-Nisa fi Żminijiet Turbolenti indirizza l-vjolenza u l-fastidju fil-konfront tan-nisa kif ukoll l-inugwaljanza ekonomika u politika bejn in-nisa u l-irġiel, b'enfasi partikolari fuq id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa u l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata.

It-tnedija tal-Inizjattiva Spotlight mill-Kummissjoni Ewropea flimkien man-Nazzjonijiet Uniti tindirizza l-vjolenza abbażi tal-ġeneru fil-livell globali.

L-Indiċi tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi tal-2017

Video li jqajjem kuxjenza dwar il-vjolenza kontra n-nisa

 

 

 * [updated on 06/03 at 16:01]

 

STATEMENT/18/1601

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar