Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Dikjarazzjoni

Dikjarazzjoni tal-Mexxejja ta' 27 Stat Membru u tal-Kunsill Ewropew, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea. Id-Dikjarazzjoni ta' Ruma

Brussell, il-25ta' marzu 2017

Aħna, il-mexxejja ta' 27 Stat Membru u tal-istituzzjonijiet tal-UE, kburin bil-kisbiet tal-Unjoni Ewropea: il-kostruzzjoni tal-unità Ewropea tirrappreżenta sforz kuraġġuż u viżjonarju. Sittin sena ilu, hekk kif konna qed nirkupraw mit-traġedja ta' żewġ gwerer dinjija, iddeċidejna li ningħaqdu flimkien u nibnu mill-ġdid il-kontinent mill-irmied tiegħu. Bnejna Unjoni unika b'istituzzjonijiet komuni u valuri sodi, komunità ta' paċi, libertà, demokrazija, drittijiet tal-bnedmin u l-istat tad-dritt, forza ekonomika kbira b'livelli bla preċedent ta' protezzjoni soċjali u benesseri.

L-unità Ewropea bdiet bħala l-ħolma ta' ftit nies, saret it-tama ta' ħafna. Dakinhar l-Ewropa reġgħet saret waħda. llum, ninsabu magħqudin u aktar b'saħħitna: mijiet ta' miljuni ta' nies minn madwar l-Ewropa kollha jibbenefikaw mill-fatt li jgħixu f'Unjoni mkabbra li għelbet il-firdiet antiki.

L-Unjoni Ewropea qed tiffaċċa sfidi mingħajr preċedent, kemm globali kif ukoll domestiċi: kunflitti reġjonali, terroriżmu, pressjonijiet migratorji dejjem akbar, protezzjoniżmu u inugwaljanzi soċjali u ekonomiċi. Flimkien, aħna determinati li nindirizzaw l-isfidi ta' dinja li qed tinbidel rapidament u li noffru liċ-ċittadini tagħna kemm is-sigurtà kif ukoll opportunitajiet ġodda.

Ser nagħmlu l-Unjoni Ewropea aktar b'saħħitha u aktar reżiljenti, permezz ta' unità u solidarjetà saħansitra akbar fostna u r-rispett għar-regoli komuni. L-unità hija kemm neċessità kif ukoll l-għażla ħielsa tagħna. Individwalment, kieku ningħataw il-ġenb mid-dinamika globali. L-aħjar mod biex ninfluwenzawha, u niddefendu l-interessi u l-valuri komuni tagħna, huwa billi nkunu spalla ma' spalla ma' xulxin. Ser naġixxu flimkien, fejn meħtieġ b'veloċitajiet u intensitajiet differenti, filwaqt li nimxu fl-istess direzzjoni, kif għamilna fl-imgħoddi, skont it-Trattati u filwaqt li żammejna l-bieb miftuħ għal dawk li jridu jingħaqdu aktar tard. L-Unjoni tagħna hi magħquda u indiviżibbli.

Fl-għaxar snin li ġejjin irridu Unjoni li tkun sikura u sigura, prospera, kompetittiva, sostenibbli u soċjalment responsabbli, u bir-rieda u l-ħila li jkollha rwol ewlieni fid-dinja u li tifforma l-globalizzazzjoni. Irridu Unjoni fejn iċ-ċittadini jkollhom opportunitajiet ġodda għal żvilupp kulturali u soċjali u tkabbir ekonomiku. Irridu Unjoni li tibqa' miftuħa għal dawk il-pajjiżi Ewropej li jirrispettaw il-valuri tagħna u li jimpenjaw ruħhom biex jippromwovuhom.

F'dawn iż-żminijiet ta' bidla, u konxji mit-tħassib taċ-ċittadini tagħna, aħna nikkommettu ruħna għall-Aġenda ta' Ruma u nwiegħdu li naħdmu lejn:

1. Ewropa sikura u sigura: Unjoni fejn iċ-ċittadini kollha jħossuhom sikuri u jistgħu jiċċaqilqu liberament, fejn il-fruntieri esterni tagħna huma siguri, li għandha politika effiċjenti, responsabbli u sostenibbli dwar il-migrazzjoni, u li tirrispetta n-normi internazzjonali; Ewropa determinata li tiġġieled kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata.

2. Ewropa prospera u sostenibbli: Unjoni li toħloq it-tkabbir u l-impjiegi, Unjoni fejn Suq Uniku b'saħħtu, konness, li qed jiżviluppa u li jħaddan it-trasformazzjoni teknoloġika, u munita unika stabbli u msaħħa aktar, jiftħu opportunitajiet għat-tkabbir, il-koeżjoni, il-kompetittività, l-innovazzjoni u l-iskambju, speċjalment għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju; Unjoni li tippromwovi tkabbir sostnut u sostenibbli permezz tal-investiment, riformi strutturali u l-ħidma għall-ikkompletar tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja; Unjoni fejn l-ekonomiji jikkonverġu; Unjoni fejn l-enerġija hija sigura u affordabbli u fejn l-ambjent huwa nadif u sikur.

3. Ewropa soċjali: Unjoni li, ibbażata fuq it-tkabbir sostenibbli, tippromwovi l-progress ekonomiku u soċjali kif ukoll il-koeżjoni u l-konverġenza, filwaqt li tappoġġa l-integrità tas-suq intern; Unjoni li tqis id-diversità tas-sistemi nazzjonali u r-rwol ewlieni tas-sħab soċjali; Unjoni li tippromwovi l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel kif ukoll drittijiet u opportunitajiet indaqs għal kulħadd; Unjoni li tiġġieled kontra l-qgħad, id-diskriminazzjoni, l-esklużjoni soċjali u l-faqar; Unjoni fejn iż-żgħażagħ jirċievu l-aqwa edukazzjoni u taħriġ u jistgħu jistudjaw u jsibu impjiegi mal-kontinent kollu; Unjoni li tippreserva l-wirt kulturali tagħna u tippromwovi d-diversità kulturali.

4. Ewropa aktar b'saħħitha fix-xena globali: Unjoni li qed tiżviluppa aktar is-sħubiji eżistenti, filwaqt li tibni sħubiji ġodda u tippromwovi l-istabbiltà u l-prosperità fil-viċinat immedjat fil-Lvant u n-Nofsinhar tagħha, u wkoll fil-Lvant Nofsani u fl-Afrika kollha u globalment; Unjoni li hija lesta tassumi aktar responsabbiltajiet u tgħin fil-ħolqien ta' industrija tad-difiża aktar kompetittiva u integrata; Unjoni kommessa li ssaħħaħ is-sigurtà u d-difiża komuni tagħha, fost oħrajn, f'kooperazzjoni u b'komplimentarjetà mal-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana, filwaqt li tqis iċ-ċirkostanzi nazzjonali u impenji legali; Unjoni impenjata fin-Nazzjonijiet Uniti u li tistinka għal sistema multilaterali bbażata fuq ir-regoli, kburija bil-valuri tagħha u li tipproteġi lill-popli tagħha, filwaqt li tippromwovi l-kummerċ ħieles u ġust u politika pożittiva dwar il-klima globali.

Aħna ser insegwu dawn l-objettivi, bil-konvinzjoni li l-futur tal-Ewropa huwa f'idejna u li l-Unjoni Ewropea hija l-aqwa strument biex niksbu l-objettivi tagħna. Aħna nwiegħdu li ser nisimgħu u nwieġbu l-preokkupazzjonijiet taċ-ċittadini tagħna u ser naħdmu mal-parlamenti nazzjonali tagħna. Ser naħdmu flimkien f'livell li jwassal għal differenza reali, kemm jekk ikun fil-livell tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll f'dak nazzjonali, reġjonali, u lokali u fi spirtu ta' fiduċja u kooperazzjoni leali, kemm fost l-Istati Membri kif ukoll bejnhom u l-istituzzjonijiet tal-UE, f'konformità mal-prinċipju tas-solidarjetà. Ser inħallu l-ispazju meħtieġ għal manuvrar fid-diversi livelli sabiex insaħħu l-potenzjal tal-Ewropa għall-innovazzjoni u t-tkabbir. Irridu li l-Unjoni tkun influwenti fuq kwistjonijiet kbar u inqas fuq kwistjonijiet żgħar. Ser nippromwovu proċess demokratiku, effettiv u trasparenti għat-teħid ta' deċiżjonijiet u twettiq aħjar.

Aħna, bħala Mexxejja, filwaqt li naħdmu flimkien mal-Kunsill u mal-istituzzjonijiet tagħna, ser niżguraw li l-aġenda tal-lum tiġi implimentata, sabiex issir ir-realtà ta' għada. Aħna ngħaqadna għall-aħjar. L-Ewropa hija l-ġejjieni komuni tagħna.

Għal iktar informazzjoni

Id-Dikjarazzjoni ta' Ruma

Skeda informattiva: Il-proċess tal-White Paper

Skeda informattiva: Inwettqu l-aġenda pożitiva tagħna: l-Aġenda ta' Ruma

Skeda informattiva: Ewropa soċjali

Skeda informattiva: Suq uniku b'saħħtu u konness

Skeda informattiva: Ewropa aktar b'saħħitha fix-xena globali

Skeda informattiva: L-immaniġġar tal-migrazzjoni

Skeda informattiva: Unjoni li tkun kbira fil-kwistjonijiet il-kbar u żgħira f'dawk żgħar

Skeda informattiva: Kooperazzjoni msaħħa - diġà realtà llum

STATEMENT/17/767

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar