Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Dikjarazzjoni

Il-ġlieda kontra l-kummerċ illeċitu tal-prodotti tat-tabakk: Stqarrija mingħand il-Kummissarju Andriukaitis dwar l-addozzjoni ta' sistema ta' traċċar u rintraċċar għall-UE kollha

Brussell, il-15ta' dicembru 2017

Illum, l-UE ħadet pass kbir 'il quddiem fil-ġlieda kontra l-kummerċ illeċitu tal-prodotti tat-tabakk. Is-sistema l-ġdida ta' traċċar u rintraċċar adottata llum se tiżgura li l-prodotti tat-tabakk fl-UE jkunu traċċabbli faċilment permezz ta' identifikatur uniku għal kull prodott. Barra minn hekk, qegħdin niżguraw ukoll li l-prodotti tat-tabakk jissodisfaw rekwiżiti ta' sigurtà speċifiċi, b'mill-inqas ħames tipi ta' elementi ta' awtentikazzjoni meħtieġa għal kull pakkett.

Is-sistema ta' traċċar u rintraċċar u r-rekwiżiti ta' sigurtà għandhom ikunu fis-seħħ sal-20 ta' Mejju 2019 għas-sigaretti u t-tabakk tal-brim u sal-20 ta' Mejju 2024 għall-prodotti tat-tabakk l-oħra kollha (bħal pereżempju is-sigarri, is-cigarillos u l-prodotti tat-tabakk li ma jdaħħnux).

It-tabakk għadu l-akbar kawża ta' mewt prematuri fl-UE li tista' tiġi evitata, u l-kummerċ illeċitu tat-tabakk jiffaċilita l-aċċess għas-sigaretti u għal prodotti oħra tat-tabakk, inkluż għat-tfal u ż-żgħażagħ.Barra minn hekk, jintilfu miljuni ta' ewro mir-rikavati tat-taxxa kull sena minħabba l-kummerċ illeċitu. Ninsab fiduċjuż li dawn il-miżuri se jtejbu s-saħħa pubblika u jagħtu benefiċċji ekonomiċi sinifikanti għall-UE u għaċ-ċittadini tagħha.

 

Kuntest

 

Id-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk (2014/40/UE) tipprevedi l-istabbiliment ta' sistema ta' traċċar u rintraċċar għall-UE kollha għall-katina ta' provvista legali tal-prodotti tat-tabakk u sistema ta' elementi ta' sigurtà biex jgħinu liċ-ċittadini u lill-awtoritajiet jidentifikaw il-prodotti illegali.

L-atti legali adottati llum jistipulaw il-miżuri li jridu jieħdu l-Istati Membri tal-UE u l-operaturi ekonomiċi biex jistabbilixxu u joperaw sistema ta' traċċar u rintraċċar, li tiżgura li l-pakketti kollha tat-tabakk prodotti fl-UE, destinati għall-UE jew imqiegħda fis-suq tal-UE, jiġu mmarkati b'identifikatur uniku. Jistabbilixxu wkoll ir-rekwiżiti obbligatorji għall-element ta' sigurtà li jridu jiġu applikati għall-prodotti tat-tabakk.

L-atti legali adottati llum huma konformi mal-Protokoll biex jiġi Eliminat il-Kummerċ Illeċitu tal-Prodotti tat-Tabakk tal-Konvenzjoni ta' Qafas dwar il-Kontroll fuq it-Tabakk (Framework Convention on Tobacco Control, FCTC), li l-UE rratifikat fl-2016.

 

Aktar informazzjoni

 

[1] http://www.who.int/fctc/protocol/en/

STATEMENT/17/5269

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar