Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Dikjarazzjoni

Il-Kummissjoni tilqa' l-ftehim tal-Istati Membri dwar l-Att Ewropew dwar l-Aċċessibbiltà, iżda titlob li jkun hemm ambizzjoni akbar għar-responsabbiltajiet tal-awtoritajiet pubbliċi.

Brussell, is-7ta' dicembru 2017

Il-Kummissjoni Ewropea tilqa' l-approċċ ġenerali misjub illum mill-Istati Membri fil-Kunsill Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur dwar il-proposta tal-Kummissjoni biex ħafna mill-prodotti u mis-servizzi ta' kuljum isiru aċċessibbli għall-persuni b'diżabbiltà (Att Ewropew dwar l-Aċċessibbiltà)

Wara l-ftehim, Kummissarju għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali, il-Ħiliet u l-Mobbiltà tal-Ħaddiema, Marianne Thyssen, qalet:

“Il-Ħadd li għadda ċċelebrajna l-Jum Internazzjonali għal Persuni b'Diżabbiltà. M'hemmx dubju: irridu nagħmlu aktar sforz biex niżguraw opportunitajiet indaqs għall-għadd dejjem jiżdied ta' persuni b'diżabbiltà fl-Ewropa.

Sentejn wara li ressaqt din il-proposta, l-Istati Membri fl-aħħar laħqu ftehim. L-approċċ ġenerali tal-lum huwa sinjal importanti ħafna għal 80 miljun persuna b'diżabbiltà fl-Unjoni Ewropea. L-Att dwar l-Aċċessibbiltà se jistabbilixxi l-akbar suq fid-dinja għall-prodotti aċċessibbli, li mhux biss se jirriżulta fi tnaqqis tal-prezzijiet, iżda se jikkontribwixxi biex il-persuni b'diżabbiltà jkunu jistgħu jipparteċipaw fis-soċjetà u fis-suq tax-xogħol. L-Att huwa wkoll mod kif nistgħu naqdu r-responsabbiltà kondiviża tagħha biex nimplimentaw il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabbiltà tan-NU.

Minkejja dan, xtaqt li l-Istati Membri jkollhom approċċ aktar ambizzjuż. B'mod partikolari, jiddispjaċini li l-ftehim ma jinkludix rekwiżiti armonizzati li għandhom jintużaw mill-awtoritajiet pubbliċi meta jixtru prodotti u servizzi aċċessibbli jew meta jonfqu l-fondi tal-UE, u lanqas ma jagħmel in-numru ta' emerġenza 112 aċċessibbli bis-sħiħ. Din hija opportunità mitlufa biex l-awtoritajiet ikunu minn ta' quddiem fir-rigward tal-aċċessibbiltà.

Ovvjament dan il-ftehim mhuwiex it-tmiem tal-proċess u ninsab ħerqana li jibdew in-negozjati finali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni malajr kemm jista' jkun. Din l-inizjattiva se ġġib ħafna titjib konkret fil-ħajja ta' ħafna persuni. Għalhekk, l-2018 trid tkun is-sena li fiha l-Att dwar l-Aċċessibbiltà jibda jagħti r-riżultati tiegħu.

Fl-aħħar nett, wara l-ftehim li ntlaħaq f'Lulju, ninsab kuntenta ħafna bl-approvazzjoni finali tal-Kunsill biex jiżdiedu 13-il limitu ta' esponiment ġodda jew aktar stretti fil-leġiżlazzjoni tal-UE sabiex il-ħaddiema jkunu protetti aħjar mis-sustanzi li jikkawżaw il-kanċer. Dan huwa pass importanti fil-protezzjoni tas-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema, b'mod partikolari kontra l-kanċer fuq il-post tax-xogħol li huwa l-ewwel kawża ta' mewt relatat max-xogħol fl-UE. Issa ninsab ħerqana biex il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jilħqu ftehim malajr dwar it-tieni lista ta' sustanzi, li ressaqna f'Jannar 2017.”

Il-passi li jmiss

Il-ftehim bejn l-Istati Membri dwar l-Att dwar l-Aċċessibbiltà jwitti t-triq għan-negozjati finali mal-Parlament Ewropew, li diġà adotta l-pożizzjoni tiegħu f'Settembru 2017.

L-adozzjoni finali tal-ewwel reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Karċinoġeni u l-Mutaġeni se tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Id-Direttiva se tidħol fis-seħħ fl-20 jum wara l-pubblikazzjoni tagħha. L-Istati Membri mbagħad ikollhom sentejn biex jimplimentaw ir-regoli aġġornati.

Għal Aktar Informazzjoni

Stqarrija għall-istampa: Il-Kummissjoni tipproponi li tagħmel il-prodotti u s-servizzi iżjed aċċessibbli għall-persuni b'diżabbiltà

Stqarrija għall-istampa: Il-Kummissjoni tilqa' l-ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill rigward protezzjoni aħjar tal-ħaddiema kontra s-sustanzi kimiċi li jikkawżaw il-kanċer

 

STATEMENT/17/5143

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar