Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Dikjarazzjoni

Waqqaf il-vjolenza kontra n-nisa: Dikjarazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea dwar il-Jum Internazzjonali għall-Eliminazzjoni tal-Vjolenza kontra n-Nisa

Brussell, I-24ta' novembru 2017

“Fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali għall-Eliminazzjoni tal-Vjolenza kontra n-Nisa, qed nerġgħu nisħqu, li l-vjolenza jinħtieġ li tieqaf minnufih.

Il-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet għadha sseħħ kuljum, fl-Unjoni Ewropea, kif ukoll lil hinn minnha. Dan il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem huwa mifrux u jieħu forom differenti: dan jiġri irrispettivament mill-isfond soċjali, kemm jekk id-dar, kif ukoll fil-post tax-xogħol, fl-iskola, fit-toroq, waqt l-isport jew online. Dan jillimita l-parteċipazzjoni sħiħa tan-nisa u l-bniet fl-aspetti kollha tas-soċjetà - politiċi, kulturali u ekonomiċi.

Waħda minn kull tliet nisa fl-Ewropa ġarrbet jew vjolenza fiżika u / jew inkella vjolenza sesswali. Tmenin fil-mija tal-vittmi tat-traffikar fl-UE huma nisa. Fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, waħda minn kull tlett ibniet tiżżewweġ qabel l-età ta' 18-il sena.

Madankollu, l-affarijiet bdew jinbidlu. Matul l-aħħar 30 sena, l-inċidenza ta' mutilazzjoni ġenitali femminili naqset b'50 % fl-Afrika. Fl-Asja tan-Nofsinhar, il-perċentwal ta' bniet miżżewġin taħt l-età ta' 15-il sena naqas bin-nofs. U l-moviment #metoo globali li twaqqaf riċenti, u li kkontribbwixxa biex tinġibed l-attenzjoni tal-firxa tal-attakk sesswali u l-fastidju fis-soċjetajiet tagħna, inkoraġġixxa lill-vittmi biex jitkellmu, u jitolbu u jiddefendu d-drittijiet tagħhom.

Sabiex din il-vjolenza fuq il-bażi ta' sess tinqata' darba għal dejjem, jinħtieġ li ntejbu l-edukazzjoni u l-leġiżlazzjoni kif ukoll inbidlu n-normi soċjali. Iddedikajna l-2017 għall-azzjoni Ewropea biex tiġi eliminata kull forma ta' vjolenza kontra n-nisa u l-bniet, kemm fil-pubbliku, kif ukoll f'ambjent privat. Bis-saħħa ta' appoġġ finanzjarju tal-UE lil NGOs, avukati, tobba, għalliema u pulizija, fost l-oħrajn, qed jiġu mħarrġa biex jagħtu appoġġ lill-vittmi u tiġi evitata l-vjolenza fuq il-bażi ta' sess.

Billi ħadna azzjoni lil hinn mill-fruntieri tagħna, nedejna l-Inizjattiva Spotlight flimkien man-Nazzjonijiet Uniti, b'investiment inizjali mingħajr preċedent ta' EUR 500 miljun. L-inizjattiva tindirizza fuq skala globali l-għeruq tal-kawżi tal-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet, u tgħin lill-vittmi u tagħtihom is-setgħat biex jikkontribbwixxu f'soċjetajiet aktar sikuri, reżiljenti, rikki u ħielsa.

L-eliminazzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet hija l-ewwel pass lejn il-paċi dinjija u tinsab fil-qalba tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli. Hija prekundizzjoni għall-promozzjoni, il-protezzjoni u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, l-ugwaljanza bejn is-sessi, id-demokrazija u t-tkabbir ekonomiku.

L-Unjoni Ewropea se tkompli taħdem bla heda permezz tal-għodod kollha disponibbli biex tinqata' l-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet, u b'hekk din issir xi ħaġa tal-passat.

Il-kuntest

Il-vjolenza kontra n-Nisa u l-Bniet hija wieħed mill-aktar ksur tad-drittijiet tal-bniedem mifrux u li jħalli effetti qerrieda madwar id-dinja. Huwa stmat li 35 % tan-nisa esperjenzaw vjolenza f'xi punt f'ħajjithom. F'xi pajjiżi, din iċ-ċifra tilħaq is-70 %. Din il-problema hija ostaklu għall-ugwaljanza bejn is-sessi, u l-emanċipazzjoni tan-nisa u l-bniet u għall-iżvilupp sostenibbli ġenerali, kif ukoll biex jintlaħqu l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli. Biex din il-problema tingħeleb, jinħtieġ għalhekk involviment dinji u kontinwu fil-pajjiżi u r-reġjuni kollha.

Il-Kummissjoni pproponiet l-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-Konvenzjoni ta' Istanbul tal-Ewropa tal-Kunsill. Il-ħidma lejn ir-ratifika tagħha tinsab għaddejja. Il-Kummissjoni titlob lil dawk l-Istati Membri tal-UE li għadhom ma rratifikawx il-Konvenzjoni biex jagħmlu dan.

Is-sena li għaddiet, il-Kummissjoni nediet il-kampanja NON.NO.NEIN - Għid LE! Waqqaf il-vjolenza kontra n-nisa. L-għan huwa kemm biex ikun hemm aktar għarfien dwar il-kwistjoni, kif ukoll biex jiġu ffinanzjati proġetti konkreti biex jitnaqqas ir-riskju ta' vjolenza milli jseħħ u jingħata l-appoġġ lin-nisa li ġew affettwati. Il-Kummissjoni Ewropea pprovdiet EUR 15 miljun ta' finanzjament lill-Istati Membri, gvernijiet lokali, professjonisti rilevanti u organizazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-Ewropa kollha biex isaħħu l-azzjonijiet u l-kampanji tagħhom biex jiġġieldu kontra l-vjolenza kontra n-nisa.

F'Ġunju 2017, il-Kummissjoni Ewropea ħadet f'idejha t-tmexxija tal-”Appell għal Azzjoni dwar il-Protezzjoni mill-Vjolenza Sessista f'Emerġenzi”. Fi kriżijiet umanitarji, il-vjolenza fuq il-bażi ta' sess ta' spiss tkun mifruxa. Aħna impenjati li nappoġġaw is-sopravissuti u neliminaw din il-vjolenza. Is-sejħa għal azzjoni tlaqqa' flimkien aktar minn 60 organizzazzjoni umanitarja b'missjoni waħda: li l-vjolenza fuq il-bażi ta' sess tiġi rikonoxxuta bħala periklu għall-ħajja u tiġi indirizzata mill-bidu ta' kriżi. Nisa u bniet f'riskju ta' vjolenza jeħtieġu l-attenzjoni immedjata tagħna. Aħna determinati li nużaw it-tmexxija tagħna biex niġbdu l-attenzjoni lejn din il-kwistjoni u nużaw l-isforzi tagħna f'azzjonijiet konkreti f'dan il-qasam.

F'Settembru, matul it-Tnejn u Sebgħin Assemblea Ġenerali tan-NU, ġiet imnedija l-Inizjattiva Spotlight, flimkien man-Nazzjonijiet Uniti, bil-għan li jkun hemm rispons għal kull forma ta' vjolenza kontra n-nisa u l-bniet. Din tiffoka fuq il-vjolenza familjari u domestika, il-vjolenza sesswali u fuq il-bażi ta' sess u l-prattiki dannużi, il-femminiċidju, it-traffikar tal-bnedmin u l-isfruttament sesswali ekonomiku. L-inizjattiva se tkun bejn l-2017 u l-2023 u għandha investiment inizjali ta' EUR 500 miljun, u l-UE hija l-kontributur ewlieni (ara l-filmat).

Għal aktar tagħrif

MEMO/17/4849

Skeda informattiva - Sena ta' azzjoni ffokata fuq il-vjolenza kontra n-nisa

STATEMENT/17/4848

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar