Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Dikjarazzjoni

Immexxu lill-Korp Ewropew ta' Solidarjetà 'l quddiem: Il-Kummissjoni tilqa' b'sodisfazzjon il-qbil milħuq mill-Ministri taż-Żgħażagħ

Brussell, I-20ta' novembru 2017

Illum, il-Ministri tal-UE fil-Kunsill Edukazzjoni, Żgħażagħ, Kultura u Sport laħqu qbil dwar il-proposta tal-Kummissjoni biex il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà jingħata baġit u qafas legali speċifiċi għalih. Il-Kummissarju għall-Baġit u r-Riżorsi Umani, Günther H. Oettinger, il-Kummissarju għall-Edukazzjoni, il-Kultura, iż-Żgħażagħ u l-Isport, Tibor Navracsics u l-Kummissarju għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali, il-Ħiliet u l-Mobilità tal-Ħaddiema, Marianne Thyssen, jilqgħu dan il-ftehim b'sodisfazzjon. Id-dikjarazzjoni konġunta tagħhom tgħid hekk:

Ninsabu tassew kuntenti li l-Kunsill illum adotta approċċ ġenerali dwar il-qafas legali għall-Korp Ewropew ta' Solidarjetà.

Is-solidarjetà hija valur fundamentali u bażiku tal-Unjoni Ewropea. Minn Diċembru li għadda, aktar minn 41,000 żagħżugħ u żagħżugħa impenjaw ruħhom biex jieħdu sehem fil-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, lesti li jagħmlu attivitajiet ta' volontarjat, jitħarrġu jew jaħdmu għall-ġid komuni. Irridu napprezzaw dan l-entużjażmu, li jgħinna noqorbu biex niksbu Ewropa aktar ġusta u sostenibbli. Bażi ġuridika u finanzjament speċifiċi għall-Korp Ewropew ta' Solidarjetà jwasslu għall-ħolqien ta' regoli ċari appoġġati minn finanzjament stabbli. B'dan il-mod, l-attivitajiet ta' solidarjetà jingħataw spinta madwar l-Ewropa kollha u jiġu żgurati 100,000 kollokament sal-2020.

Il-qbil tal-lum ta' bejn l-Istati Membri jwitti t-triq għal qbil finali mal-Parlament Ewropew. Nixtiequ nirringrazzjaw lill-Presidenza Maltija li nediet il-proċess u lill-Presidenza Estonjana għall-impenn u x-xogħol siewi tagħhom biex jintlaħaq kunsens dwar dan il-fajl importanti, inqas minn sitt xhur wara li ppreżentajna l-proposta tagħna. Issa, nistennew li l-Parlament Ewropew jipproċedi b'mod rapidu fir-rigward ta' dan il-fajl.”

Il-passi li jmiss

Ladarba l-Parlament Ewropew jadotta r-rapport tiegħu, issir l-ewwel laqgħa tat-‘trilogu' bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni.

Kuntest

Fit-30 ta' Mejju 2017, wara konsultazzjonijiet immirati mal-partijiet interessati, il-Kummissjoni ressqet proposta biex il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà jingħata bażi ġuridika unika, b'mekkaniżmu ta' finanzjament speċifiku għalih, u b'sett usa' ta' attivitajiet ta' solidarjetà. Dan jgħin biex jiżdiedu aktar il-koerenza, l-impatt u l-kosteffettività tiegħu. Minn dak iż-żmien, baqgħu għaddejjin diskussjonijiet, kemm fil-Parlament Ewropew kif ukoll fil-Kunsill, biex jintlaħaq qbil dwar il-proposta. Fid-Dikjarazzjoni Konġunta tagħhom, l-istituzzjonijiet tal-UE impenjaw ruħhom li jsarrfu din il-proposta f'realtà sal-aħħar ta' din is-sena.

Għal aktar informazzjoni

Stqarrija għall-istampa: Il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà — bażi ġuridika u baġit apposta (Mejju 2017)

Mistoqsijiet u Tweġibiet: Il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà — bażi ġuridika u baġit apposta (Mejju 2017)

Skeda informattiva: Immexxu lill-Korp Ewropew ta' Solidarjetà 'l quddiem

STATEMENT/17/4729

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar