Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Dikjarazzjoni

Regoli ġodda għall-biedja organika: Dikjarazzjoni mill-Kummissarju Phil Hogan

Brussell, I-20ta' novembru 2017

Il-ftehim dwar regoli ġodda għall-biedja organika li ġie approvat llum minn rappreżentanti tal-Kunsill, se jissimplifika u jarmonizza ħafna mir-regoli li jkopru l-produzzjoni ta' ikel organiku kemm fl-Unjoni Ewropea kif ukoll f'pajjiżi li mhumiex fl-UE.

Il-Kummissarju għall-agrikoltura Phil Hogan laqa' l-pass importanti lejn l-adozzjoni finali tar-Regolament il-ġdid u stqarr:

“Id-deċiżjoni tal-lum tal-Kunsill hija stadju ieħor importanti għas-settur organiku, li tiżgura li dan is-settur importanti u li dejjem qed jikber jista', permezz ta' regoli ċari, ikompli jespandi fl-istess livell bħall-produtturi minn pajjiżi li mhumiex fl-UE u li jesportaw il-prodotti organiċi tagħhom lejn l-UE.

Kulħadd qabel li r-regoli attwali, li issa ilhom 20 sena, ma kinux adattati għall-iskop tagħhom u x'aktarx li jxekklu aktar milli jgħinu l-iżvilupp ta' dan is-settur li qed jikber u li għandu valur ta' madwar EUR 27 biljun, u li kiber b'125 % matul l-aħħar għaxar snin. Irridu nappoġġaw dan it-tkabbir billi niżguraw li s-settur jopera b'leġiżlazzjoni xierqa. Dan it-tkabbir se jkun megħjun mill-produtturi ż-żgħar li issa se jkunu jistgħu jissieħbu fi skemi ta' ċertifikazzjoni tal-gruppi sabiex jibbenefikaw minn tnaqqis fl-ispejjeż ta' ċertifikazzjoni. Għaldaqstant, il-produtturi organiċi issa se jkollhom aċċess għal suq ġdid ta' żrieragħ organiċi li se jtejjeb il-bijodiversità u s-sostenibbiltà tal-għelejjel u se jagħti spinta lill-innovazzjoni.

Matul dawn in-negozjati li damu għaddejjin aktar minn tliet snin, il-Kummissjoni ffokat kontinwament fuq il-konsumatur Ewropew li jixtri prodotti organiċi u li jkollu ċerti aspettattivi raġonevoli dwar il-garanziji li jġib miegħu il-logo organiku tal-UE. Ir-regoli l-ġodda li ġew approvati llum itemmu s-sistema attwali ta' eċċezzjonijiet à la carte. L-istess regoli se japplikaw għall-produtturi u għall-prodotti organiċi kollha li jinbiegħu fl-UE, kemm dawk prodotti domestikament kif ukoll dawk importati. Il-miżuri ta' prekawzjoni aktar stretti se jnaqqsu wkoll ir-riskju ta' kontaminazzjoni aċċidentali b'sustanzi mhux awtorizzati. Il-konsumaturi se jibbenefikaw ukoll minn aktar għażla, billi r-regoli l-ġodda se jkopru varjetà usa' ta' oġġetti tal-ikel u mhux tal-ikel organiċi meta mqabbla mal-imgħoddi (bħal melħ, sufra jew żjut essenzjali).

Wara d-deċiżjoni tal-lum tal-Kunsill, nittama li l-koleġiżlaturi issa jistgħu jipproċedu malajr biex jikkonkludu ftehim fl-ewwel qari u jiffaċilitaw id-dħul fis-seħħ fl-2021. Dan jippermetti lis-settur iħejji ruħu b'mod adegwat għal ambjent leġiżlattiv ġdid u favorevoli u jgħin lis-settur prosperuż ikompli jikber u jilħaq il-potenzjal sħiħ tiegħu, abbażi tal-prinċipju li skontu kulħadd għandu jopera f'kundizzjonijiet ekwi.”

Il-ftehim li ġie approvat illum mill-Kunsill se jintbagħat għall-votazzjoni fil-Parlament Ewropew. Ladarba jiġu adottati, ir-regoli l-ġodda se jidħlu fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2021. Għalhekk il-produtturi, l-operaturi u s-sħab kummerċjali se jkollhom żmien biżżejjed biex jadattaw għall-qafas il-ġdid.

Għal Aktar Informazzjoni

Mistoqsijiet u tweġibiet rigward ir-regoli l-ġodda dwar il-biedja organika

Skeda informattiva dwar is-settur organiku u r-regoli l-ġodda

Is-sit web tal-Biedja Organika

Il-logo organiku tal-UE

STATEMENT/17/4727

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar