Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Dikjarazzjoni

Dikjarazzjoni mill-President Juncker dwar il-Proklamazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali

Brussell, is-17ta' novembru 2017

Illum, il-mexxejja tal-Unjoni Ewropea pproklamaw solennement il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali fis-Samit Soċjali għal impjiegi u tkabbir ġust f'Gothenburg, l-Iżvezja. Il-Pilastru inizjalment kien tħabbar mill-President Juncker fid-diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni tal-2015 u ppreżentat mill-Kummissjoni f'April 2017. Illum dan ġie ffirmat mill-President Juncker għall-Kummissjoni Ewropea, il-President Tajani għall-Parlament Ewropew u l-Prim Ministru Ratas għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Image

F'din l-okkażjoni, il-President Juncker qal:

“Dan huwa mument fundamentali għall-Ewropa. L-Unjoni tagħna minn dejjem kien proġett soċjali fil-qalba tagħha. Hija aktar minn sempliċiment suq uniku, flus u l-euro. Hija dwar il-valuri tagħna u l-mod kif aħna rridu ngħixu.

Il-mudell soċjali Ewropew huwa storja ta' suċċess u bis-saħħa tiegħu l-Ewropa hija post ta' klassi dinjija fejn wieħed jgħix u jaħdem. Illum qed nasserixxu l-valuri komuni tagħna u nimpenjaw ruħna għal sett ta' 20 prinċipju u dritt. Mid-dritt għal pagi ġusti għad-dritt għall-kura tas-saħħa; mit-tagħlim, għal bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u l-ugwaljanza bejn is-sessi għal introjtu minimu: bil-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, l-UE tqum għad-drittijiet taċ-ċittadini tagħha f'dinja li qed tinbidel b'mod mgħaġġel ħafna.

Il-proklamazzjoni tal-Pilastru fis-Samit Soċjali f'Gothenburg waslet f'mument ewlieni biex twaqqaf dimensjoni soċjali b'saħħitha fil-futur tal-Unjoni Ewropea. L-għażla taż-żmien saret deliberatament, sabiex id-dimensjoni soċjali tal-Ewropa tkun l-ewwel pass fit-triqitna lejn Sibiu.

F'mumenti ta' bidla kbira — kemm jekk fil-ħajja jew fil-politika - huwa biss naturali li mmorru lura għal dak li jiddefinixxina u għal dak li jżommna flimkien. Għalhekk ninsab kuntent li stajna kollha naqblu dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali f'inqas minn sitt xhur minn meta pproponietu l-Kummissjoni Ewropea. Dan l-impenn komuni huwa turija soda tal-għaqda Ewropea.

Il-Pilastru - u d-dimensjoni soċjali tal-Ewropa b'mod ġenerali - jista' jkun b'saħħtu biss safejn inħalluh. Dan huwa responsabbiltà konġunta u jibda fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali, bi rwol ewlieni għall-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili. Għalhekk, filwaqt li nħarsu u nħaddnu l-approċċi differenti li jeżistu madwar l-Ewropa, issa rridu nsarrfu dawk l-impenji f'azzjoni. L-Ewropej ma ħaqqhom xejn inqas.

Għal Iktar Informazzjoni

Sit web dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali

It-test uffiċjali tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali

Is-Samit Soċjali għall-Impjiegi Ġusti u t-Tkabbir: it-tisħiħ tad-dimensjoni soċjali tal-UE

Is-Samit Soċjali għall-Impjiegi Ġusti u t-Tkabbir

Skedi informattivi:

STATEMENT/17/4706

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar