Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Dikjarazzjoni

Dikjarazzjoni Konġunta fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali tan-Nisa 2017

Brussell, is-7ta' marzu 2017

Illum l-Unjoni Ewropea qed tappoġġja lin-nisa fl-Ewropa u madwar id-dinja, bl-istess mod bħal ma għamlet meta twaqqfet.

Sittin sena ilu, l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel ġiet integrata fit-Trattat ta' Ruma bħala wieħed mill-valuri fundamentali tal-Unjoni Ewropea. F'dak iż-żmien, l-impenn tal-Ewropa lejn il-prinċipju ta' paga ugwali għal xogħol ugwali kien uniku fid-dinja. Minn dak iż-żmien ‘l hawn, l-UE kompliet tkun minn ta' quddiem u għamlet progress viżibbli f'kull qasam. Naħdmu bla heda biex niddefendu d-drittijiet tan-nisa u nappoġġjawhom fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u l-vjolenza sessista.

Fl-2017, aktar nisa qed jaħdmu, aktar nisa qed jiggradwaw minn universitajiet, u hemm aktar nisa attivi fil-politika jew f'pożizzjonijiet għolja f'kumpaniji Ewropej minn qatt qabel. Fil-Kummissjoni, in-nisa jirrappreżentaw 55 % mill-forza totali tax-xogħol. Madankollu, bosta nisa, speċjalment ommijiet waħedhom, għadhom qed jitħabtu biex jilħqu indipendenza ekonomika fl-Unjoni Ewropea. Ir-rata ta' impjieg tan-nisa fl-Unjoni Ewropea laħqet ċifra rekord ta' 65.5 % fl-2016, iżda minkejja dan għad hemm differenza kbira meta mqabbla mar-rata ta' 77 % ta' rġiel.

Irid isir ħafna aktar kemm fl-Ewropa kif ukoll lil hinn minnha. In-nisa spiss huma fost dawk l-aktar vulnerabbli, f'sitwazzjonijiet ta' kunflitti, migrazzjoni u spostament, u fejn il-faqar u t-tibdil fil-klima jolqtu l-iktar. Barra minn hekk, hemm tkabbir sinifikanti fl-għadd ta' nisa li huma vittmi ta' traffikar, li jaslu fl-UE fil-kuntest attwali tal-migrazzjoni.

L-intolleranza kontra n-nisa u tal-misoġenija jidhru kemm fil-qasam pubbliku kif ukoll minn wara l-anonimità kodarda tal-Internet. L-attakki fuq id-drittijiet tan-nisa qed jiżdiedu. Għadd kbir wisq ta' Ewropej għadhom jaħsbu li l-att sesswali mingħajr il-kunsens jista' jkun ġustifikabbli. In-nisa huma wkoll fuq quddiem nett fid-diskriminazzjoni u l-vjolenza, speċjalment f'żoni ta' kunflitt madwar id-dinja.

Madankollu, in-nisa huma wkoll ta' spiss minn tal-ewwel li jfittxu soluzzjonijiet, li jkunu reżiljenti fi żminijiet ta' sfida kif ukoll ikollhom viżjoni għall-futur tal-pajjiżi tagħhom. Huwa għalhekk li l-UE tkompli tinvolvi ruħha ma' gruppi ta' nisa fid-dinja kollha, inkluż fl-aktar ċirkustanzi diffiċli, bħall-Afganistan jew is-Sirja.

Se nkomplu nieħdu azzjoni kemm fl-UE nnifisha kif ukoll lil hinn minnha. B'mod partikolari:

  • Permezz tal-Impenn Strateġiku għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi 2016–2019, il-Kummissjoni Ewropea tindirizza l-inugwaljanzi f'oqsma ewlenin bħalma huma x-xogħol, ir-rimunerazzjoni, it-teħid ta' deċiżjonijiet u l-vjolenza.
  • Il-Kummissjoni Ewropea ddedikat l-2017 biex jinqerdu l-forom kollha ta' vjolenza kontra n-nisa u l-bniet.
  • Din is-sena l-Kummissjoni se tippreżenta inizjattiva ġdida rigward il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u persuni li jindukraw.
  • Permezz tar-riforma tagħna proposta tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil, il-migranti nisa li jaslu fl-Ewropa biex jitolbu l-protezzjoni u li esperjenzaw ħsara se jiġu pprovduti b' kura medika, appoġġ legali, konsulenza għal trawma u kura psikosoċjali.
  • Il-Kummissjoni se tkompli tissorvelja d-dimensjoni tal-ġeneru fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni fil-politika u l-leġiżlazzjoni kontra t-traffikar
  • Fir-relazzjonijiet esterni tagħha, permezz tal-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar is-Sessi 2016–2020, il-Kummissjoni se tiffoka b'mod partikolari fuq l-għajnuna għan-nisa u l-bniet madwar id-dinja li huma esklużi għall-edukazzjoni, aċċess ugwali għas-saħħa u s-servizzi ta' ppjanar tal-familja, għas-suq tax-xogħol, kif ukoll għall-ħajja politika filwaqt li jħabbtu wiċċhom ma' regoli u liġijiet diskriminatorji fuq il-wirt, iċ-ċittadinanza jew is-sjieda tal-art.
  • Biex jiġi żgurat li l-għajnuna tilħaq lil dawk l-aktar vulnerabbli madwar id-dinja, il-Kummissjoni se tkompli tapplika b'mod sistematiku approċċ li jieħu kont ta' kwistjonijiet marbutin mal-ugwaljanza bejn is-sessi għall-għajnuna umanitarja.
  • Il-Kummissjoni se tkompli tkun minn ta' quddiem fl-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU, inkluż rigward l-Ugwaljanza bejn is-Sessi.

Mhux beħsiebna nieqfu niġġieldu għall-ugwaljanza bejn is-sessi u għas-sigurtà tan-nisa u l-bniet filwaqt li nappoġġjawhom biex jilħqu b'mod sħiħ il-potenzjal tagħhom. L-Unjoni Ewropea hija impenjata, kif kienet 60 sena ilu, biex tiġi żgurata l-ugwaljanza għan-nisa madwar id-dinja.


 

Firmatarji:

Frans Timmermans, l-ewwel Viċi President

Federica Mogherini, ir-Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà/il-Viċi President tal-Kummissjoni

Oettinger, il-Kummissarju għall-Baġit u r-Riżorsi Umani

Johannes Hahn, Kummissarju għall-Politika Ewropea tal-Viċinat u n-Negozjati għat-Tkabbir

Neven Mimica, il-Kummissarju għall-Kooperazzjoni Internazzjonali u l-Iżvilupp

Dimitris Avramopoulos, il-Kummissarju għall-Migrazzjoni, l-Affarijiet Interni u ċ-Ċittadinanza

Marianne Thyssen, l-Kummissarju għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali, il-Ħiliet u l-Mobilità tax-xogħol

Christos Styliandes, il-Kummissarju għall-Għajnuna Umanitarja u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet

Vera Jourová, il-Kummissarju għall-Ġustizzja, il-Konsumaturi u l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri

 

2017 Annual Report on Gender Equality

STATEMENT/17/463

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar