Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Dikjarazzjoni

Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-Jum Internazzjonali ta' Tolleranza Żero kontra l-Mutilazzjoni Ġenitali Femminili

Brussell, is-6ta' frar 2017

Fil-Jum Internazzjonali ta' Tolleranza Żero kontra l-Mutilazzjoni Ġenitali Femminili, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin/il-Viċi President tal-Kummissjoni Federica Mogherini, il-Kummissarju tal-Ġustizzja, il-Konsumaturi u l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri tal-UE, Vĕra Jourová, u l-Kummissarju għall-Iżvilupp, Neven Mimica, ħadu pożizzjoni qawwija u magħquda, u għamlu d-dikjarazzjoni li ġejja:

“Aktar minn 200 miljun, nisa u bniet, sofrew minħabba l-Mutilazzjoni Ġenitali Femminili madwar id-dinja, inkluż 500,000 li jgħixu fl-Ewropa. Huwa stmat li hemm tliet miljun tifla madwar id-dinja li jaffaċċjaw dan ir-riskju. Dan hu għemil li jagħmel il-ħsara, li jikser b'mod orribbli d-drittijiet tal-bniedem, id-dinjità u l-integrità fiżika tal-bniet u tan-nisa. 

Fl-Unjoni Ewropea qegħdin niddedikaw is-sena 2017 għall-ġlieda kontra l-forom kollha ta' vjolenza kontra n-nisa, inkluża l-Mutilazzjoni Ġenitali Femminili. In-nisa u l-bniet għandhom jiġu protetti kontra l-vjolenza u t-tbatija kkawżata minn dan l-għemil. L-għalliema, it-tobba, l-infermiera, l-uffiċjali tal-pulizija, l-avukati, l-imħallfin jew l-uffiċjali tal-ażil, għandhom rwol ċentrali biex dan il-għan jintlaħaq. L-UE issa se tagħti l-apoġġ tagħha lil dawn il-professjonisti f'din il-ħidma li jiġu identifikati bniet li jistgħu jkunu qegħdin jaffaċċjaw ir-riskju li jkunu vittmi tal-Mutilazzjoni Ġenitali Femminili, billi tiġi offruta pjattaforma fuq l-internet li tkun mifruxa mal-UE kollha. 

Aħna nipproteġu wkoll lin-nisa u lill-bniet migranti billi naraw li dawn ikollhom aċċess għall-kura medika u psikosoċjali, kif ukoll permezz ta' għajnuna legali. Permezz ta' riforma tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil tagħna se nkunu nistgħu nindirizzaw aħjar il-ħtiġijiet speċifiċi ta' nisa li jkunu qegħdin jitolbu l-ażil u li jkunu batew vjolenza jew dannu minħabba l-ġeneru tagħhom.

Il-Mutilazzjoni Ġenitali Femminili hija reat kriminali fl-Istati Membri kollha tal-UE. Aħna nagħtu l-appoġġ tagħna lill-pajjiżi sħab barra mill-Ewropa biex dawn jieħdu azzjoni biex il-Mutilazzjoni Ġenitali Femminili ssir illegali wkoll. Sa minn meta kien beda l-programm relevanti bi sħab bejn l-UE u n-NU, il-Gambja u n-Niġerja adottaw leġiżlazzjoni mingħajr preċedenti biex dan l-għemil jiġi kriminalizzat. 531,300 tifla rċevew kura relatata mal-Mutilazzjoni Ġenitali Femminili jew inkella appoġġ ta' prevenzjoni, u 2,000 komunità impenjaw ruħhom b'mod pubbliku li jabbandunaw dan l-għemil li tant jagħmel ħsara. Sejrin inkomplu bil-ħidma tagħna sabiex sħab oħra jsegwu dan l-eżempju u ninsabu lesti biex ngħinuhom.

Lil hinn mill-bidliet legali u ta' politika, il-Mutilazzjoni Ġenitali Femminili tintemm biss meta s-soċjetajiet jikkontestaw u jikkundannaw in-normi li jxerrdu dan l-għemil. Il-Kummissjoni Ewropea tagħti l-appoġġ tagħha lil din il-bidla mhux biss fil-livell politiku, iżda wkoll fil-livell l-aktar konkret, bl-involviment tal-missirijiet, l-ommijiet, il-bniet, is-subien, u tal-mexxejja reliġjużi u tal-komunità, bl-istess mod. Se jiġu żviluppati metodoloġiji nazzjonali aħjar ta' ġbir ta' dejta, kif ukoll metodoloġiji ġodda ta' evalwazzjoni tal-bidliet fin-normi soċjali fil-livell tal-komunità sabiex dan jiġi ffaċilitat, filwaqt li jeżisti finanzjament ta' sostenn għall-bniet u n-nisa f'riskju jew biex jingħata aċċess għal servizzi ta' kura għal dawk li jkunu għaddew minn Mutilazzjoni Ġenitali Femminili. 

L-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli jipprovdu opportunità unika biex il-komunità internazzjonali sħiħa tinġabar flimkien u tiġi mobilizzata sabiex jintlaħaq l-obbjettiv ambizzjuż li tiġi eliminata l-Mutilazzjoni Ġenitali Femminili.

Għamilna ħafna, għad hemm ħafna li aħna determinati li nagħmlu. Dmirna u l-impenn tagħna huma li nagħmlu ħidma sfiqa u ntemmu din il-vjolazzjoni li ċċaħħad lin-nisa mid-drittijiet fundamentali tagħhom.”

Sabiex tkun taf aktar dwar il-Mutilazzjoni Ġenitali Femminili u dak li qegħda tagħmel l-Unjoni Ewropea biex telimina din il-prattika, ara l-Q&A kif ukoll is-sit web tal-Pjattaforma ta' taħriġ għall-UE kollha.

 

STATEMENT/17/214

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar