Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Dikjarazzjoni

Il-Kummissjoni tilqa' l-ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill rigward protezzjoni aħjar tal-ħaddiema kontra s-sustanzi kimiċi li jikkawżaw il-kanċer

Brussell, il-11ta' lulju 2017

Illum, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill laħqu ftehim dwar il-proposta tal-Kummissjoni rigward l-iffissar ta' limiti ta' esponiment ġodda jew aktar stretti b'rabta ma' diversi sustanzi kimiċi li jikkawżaw il-kanċer fuq il-post tax-xogħol. Il-Kummissarju għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali, il-Ħiliet u l-Mobilità tal-Ħaddiema Marianne Thyssen, uriet is-sodisfazzjon tagħha rigward l-ftehim tal-lum u stqarret: “Minn fost il-mard kollu relatat max-xogħol il-kanċer jikkawża l-akbar ammont ta' mwiet fost il-ħaddiema, u jikkawża tbatija kbira ħafna għall-familji. Għalhekk, il-ftehim tal-lum jirrappreżenta pass importanti ħafna fil-protezzjoni tas-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema, b'mod partikolari kontra l-kanċer fuq il-post tax-xogħol. Il-Kummissjoni attwali tqis il-ħarsien tas-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema b'mod ġenerali, u l-ġlieda kontra l-kanċer relatat max-xogħol b'mod partikolari, bħala prijoritajiet ewlenin.”

Il-proċess ta' reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Karċinoġeni u l-Mutaġeni beda fl-2008, u l-Kummissjoni Juncker ħadet azzjoni konkreta biex il-pass tal-progress f'dan il-qasam jitħaffef. Minn Mejju 2016 ‘il hawn ressaqna żewġ proposti mmirati lejn l-emendar ta' din id-Direttiva u lejn it-tnaqqis tal-esponiment tal-ħaddiema għal 20 sustanza kimika li jikkawżaw il-kanċer. Iż-żewġ proposti jgħinu biex jiġu salvati ħajjet aktar minn 100,000 ħaddiem matul il-50 sena li ġejjin.

Illum, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Ministri laħqu ftehim dwar l-ewwel proposta tal-Kummissjoni rigward l-emendar tad-Direttiva dwar il-Karċinoġeni u l-Mutaġeni. Il-Kummissjoni tixtieq tirringrazzja lill-partijiet kollha involuti fil-proċess ta' ftehim għall-isforzi komuni li għoġobhom jikkontribwixxu, b'mod partikolari lir-rapporteur tal-Parlament Marita Ulvskog u lix-shadow rapporteurs, kif ukoll lill-Presidenza Maltija u lill-predeċessuri tagħha.

Il-ftehim li ntlaħaq illum bejn il-koleġiżlaturi jikkonferma l-impenn politiku qawwi tal-istituzzjonijiet kollha tal-UE favur il-ġlieda kontra l-kanċer relatat max-xogħol. Issa l-Kummissjoni tistieden lill-Parlament u lill-Kunsill biex jieħdu vantaġġ minn dan l-andament u jaslu għal ftehim rapidu dwar it-tieni proposta tagħha, li ġiet ippreżentata f'Jannar 2017.

F'perspettiva aktar fit-tul, il-ħidma tagħna ma tieqafx hawn. Il-Kummissjoni diġà bdiet b'ħidma preparatorja għall-grupp li jmiss ta' sustanzi kimiċi u beħsiebha tippreżenta proposta dwarhom fil-bidu tas-sena d-dieħla. Il-Kummissjoni nediet ukoll inizjattiva usa' favur il-promozzjoni tas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol f'Jannar 2017. Billi ningħaqdu mal-istituzzjonijiet kollha tal-UE u naġixxu b'mod deċiżiv flimkien, nistgħu nagħmlu pass sinifikanti ‘l quddiem fil-protezzjoni tas-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema tagħna.

STATEMENT/17/1864

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar