Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Dikjarazzjoni

It-tmiem tat-tariffi tar-roaming fl-UE: Stqarrija konġunta minn 3 istituzzjonijiet tal-UE

Brussell, I-14ta' gunju 2017

Minn għada, il-15 ta' Ġunju 2017, it-tariffi tar-roaming fl-Unjoni Ewropea ma jibqgħux japplikaw. Il-President tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani, il-Prim Ministru ta' Malta Joseph Muscat, f'isem il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, u l-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker, ħarġu l-istqarrija li ġejja:

“L-Unjoni Ewropea timmira li trawwem l-għaqda bejn in-nies u tagħmlilhom ħajjithom aktar faċli. It-tmiem tat-tariffi tar-roaming huwa tassew storja ta' suċċess għall-Ewropa.

Minn issa ‘l quddiem, iċ-ċittadini li jivvjaġġaw fl-UE jkunu jistgħu iċemplu, jibagħtu SMS u jaqbdu mal-internet mill-apparat mobbli tagħhom bl-istess prezz li jħallsu f'pajjiżhom. L-eliminazzjoni tat-tariffi tar-roaming hija waħda mill-akbar suċċessi tanġibbli tal-UE.

Matul l-aħħar 10 snin, l-istituzzjonijiet ħadmu kemm felħu biex jikkoreġu dan il-falliment tas-suq. Kull darba li ċittadin Ewropew kien jaqsam fruntiera tal-UE, jekk hux għal xogħol, studju jew għall-vaganzi, anke jekk biss għal ġurnata, kellu jżomm f'moħħu li jekk juża l-mobile, x'aktarx kien jirċievi kont għoli minħabba t-tariffi tar-roaming meta jasal lura f'pajjiżu. It-tariffi tar-roaming issa se jsiru ħaġa tal-imgħoddi. Minn għada, meta tivvjaġġja fl-UE tkun tista' tibqa' konness bl-istess prezz bħallikieku qiegħed pajjiżek.

Domna biex wasalna fejn kellna naslu u kienu ħafna l-atturi involuti. Permezz ta' ħidma flimkien, l-Unjoni Ewropea tat riżultat pożittiv u konkret għaċ-ċittadini Ewropej. Aħna kburin li l-UE wasslet għat-tmiem tal-prezzijiet eżorbitanti tar-roaming u ninsabu grati lil kull min kellu d-determinazzjoni jegħleb il-bosta sfidi involuti biex jintlaħaq dan l-għan.

Fl-istess ħin, l-UE rnexxielha ssib bilanċ tajjeb bejn it-tmiem tat-tariffi tar-roaming u l-bżonn li l-offerti domestiċi għall-komunikazzjoni mobbli jinżammu kompetittivi u attraenti. L-operaturi kellhom sentejn biex iħejju ruħhom għal tmiem it-tariffi tar-roaming u ninsabu fiduċjużi li se jaħtfu l-opportunitajiet li jġibu magħhom ir-regoli l-ġodda għall-benefiċċju tal-klijenti tagħhom.

It-tmiem tat-tariffi tar-roaming huwa wieħed mis-sisien tas-Suq Uniku Diġitali tal-UE u huwa pass ieħor lejn il-bini ta' soċjetà diġitali Ewropea unita u sostenibbli, aċċessibbli għaċ-ċittadini kollha tagħna.”

Għal iktar informazzjoni

Mistoqsijiet frekwenti u tweġibiet

Skeda b'informazzjoni ġenerali dwar it-tmiem tat-tariffi tar-roaming

Skeda informattiva dettaljata: Kif taħdem?

STATEMENT/17/1590

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar