Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Dikjarazzjoni

Dikjarazzjoni Konġunta minn Martin Schulz, il-President tal-PE, Donald Tusk, il-President tal-Kunsill Ewropew, Mark Rutte, id-Detentur tal-Presidenza tal-Kunsill tal-UE, u Jean-Claude Juncker, il-President tal-Kummissjoni Ewropea

Brussell, I-24ta' gunju 2016

Il-President Schulz, il-President Tusk u l-Prim Ministru Rutte dalgħodu ltaqgħu fi Brussell wara l-istedina mill-President tal-Kummissjoni Ewropea Juncker. Huma ddiskutew l-eżitu tar-referendum tar-Renju Unit u għamlu d-dikjarazzjoni konġunta li ġejja:

"Fi process ħieles u demokratiku, il-poplu Brittanniku esprima r-rieda tiegħu li joħroġ mill-Unjoni Ewropea. Aħna jiddispjaċina minn din id-deċiżjoni iżda nirrispettawha.

Din hija sitwazzjoni bla precedent, iżda ninsabu magħqudin fir-reazzjoni tagħna. Aħna se nibqgħu b'saħħitna u se nkomplu nappoġġaw il-valuri fil-qalba tal-UE tal-promozzjoni tal-paċi u l-benessri tal-popli tagħha. L-Unjoni ta' 27 Stat Membru se tkompli. L-Unjoni hija l-qafas tal-futur politiku komuni tagħna. Aħna marbutin flimkien permezz tal-istorja, tal-ġeografija u tal-interessi komuni u se niżviluppaw il-kooperazzjoni tagħna fuq din il-bażi. Se nindirizzaw flimkien l-isfidi komuni tagħna biex noħolqu t-tkabbir, inżidu l-prosperità u niggarantixxu ambjent sikur għaċ-ċittadini tagħna. F'dan l-isforz, l-istituzzjonijiet se jaqdu r-rwol sħiħ tagħhom.

Issa qegħdin nistennew li l-gvern tar-Renju Unit jagħti effett lil din id-deċiżjoni tal-poplu Brittanniku malajr kemm jista' jkun, ikun kemm ikun proċess iebes. Kull dewmien ikun qiegħed itawwal l-inċertezza mingħajr bżonn. Għandna regoli biex nittrattaw dan il-każ b'mod ordnat. L-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jistabbilixxi l-proċedura li għandha tiġi segwita fl-eventwalità li Stat Membru jiddeċiedi li joħroġ mill-Unjoni Ewropea. Aħna ninsabu lesti biex nibdew negozjati malajr mar-Renju Unit dwar it-termini u kundizzjonijiet tal-irtirar tiegħu mill-Unjoni Ewropea. Sakemm jintemm dan il-proċess ta' negozjati, ir-Renju Unit jibqa' Membru tal-Unjoni Ewropea, bid-drittijiet u l-obbligi kollha li jirriżultaw minn dan. Skont it-Trattati li rratifika r-Renju Unit, il-liġi tal-UE tkompli tapplika bis-sħiħ għar-Renju Unit u fir-Renju Unit sakemm ma jibqax Membru.

Kif ġie maqbul, is-"Soluzzjoni l-Ġdida għar-Renju Unit fi ħdan l-Unjoni Ewropea", li ntlaħqet fil-Kunsill Ewropew fit-18 u d-19 ta' Frar 2016, issa mhijiex se tidħol fis-seħħ u ma tibqax teżisti. Mhux se jkun hemm l-ebda negozjazzjoni mill-ġdid.

Fir-rigward tar-Renju Unit, nisperaw li fil-futur ikun sieħeb mill-qrib tal-Unjoni Ewropea. Nistennew li r-Renju Unit jifformula l-proposti tiegħu f'dan ir-rigward. Kull ftehim, li jiġi konkluż mar-Renju Unit bħala pajjiż terz, ikun irid jirrifletti l-interessi taż-żewġ naħat u jilħaq ekwilibriju f'termini ta' drittijiet u obbligi."

STATEMENT/16/2329

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar