Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Diskors

Id-Diskors dwar l-Istat tal-Unjoni 2017 TAL-PRESIDENT JEAN-CLAUDE JUNCKER*

Brussell, it-13ta' settembru 2017

1

INTRODUZZJONI – IR-RIĦ FIL-QALA'

Sur President, Onorevoli Membri tal-Parlament Ewropew,

Meta kont hawn quddiemkom bħal dan iż-żmien sena, kelli diskors kemxejn aktar faċli x'nippreżentalkom.

Kien ċar quddiem għajnejn kulħadd li l-Unjoni tagħna ma kinitx tinsab fi stat tajjeb.

L-Ewropa kienet għadha mbenġla minn sena li heżżet is-sisien tagħna stess.

Kellna biss żewġ għażliet. Jew ningħaqdu flimkien madwar aġenda Ewropea pożittiva jew inkella kull wieħed minnha jirtira fir-roqgħa tiegħu.

Quddiem din l-għażla, jien argumentajt favur l-għaqda.

Ipproponejt aġenda pożittiva biex ngħin – kif sostnejt is-sena li għaddiet – fil-ħolqien ta' Ewropa li tipproteġi, Ewropa li tagħti s-setgħa, Ewropa li tiddefendi.

Matul dawn l-aħħar tnax-il xahar, il-Parlament Ewropew għen sabiex din l-aġenda tingħata l-ħajja. Ma' kull jum li jgħaddi, qed inkomplu nagħmlu progress. Sal-bieraħ filgħaxija, kontu bil-kmiem imxammrin taħdmu biex tilħqu ftehim dwar l-istrumenti għad-difiża tal-kummerċ u dwar l-irduppjar tal-kapaċità tagħna ta' investiment Ewropew. U rnexxielkom. Ta' dan inroddilkom ħajr.

Ippermettuli wkoll inrodd ħajr lis-27 mexxej tal-Istati Membri tagħna. Xi jiem wara d-diskors tiegħi s-sena l-oħra, huma laqgħu b'sodisfazzjoni l-aġenda tiegħi fis-summit tagħhom fi Bratislava. B'dan huma għażlu l-għaqda. Għażlu li joħorġu bi ħġarhom favur dak li jgħaqqadna.

Flimkien, urejna li l-Ewropa tista' tikseb riżultati għaċ-ċittadini tagħha kull meta u kull fejn dan ikun ta' importanza.

Ilna minn dak iż-żmien 'l hawn li qbadna ritmu bil-mod iżda b'ċertezza.

Il-fatt li l-perspettiva ekonomika xaqilbet favurina tana palata.

Issa dħalna fil-ħames sena ta' rkupru ekonomiku li tassew jilħaq lil kull wieħed mill-Istati Membri.

Matul dawn l-aħħar sentejn, it-tkabbir tal-Unjoni Ewropea għadda lil dak tal-Istati Uniti. Issa huwa ta' 'l fuq minn 2 % għall-Unjoni kollha kemm hi u ta' 2.2 % għaż-żona monetarja.

Il-qgħad huwa l-anqas li qatt kien f'disa' snin. Matul dan il-mandat, s'issa nħolqu kważi 8 miljun impjieg. B'235 miljun ruħ li qed jaħdmu, aktar persuni minn qatt qabel għandhom impjieg fl-Unjoni Ewropea.

Il-Kummissjoni Ewropea ma tistax tieħu l-mertu ta' dan weħidha. Madankollu, persważ li t-tort kien jaqa' fuqna kieku ntilfu 8 miljun impjieg.

Iżda l-istituzzjonijiet tal-Ewropa taw sehemhom biex jibdlu d-direzzjoni tar-riħ.

Nistgħu nieħdu l-mertu għall-Pjan tagħna ta' Investiment għall-Ewropa li sa issa skatta EUR 225 biljun f'investimenti. Provda self lil 450,000 kumpanija żgħira u aktar minn 270 proġett infrastrutturali.

Nistgħu nieħdu l-mertu għall-fatt li, bis-saħħa ta' azzjoni determinata, il-banek Ewropej għal darb'oħra għandhom biżżejjed qawwa ta' kapital biex isellfu lill-kumpaniji biex dawn ikunu jistgħu jikbru u joħolqu l-impjiegi.

U nistgħu nieħdu l-mertu talli naqqasna d-defiċits pubbliċi minn 6.6 % għal 1.6 %. Dan sar bis-saħħa ta' applikazzjoni għaqlija tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Aħna nitolbu għad-dixxiplina fiskali iżda noqogħdu b'seba' għajnejn li ma neqirdux it-tkabbir. Fil-fatt dan qed jaħdem tajjeb ħafna fl-Unjoni kollha – minkejja l-kritika.

Wara għaxar snin minn mindu faqqgħet il-kriżi, l-ekonomija tal-Ewropa fl-aħħar qed terġa' tqum fuq saqajha.

U id f'id magħha, qed titreġġa' lura l-fiduċja tagħna.

Is-27 mexxej tagħna, il-Parlament u l-Kummissjoni qegħdin jerġgħu jsibu post l-Ewropa fl-Unjoni tagħna. U flimkien qegħdin insibu mill-ġdid post l-Unjoni fl-Unjoni tagħna.

F'din l-aħħar sena, assistejna għas-27 mexxej telgħin it-telgħa tal-Campidoglio f'Ruma, wieħed wara l-ieħor, biex iġeddu l-wegħdiet tal-impenn tagħhom lejn xulxin u lejn l-Unjoni tagħna.

Dan kollu jwassalni biex nemmen li: ir-riħ reġa' qed jonfoħ fil-qala' tal-Ewropa.

Issa quddiemna nfetħet tieqa ta' opportunità iżda din mhux se tibqa' miftuħa għal dejjem.

Ejjew nieħdu vantaġġ minn dan ir-ritmu li qbadna, u nisfruttaw ir-riħ li għandna fil-qala'.

Biex dan jitwettaq, irridu nagħmlu żewġ affarijiet:

L-ewwel nett, irridu nibqgħu fir-rotta li qbadna s-sena li għaddiet. Għad fadlilna 16-il xahar li fihom jista' jsir progress effettiv mill-Parlament, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni. Irridu nużaw dan iż-żmien biex intemmu dak li bdejna fi Bratislava u nwettqu l-aġenda pożittiva tagħna stess.

It-tieni nett, irridu nfasslu d-direzzjoni għall-ġejjieni. Bħalma kiteb Mark Twain– u qed nikkwota – għada pitgħada nkunu aktar diżappuntati minħabba l-affarijiet li ma għamilniex, milli minħabba dawk li għamilna. Issa wasal iż-żmien li nibnu Ewropa aktar magħquda, aktar qawwija, aktar demokratika għall-2025.

 

NIBQGĦU FIR-ROTTA

Sur President, Onorevoli Membri,

Aħna u nimirħu lejn il-ġejjieni, ma nistgħux inħallu lilna nfusna nintelqu għal riħna.

Aħna qbadna r-rotta bit-tir li nikkompletaw Unjoni tal-Enerġija, Unjoni tas-Sigurtà, Unjoni tas-Swieq Kapitali, Unjoni Bankarja u Suq Uniku Diġitali. Flimkien, diġà avvanzajna mhux ħażin.

Bħalma nxehed mill-Parlament, il-Kummissjoni diġà ressqet 80 % tal-proposti mwiegħda fil-bidu tal-mandat. Issa rridu niġbdu l-istess ħabel biex il-proposti nibdluhom f'liġi, u l-liġi nibdluha fi prassi.

Bħal dejjem, wieħed se jkollu kemm x'jieħu kif ukoll xi jrodd.Iva, naf li l-proposti tal-Kummissjoni għar-riforma tas-Sistema Komuni tal-Ażil tagħna u għat-tisħiħ tar-regoli dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema ħolqu kontroversja. Sabiex niksbu riżultat tajjeb, hemm bżonn li n-naħat kollha jagħtu sehemhom biex ikunu jistgħu jersqu aktar lejn xulxin. Illum nixtieq ngħid dan li ġej: sakemm l-eżitu jkun l-eżitu t-tajjeb għall-Unjoni tagħna u jkun ġust għall-Istati Membri kollha tagħha, il-Kummissjoni se tkun lesta ssib kompromess

Issa ninsabu lesti biex il-bqija tal-20 % tal-inizjattivi nippreżentawhom sa Mejju 2018.

Dalgħodu għadni kemm bgħatt Ittra ta' Intenzjoni lill-President tal-Parlament Ewropew u lill-Prim Ministru tal-Estonja – li ppermettuli ngħid kelmtejn ta' tifħir għall-ħidma qawwija tiegħu għall-Ewropa – li tiddeskrivi l-prijoritajiet għas-sena li ġejja.

Mhux se nagħtikom u lanqas nista' nagħtikom lista ta' dawn il-proposti kollha hawnhekk, iżda ppermettuli nsemmi ħamsa li huma ta' importanza partikolari.

L-ewwel nett, irrid li aħna nsaħħu l-aġenda Ewropea għall-kummerċ tagħna.

Iva, l-Ewropa hija miftuħa għan-negozju. Iżda jrid ikun hemm ir-reċiproċità. Irridu nirċievu dak li nagħtu.

Il-kummerċ mhux xi ħaġa astratta. Il-kummerċ jirrigwarda l-impjiegi, il-ħolqien ta' opportunitajiet ġodda għan-negozji tal-Ewropa, kbar u żgħar. Kull EUR 1 biljun addizzjonali f'esportazzjonijiet jappoġġja 14,000 impjieg ieħor fl-Ewropa.

Il-kummerċ jirrigwarda l-esportazzjoni tal-istandards tagħna, sew jekk standards soċjali u sew jekk ambjentali, rekwiżiti tas-sikurezza tal-ikel jew protezzjoni tad-dejta.

L-Ewropa minn dejjem kienet post attraenti għan-negozju.

Iżda matul l-aħħar sena, l-imsieħba madwar id-dinja qed jaslu bil-gzuz fuq l-għatba tagħna biex jikkonkludu ftehimiet kummerċjali magħna.

Bl-għajnuna ta' dan il-Parlament, għadna kemm għamilna ftehim kummerċjali mal-Kanada li se jibda japplika proviżorjament mill-ġimgħa d-dieħla. Għandna ftehim politiku mal-Ġappun dwar sħubija ekonomika fil-futur. U sa tmiem is-sena, hemm probabbiltà kbira li nagħmlu l-istess mal-Messiku u mal-pajjiżi tal-Amerka t'Isfel.

Illum, qed nipproponu li niftħu negozjati kummerċjali mal-Awstralja u ma' New Zealand.

Irrid li dawn il-ftehimiet kollha jiġu ffinalizzati sa tmiem dan il-mandat. U rrid li dawn jiġu nnegozjati bl-akbar trasparenza.

Il-kummerċ miftuħ irid jimxi id f'id mat-tfassil miftuħ tal-politika.

Il-Parlament Ewropew se jkollu l-aħħar kelma rigward il-ftehimiet kummerċjali kollha. Għaldaqstant, il-Membri tiegħu, bħall-membri tal-parlamenti nazzjonali u reġjonali, iridu jinżammu infurmati kompletament dwar in-negozjati sa mill-ewwel ġurnata. Il-Kummissjoni se tqis li dan isir.

Mil-lum 'il quddiem, il-Kummissjoni se tippubblika l-abbozzi kompluti tal-mandati għan-negozjati li nipproponu lill-Kunsill.

Iċ-ċittadini għandhom id-dritt ikunu jafu dak li qed tipproponi l-Kummissjoni. M'għadux iż-żmien ta' ebda trasparenza. M'għadux iż-żmien tad-diċeriji, ta' dubji ma jaqtgħu xejn dwar l-iskopijiet tal-Kummissjoni.

Nappella lill-Kunsill biex jagħmel l-istess meta jadotta l-mandati finali għan-negozjati.

Ippermettuli ngħid darba għal dejjem: aħna m'aħniex promoturi inġenwi tal-kummerċ ħieles.

L-Ewropa trid dejjem tiddefendi l-interessi strateġiċi tagħha.

Għal din ir-raġuni, illum qed nipproponu qafas ġdid tal-UE għat-tgħarbil tal-investiment. Jekk kumpanija statali barranija tkun trid takkwista port Ewropew, parti mill-infrastruttura tal-enerġija tagħna jew kumpanija tat-teknoloġija tad-difiża, dan għandu jseħħ biss fit-trasparenza, bl-iskrutinju u bid-dibattitu. Hija responsabbiltà politika li nkunu nafu x'qed jiġri ġo darna stess sabiex, jekk ikun hemm bżonn, inkunu nistgħu nipproteġu s-sigurtà kollettiva tagħna.

 

It-tieni nett, il-Kummissjoni trid li tagħmel l-industrija tagħna waħda aktar qawwija u aktar kompetittiva.

Dan jgħodd b'mod partikolari għall-bażi tal-immanifatturar tagħna u t-32 miljun ħaddiem li jiffurmaw is-sinsla tagħha. Huma jagħmlu l-prodotti ta' klassi mondjali li jagħtuna dak il-vantaġġ kompetittiv fuq l-oħrajn, bħal fil-każ tal-karozzi tagħna.

Jiena kburi bl-industrija tal-karozzi tagħna. Iżda nitkexkex meta l-konsumaturi jisfaw imqarrqa b'mod konsapevoli u deliberatament. Nappella lill-industrija tal-karozzi biex ikunu onesti magħhom infushom u jġibuha żewġ. Minflok joqogħdu jgħarrxu għal-lakuni, imisshom qegħdin jinvestu fil-karozzi nodfa għal għada pitgħada

Onorevoli Membri, l-Istrateġija l-ġdida dwar il-Politika Industrijali li qed nippreżentaw illum se tgħin lill-industriji tagħna biex jibqgħu jew biex isiru n-numru wieħed fl-innovazzjoni, fid-diġitizzazzjoni u fid-dekarbonizzazzjoni.

 

It-tielet: Irrid li l-Ewropa jkollha f'idejha t-tmun tat-taqtigħa kontra t-tibdil fil-klima.

Is-sena li għaddiet, konna aħna li stabbilejna r-regoli tal-logħba permezz tal-Ftehim ta' Pariġi, irratifikat hawnhekk, proprju f'din il-Kamra. B'determinazzjoni kontra n-nuqqas, f'daqqa waħda, ta' ambizzjoni fl-Istati Uniti, l-Ewropa trid tiżgura li lill-pjaneta tagħna nroddulha lura l-kobor tagħha. Hija wirt kondiviż tal-umanità kollha.

Il-Kummissjoni dalwaqt se tippreżenta proposti biex innaqqsu l-emissjonijiet tal-karbonju tas-settur tat-trasport tagħna.

 

Ir-raba' prijorità għas-sena li ġejja: Irrid li aħna nipproteġu aħjar lill-Ewropej fl-era diġitali.

Matul dawn l-aħħar snin, għamilna progress notevoli biex inżommu lill-Ewropej f'ambjent online sikur. Regoli ġodda, ippreżentati mill-Kummissjoni, se jħarsu l-proprjetà intellettwali tagħna, id-diversità kulturali tagħna u d-dejta personali tagħna. Intensifikajna l-ġlieda kontra l-propaganda u r-radikalizzazzjoni online tat-terroristi. Iżda l-Ewropa għadha mhux mgħammra tajjeb biżżejjed fir-rigward tal-attakki ċibernetiċi.

L-attakki ċibernetiċi jistgħu jkunu aktar perikolużi għall-istabbiltà tad-demokraziji u tal-ekonomiji mill-ixkubetti u t-tankijiet tal-gwerra. Is-sena li għaddiet weħidha, kien hemm aktar minn 4,000 attakk ta' ransomware kuljum u 80 % tal-kumpaniji Ewropej esperjenzaw mill-inqas inċident wieħed taċ-ċibersigurtà.

L-attakki ċibernetiċi m'għandhomx fruntieri u ma hemm ħadd li għandu immunità għalihom. Għal din ir-raġuni, illum, il-Kummissjoni qed tipproponi għodod ġodda, fosthom Aġenzija Ewropea għaċ-Ċibersigurtà, sabiex tgħin biex tiddefendina kontra attakki bħal dawn.

Il-ħames: irridu nibqgħu għassatal-migrazzjoni.

Minkejja d-diskussjoni u l-kontroversja madwar dan is-suġġett, irnexxielna nagħmlu progress fis-sod – minkejja li fil-verità f'diversi oqsma ma kienx biżżejjed.

Issa qed nipproteġu l-fruntieri esterni tal-Ewropa b'mod aktar effettiv. Aktar minn 1,700 uffiċjal mill-gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta l-ġdida, issa qed jassistu lil 100,000 gwardja tal-fruntieri nazzjonali tal-Istati Membri fil-pattulji tagħhom f'postijiet bħall-Greċja, l-Italja, il-Bulgarija u Spanja. Għandna fruntieri komuni iżda l-Istati Membri li, minħabba l-pożizzjoni ġeografika tagħhom, jintlaqtu l-ewwel, ma jistgħux jitħallew waħedhom biex jipproteġuhom. Il-fruntieri komuni u l-protezzjoni komuni jridu jimxu id f'id.

Irnexxielna nwaqqfu l-flussi irregolari tal-migranti, li kienu qed jikkawżaw inkwiet kbir għal ħafna. Naqqasna l-wasliet irregolari fil-Lvant tal-Mediterran b'97 %, bis-saħħa tal-ftehim tagħna mat-Turkija. U dan is-sajf, irnexxielna nieħdu daqsxejn aktar ir-riedni tar-rotta tal-Mediterran Ċentrali f'idejna bil-wasliet f'Awwissu jonqsu b'81 % meta mqabbla mal-istess xahar tas-sena l-oħra.

B'dan, naqqasna drastikament it-telf ta' ħajjiet fil-Mediterran.

Ma nistax nitkellem dwar il-migrazzjoni mingħajr ma nagħti ġieħ lill-Italja għall-ħidma nobbli u bla heda tagħhom. Matul ix-xhur tas-sajf, il-Kummissjoni ħadmet f'armonija perfetta mal-Prim Ministru tal-Italja, il-ħabib tiegħi Paolo Gentiloni, u mal-gvern tiegħu biex ittejjeb is-sitwazzjoni. Hekk għamilna — u hekk se nibqgħu nagħmlu — l-Italja qed tiġbor ġieħ l-Ewropa fil-Mediterran.

Irridu wkoll intejbu mill-aktar fis il-kundizzjonijiet ta' għajxien tal-migranti fil-Libja. Jiena xxukkjat bil-kundizzjonijiet diżumani fiċ-ċentri ta' detenzjoni u ta' lqugħ. L-Ewropa għandha responsabbiltà – responsabbiltà kollettiva – u l-Kummissjoni se taħdem għalenija man-Nazzjonijiet Uniti sabiex iġġib fi tmiemha din is-sitwazzjoni skandaluża u li ma tistax tibqa' għaddejja.

Anki jekk huwa ta' swied il-qalb għalija li nara li s-solidarjetà għadha mhix kondiviża bl-istess mod mill-Istati Membri kollha tagħna, l-Ewropa fl-intier tagħha baqgħet turi solidarjetà. Biss biss, fis-sena li għaddiet, l-Istati Membri tagħna provdew risistemazzjoni jew taw ażil lil aktar minn 720,000 refuġjat – tliet darbiet aktar mill-Istati Uniti, il-Kanada u l-Awstralja f'daqqa. L-Ewropa, kuntrarjament għal dak li jgħidu xi wħud, mhijiex fortizza u m'għandha qatt issir hekk. L-Ewropa hija u trid tibqa' l-kontinent tas-solidarjetà fejn dawk li qed jaħarbu mill-persekuzzjoni jistgħu jsibu kenn.

Jien kburi b'mod partikolari biż-żgħażagħ Ewropej li qed jagħmlu xogħol volontarju biex jagħtu korsijiet tal-lingwi lir-refuġjati Sirjani jew l-eluf ta' żgħażagħ oħra li qed iservu fil-Korp Ewropew ta' Solidarjetà l-ġdid tagħna. Dawn iż-żgħażagħ qegħdin jagħtu l-ħajja u jlewnu s-solidarjetà Ewropea.

Iżda issa rridu nirduppjaw l-isforzi tagħna. Fi tmiem dan ix-xahar, il-Kummissjoni se tippreżenta ġabra ġdida ta' proposti b'enfasi fuq ir-ritorni, is-solidarjetà mal-Afrika u l-ftuħ ta' rotot legali.

F'dak li għandu x'jaqsam mar-ritorni, nixtieq intenni li l-persuni li m'għandhom l-ebda dritt ta' soġġorn fl-Ewropa jridu jintbagħtu lura lejn il-pajjiżi ta' oriġini tagħhom. Meta huma biss is-36 % tal-migranti irregolari li jintbagħtu lura, huwa evidenti li rridu nintensifikaw il-ħidma tagħna b'mod sinifikanti. Dan huwa l-uniku mod li bih l-Ewropa se tkun tista' turi solidarjetà mar-refuġjati fi bżonn reali ta' protezzjoni.

Is-solidarjetà ma tistax tkun xi ħaġa esklussivament intra-Ewropea. Irridu wkoll nurusolidarjetà mal-Afrika. L-Afrika hija kontinent nobbli, kontinent żagħżugħ, in-nieqa tal-umanità. Il-Fond Fiduċjarju UE-Afrika ta' EUR 2.7 biljun li għandna qed joħloq opportunitajiet ta' xogħol fil-kontinent kollu. Il-biċċa l-kbir tal-flus ħarġu mill-baġit tal-UE, filwaqt li l-Istati Membri tagħna kollha f'daqqa għadhom ikkontribwew biss EUR 150 miljun. Il-Fond bħalissa huwa kważi eżawrit. Nafu – jew suppost li nafu – x'inhuma l-perikli marbuta ma' nuqqas ta' finanzjament – fl-2015 ħafna migranti rħewlha lejn l-Ewropa meta l-Programm Dinji tal-Ikel tan-NU spiċċawlu l-fondi. Nappella lill-Istati Membri kollha biex mill-kliem jgħaddu għall-fatti u jiżguraw li l-Fond Fiduċjarju tal-Afrika ma jiġrilux l-istess. Ir-riskju huwa għoli.

Se naħdmu wkoll biex niftħu rotot legali. Il-migrazzjoni irregolari tintemm biss jekk ikun hemm alternattiva vera u proprja għall-vjaġġi riskjużi. Kważi wasalna biex nirrisistemaw 22,000 refuġjat mit-Turkija, mill-Ġordan u mil-Libanu u jien nappoġġja l-appell tal-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Refuġjati għal risistemazzjoni ta' 40,000 refuġjat ieħor mil-Libja u mill-pajjiżi tal-madwar.

Fl-istess waqt, il-migrazzjoni legali hija bżonn assolut għall-Ewropa bħala kontinent imdaħħal fl-età. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni għamlet proposti sabiex tagħmilha aktar faċli għall-migranti b'ħiliet biex jaslu fl-Ewropa b'Karta Blu. Nixtieq inrodd ħajr lil dan il-Parlament għas-sostenn tiegħu dwar dan.

 

NIFTĦU L-QLUGĦ U NSALPAW

Sur President, Sinjuri,

Onorevoli Membri,

Semmejt biss ftit mill-inizjattivi li nixtiequ u rridu niksbu matul is-16-il xahar li ġejjin. Iżda dan biss mhux se jkun biżżejjed biex nerġgħu nirbħu l-qlub u l-imħuħ tal-Ewropej.

Issa huwa l-waqt li nfasslu d-direzzjoni għall-ġejjieni.

F'Marzu, il-Kummissjoni ppreżentat il-White Paper tagħna dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa, b'ħames xenarji li jagħtu ħarsa lejn l-għamla li jista' jkollha l-Ewropa sal-2025. Dawn ix-xenarji ġew diskussi, xi minn daqqiet b'mod superfiċjali, xi drabi b'mod vjolenti. Ġew mgħarbla u wħud minnhom għamluhom trietaq. Din hija ħaġa tajba – l-idea warajhom kellha proprju dan l-iskop. Ridt inniedi proċess li bih l-Ewropej jiddeterminaw ir-rotta li jridu jsegwu u l-ġejjieni tagħhom stess.

Il-ġejjieni tal-Ewropa ma jistax ikun iddettat. Irid ikun frott dibattitu demokratiku u, fl-aħħar mill-aħħar, frott kunsens wiesa'. Din il-Kamra kkontribwiet b'mod attiv, permezz tat-tliet riżoluzzjonijiet ambizzjużi dwar il-ġejjieni tal-Ewropa u għal dawn nixtieq nirringrazzja b'mod partikolari lir-rapporteurs. U nixtieq nirringrazzja lill-kollegi kollha li ħadu sehem fl-2,000 avveniment pubbliku u fuqhom madwar l-Ewropa li organizzat il-Kummissjoni minn Marzu 'l hawn.

Issa wasal iż-żmien li nisiltu l-konklużjonijiet inizjali minn dan id-dibattitu. Wasal iż-żmien li mir-riflessjoni ngħaddu għall-azzjoni. Mid-dibattitu għad-deċiżjoni.

Illum nixtieq nippreżentalkom fehmti: “is-sitt xenarju” tiegħi stess, jekk irridu nsejħulu hekk.

Dan ix-xenarju jinbet minn deċennji ta' esperjenza prattika diretta. Għomri u żmieni għext, issilitt u stinkajt għall-proġett Ewropew. Rajt u għext żminijiet sbieħ u koroh.

Poġġejt fuq naħat differenti tal-mejda: bħala Ministru, Prim Ministru, President tal-Grupp tal-Euro, u issa bħala President tal-Kummissjoni. Kont preżenti f'Maastricht, f'Amsterdam, f'Nizza u f'Lisbona hekk kif l-Unjoni tagħna evolviet u għaddiet minn tkabbir.

Jien dejjem issilitt għall-Ewropa. F'xi waqtiet batejt minħabba l-Ewropa. U saħansitra kelli mumenti ta' qtigħ il-qalb għall-Ewropa.

Iżda fil-bnazzi u fil-maltemp, qatt ma tlift imħabbti lejn l-Ewropa.

Iżda kif nafu, rari jkun hemm imħabba mingħajr weġgħat.

Imħabba għall-Ewropa għaliex l-Ewropa u l-Unjoni Ewropea kisbu xi ħaġa li m'hawnx bħala f'din id-dinja kollha mrar: il-paċi fl-Ewropa u l-paċi lil hinn minnha. Prosperità għal ħafna jekk mhux għal kulħadd għalissa.

Din hija xi ħaġa li rridu nżommuha f'moħħna matul is-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali. Is-sena 2018 trid tkun festa ta' diversità kulturali.

 

UNJONI TA' VALURI

Il-valuri tagħna huma l-boxxla tagħna.

Għalija, l-Ewropa hija aktar minn sempliċiment suq uniku. Aktar milli sempliċiment flus, aktar minn munita, aktar mill-ewro. Minn dejjem kienet dwar il-valuri.

Għal din ir-raġuni, fis-sitt xenarju tiegħi, hemm tliet elementi fundamentali, tliet prinċipji tal-azzar: il-libertà, l-ugwaljanza u l-istat tad-dritt.

 

L-Ewropa hija l-ewwel u qabel kollox Unjoni ta' libertà. Libertà minn dak it-tip ta' tgħakkis u dittatorjat li l-kontinent tagħna jaf sew xi jfissru – speċjalment, u b'xorti ħażina, il-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant. Libertà li ssemma' l-opinjoni tiegħek, bħala ċittadin u bħala ġurnalist – libertà li ta' sikwit inqisuha bħala xi ħaġa ovvja. L-Unjoni tagħna hija msejsa fuq dawn il-libertajiet. Iżda l-libertà ma taqax mis-sema. Trid tissielet għaliha. Fl-Ewropa u madwar id-dinja.

 

It-tieni, l-Ewropa trid tkun Unjoni ta' ugwaljanza u Unjoni ta' ugwali.

Ugwaljanza bejn il-Membri tagħha, kbar jew żgħar, mil-Lvant jew mill-Punent, mit-Tramuntana jew min-Nofsinhar.

Ejja nkunu ċari, il-wisa' tal-Ewropa testendi minn Vigo sa Varna. Minn Spanja sal-Bulgarija.

Lvant sal-Punent: L-Ewropa trid tieħu n-nifs biż-żewġ pulmuni tagħha. Inkella l-kontinent tagħna se jbati biex jieħu n-nifs.

F'Unjoni ta' ugwali, ma jistax ikun hemm ċittadini tat-tieni klassi. Mhuwiex aċċettabbli li fl-2017 għad hemm tfal li qed imutu b'mard li missu ilu li nqered fl-Ewropa. It-tfal fir-Rumanija jew fl-Italja jrid ikollhom l-istess aċċess għat-tilqima tal-ħosba bħat-tfal f'pajjiżi oħra Ewropej. M'hemmx skużi. Proprju għalhekk qed naħdmu mal-Istati Membri kollha biex nappoġġjaw l-isforzi nazzjonali għat-tilqim. Fl-Ewropa m'għandhomx iseħħu mwiet li jistgħu jkunu evitati.

F'Unjoni ta' ugwali, ma jistax ikun hemm ħaddiema tat-tieni klassi. Il-ħaddiema għandhom jaqilgħu l-istess paga għall-istess xogħol fl-istess post. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni pproponiet regoli ġodda dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema. Għandna niżguraw li r-regoli kollha tal-UE dwar il-mobbiltà tal-ħaddiema jiġu infurzati b'mod ġust, sempliċi u effettiv minn korp Ewropew ġdid ta' spezzjoni u ta' infurzar. Ma jagħmilx sens li jkollna Awtorità Bankarja biex tissorvelja l-istandards bankarji, mentri mbagħad ma jkollniex Awtorità komuni tax-Xogħol li tiżgura l-ġustizzja fis-suq uniku tagħna. Se noħolqu Awtorità bħal din.

F'Unjoni ta' ugwali,lanqasma jista' jkun hemm konsumaturi tat-tieni klassi. Ma nistax naċċetta li f'xi nħawi tal-Ewropa, fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant,il-persuni jinbigħilhom ikel ta' kwalità inferjuri minn dik ta' pajjiżi oħra, minkejja li l-imballaġġ u l-immarkar ikunu l-istess. Is-Slovakki ma jistħoqqilhomx ikollhom inqas ħut fil-fish fingers tagħhom. L-Ungeriżi ma jistħoqqilhomx ikollhom inqas laħam fl-ikliet tagħhom. Iċ-Ċeki ma jistħoqqilhomx inqas kawkaw fiċ-ċikkulata tagħhom. Il-liġi tal-UE diġà trendi prattiki bħal dawn illegali. U issa rridu nagħtu setgħat iktar b'saħħithom lill-awtoritajiet nazzjonali biex iwaqqfu dawn il-prattiki illegali kull fejn ikunu jeżistu.

 

It-tielet, fl-Ewropa, is-saħħa tal-liġi ħadet post il-liġi ta' min hu b'saħħtu.

L-istat tad-dritt ifisser li l-liġi u l-ġustizzja huma milqugħa minn ġudikatura indipendenti.

L-aċċettazzjoni u r-rispett tas-sentenza finali huma xi jfissru li tkun parti minn Unjoni li hija bbażata fuq l-istat tad-dritt. L-Istati Membri tagħna taw ġurisdizzjoni finali lill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja. Is-sentenzi tal-Qorti jridu jiġu rrispettati minn kulħadd. Li nimminawhom, jew li nimminaw l-indipendenza tal-qrati nazzjonali jfisser li nkunu qed inċaħħdu liċ-ċittadini mid-drittijiet fundamentali tagħhom.

L-istat tad-dritt mhuwiex fakultattiv fl-Unjoni Ewropea. Huwa imperattiv.

L-Unjoni tagħna mhijiex Stat iżda trid tkun komunità ta' dritt.

UNJONI AKTAR MAGĦQUDA

Dawn it-tliet prinċipji – il-libertà, l-ugwaljanza u l-istat tad-dritt – iridu jibqgħu l-pedamenti li fuqhom nibnu Unjoni aktar magħquda, aktar qawwija u aktar demokratika.

Meta nitkellmu dwar il-ġejjieni, l-esperjenza tgħidli li t-Trattati u l-istituzzjonijiet il-ġodda mhumiex it-tweġiba li qed ifittxu n-nies. Huma sempliċiment mezz biex jinkiseb għan, xejn iżjed u xejn anqas. Forsi jfissru xi ħaġa għalina li qegħdin hawnhekk fi Strasburgu jew fi Brussell. Għal nies oħrajn, ma tantx ifissru ħafna.

Jiena interessat biss f'riformi istituzzjonali jekk dawn iwasslu għal aktar effiċjenza fl-Unjoni Ewropea tagħna.

Minflok ma noqogħdu ninħbew wara appelli għal bidla fit-Trattat – li fi kwalunkwe każ hija inevitabbli – għandna l-ewwel inbiddlu l-attitudni li, biex xi wħud jirbħu, l-oħrajn iridu jitilfu.

Id-demokrazija hija dwar kompromessi. U fl-aħħar mill-aħħar, il-kompromess it-tajjeb jagħmel lil kulħadd rebbieħ. Unjoni aktar magħquda għandha tħares lejn il-kompromess, mhux bħala xi ħaġa negattiva imma bħala l-arti li permezz tagħha nnaqqsu d-differenzi. Id-demokrazija ma tistax tiffunzjona mingħajr il-kompromess. L-Ewropa ma tistax tiffunzjona mingħajr il-kompromess.

Unjoni aktar magħquda għandha wkoll issir aktar inklużiva.

Jekk irridu nipproteġu l-fruntieri esterni tagħna, u bir-raġun, insaħħuhom aktar, jeħtieġ allura li niftħu ż-żona Schengen tal-moviment liberu għall-Bulgarija u għar-Rumanija minnufih. Għandna wkoll nippermettu lill-Kroazja ssir membru sħiħ taż-żona Schengen ladarba tissodisfa l-kriterji kollha.

Jekk irridu li l-ewro jgħaqqad il-kontinent tagħna u mhux jifirdu, allura dan għandu jkun aktar mill-munita ta' grupp selettiv ta' pajjiżi. L-ewro huwa intenzjonat li jkun il-munita unika tal-Unjoni Ewropea kollha kemm hi. L-Istati Membri kollha, ħlief għal tnejn minnhom, huma obbligati u intitolati li jissieħbu fiż-żona tal-ewro ladarba jissodisfaw il-kundizzjonijiet.

L-Istati Membri li jridu jissieħbu fiż-żona tal-ewro jridu jkunu jistgħu jagħmlu dan. Huwa għalhekk li qed nipproponi li jinħoloq Strument għall-Adeżjoni mal-Ewro li joffri assistenza teknika u anki finanzjarja.

Jekk irridu li l-banek joperaw taħt l-istess regoli u taħt l-istess superviżjoni fil-kontinent tagħna kollu, allura għandna ninkoraġġixxu lill-Istati Membri kollha jissieħbu fl-Unjoni Bankarja. Għandna bżonn innaqqsu r-riskju li għad fadal fis-sistemi bankarji ta' wħud mill-Istati Membri tagħna. L-Unjoni Bankarja tista' tiffunzjona biss jekk it-tnaqqis tar-riskju u l-kondiviżjoni tar-riskji jmorru id f'id. Bħalma jaf kulħadd, dan jista' jinkiseb biss jekk jintlaħqu l-kundizzjonijiet li pproponiet il-Kummissjoni f'Novembru 2015. Skema ta' garanzija tad-depożiti komuni tista' titwettaq biss ladarba kulħadd ikun għamel xogħlu fuq livell nazzjonali.

U jekk irridu nevitaw il-frammentazzjoni soċjali u d-dumping soċjali fl-Ewropa, allura l-Istati Membri għandhom jaqblu fuq il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali mill-aktar fis possibbli u sa mhux aktar tard minn Novembru li ġej fis-Summit ta' Gothenburg. Is-sistemi soċjali nazzjonali xorta se jibqgħu diversi u separati għal żmien twil. Iżda minn tal-anqas, għandna naqblu dwar Unjoni għall-Istandards Soċjali Ewropej fejn ikollna fehim komuni ta' x'inhu soċjalment ġust fis-suq uniku tagħna.

Nibqa' persważ: l-Ewropa ma tistax tiffunzjona jekk twarrab lill-ħaddiema tagħha.

Sinjuri, jekk irridu aktar stabbiltà fil-viċinat tagħna, allura rridu nżommu wkoll perspettiva ta' tkabbir kredibbli għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent.

Jidher biċ-ċar li mhux se jkun hemm tkabbir ulterjuri matul il-mandat ta' din il-Kummissjoni u ta' dan il-Parlament. L-ebda kandidat mhu preparat. Iżda mbagħad l-Unjoni Ewropea se tkun numerikament akbar minn 27. Fin-negozjati, il-kandidati għall-adeżjoni għandhom jagħtu l-ogħla prijorità lill-istat tad-dritt, lill-ġustizzja u lid-drittijiet fundamentali.

Dan jeskludi sħubija fl-UE għat-Turkija fil-futur qarib.

It-Turkija ilha għal xi żmien tagħmel passi ta' granċ lil hinn mill-Unjoni Ewropea.

Post il-ġurnalisti huwa fil-kamra tal-aħbarijiet u mhux il-ħabs. Posthom huwa fejn issaltan il-libertà tal-espressjoni.

L-appell li qed nagħmel lil dawk bit-tmun f'idejhom fit-Turkija huwa dan: Illiberaw lill-ġurnalisti tagħna. U mhux biss lil tagħna. Ieqaf insulta lill-Istati Membri tagħna billi tikkumparahom mal-faxxisti u n-Nażisti. L-Ewropa hija kontinent ta' demokraziji maturi. Iżda l-insulti apposta joħolqu l-ostakli. Xi drabi nħoss li t-Turkija qiegħda toħloq dawn l-ostakli apposta sabiex tkun tista' tixħet it-tort fuq l-Ewropa għal kwalunkwe problema fit-taħditiet ta' adeżjoni.

Aħna, min-naħa tagħna, dejjem se nkunu lesti ngħinu lill-poplu kbir Tork u lil dawk kollha li huma lesti li jaħdmu magħna abbażi tal-valuri tagħna.

 

UNJONI AKTAR QAWWIJA

Sinjuri,

Irrid li l-Unjoni tagħna tkun aktar qawwija u biex dan isir neħtieġu suq uniku aktar b'saħħtu.

Meta jiġi għal kwistjonijiet tas-suq uniku importanti, irrid li d-deċiżjonijiet fil-Kunsill jittieħdu aktar ta' spiss u b'mod aktar faċli b'maġġoranza kwalifikata – bid-delega ugwali tal-Parlament Ewropew. Ma hemmx għalfejn inbiddlu t-Trattati biex nagħmlu dan. Hemm l-hekk imsejħa “klawsoli passerelle” fit-Trattati attwali li jippermettulna ngħaddu mill-unanimità għal votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata għall-votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata f'ċerti każijiet – dment li l-Kunsill Ewropew jiddeċiedi b'mod unanimu li jsir hekk.

Jien ferm favur li ngħaddu għal votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata għal deċiżjonijiet dwar il-bażi komuni konsolidata għat-taxxa korporattiva, dwar taxxi ġusti għall-industrija diġitali u dwar it-taxxa fuq it-transazzjonijiet finanzjarji.

 

L-Ewropa għandha tkun kapaċi tieħu azzjoni aktar malajr u b'mod aktar deċiż, u dan japplika wkoll għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja.

Iż-żona tal-ewro llum hija aktar reżiljenti milli kienet fil-passat. Issa għandna l-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbilizzazzjoni (ESM). Nemmen li l-ESM issa għandu jiggradwa progressivament f'Fond Monetarju Ewropew li, madankollu, irid ikun ankrat b'mod sod mar-regoli u l-kompetenzi tal-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni se tagħmel proposti konkreti għal dan f'Diċembru.

Għandna bżonn Ministru Ewropew għall-Ekonomija u l-Finanzi: Ministru Ewropew li jippromwovi u jappoġġja riformi strutturali fl-Istati Membri tagħna. Hu jista' jibni fuq il-ħidma li l-Kummissjoni ilha tagħmel mill-2015 permezz tas-Servizz ta' Sostenn għar-Riforma Strutturali tagħna. Il-Ministru l-ġdid għandu jikkordina l-istrumenti finanzjarji kollha tal-UE li jistgħu jintużaw jekk Stat Membru jkun f'reċessjoni jew jiġi affettwat minn xi kriżi fundamentali.

M'iniex qed noħloq pożizzjoni sempliċiment biex inkun ħloqtha. Qiegħed nappella għall-effiċjenza. Il-Kummissarju għall-affarijiet ekonomiċi u finanzjarji – li idealment jkun ukoll il-Viċi-President – għandu jassumi r-rwol ta' Ministru għall-Ekonomija u l-Finanzi. Il-Ministru għandu wkoll jippresjedi fil-Grupp tal-Euro.

Il-Ministru Ewropew għall-Ekonomija u l-Finanzi għandu jkun responsabbli lejn il-Parlament Ewropew.

M'għandniex bżonn ta' strutturi paralleli. Ma għandniex bżonn ta' baġit għaż-żona tal-ewro imma għandna bżonn linja tal-baġit għaż-żona tal-ewro fil-limitu tal-baġit tal-UE.

Ma tantx jien akkanit ukoll dwar l-idea li jkollna parlament taż-żona tal-ewro separat.

Il-Parlament taż-żona tal-ewro huwa dan il-Parlament Ewropew.

 

L-Unjoni Ewropea trid tkun ukoll aktar b'saħħitha fil-ġlieda kontra t-terroriżmu. F'dawn l-aħħar tliet snin għamilna progress reali. Iżda xorta m'għandniex il-mezzi biex naġixxu malajr f'każ ta' theddid terroristiku transfruntier.

Huwa għalhekk li qiegħed nappella għal unità ta' Intelligence Ewropea li tiżgura li d-dejta li tikkonċerna lit-terroristi u lill-ġellieda barranin tkun kondiviża b'mod awtomatiku mas-servizzi ta' intelligence u mal-pulizija.

Jien nara raġuni valida wkoll għall-għoti ta' responsabbiltà lill-Prosekutur Pubbliku Ewropew il-ġdid għall-prosekuzzjoni ta' reati terroristiċi transfruntiera.

 

Irrid li l-Unjoni tagħna ssir attur globali aktar b'saħħtu. Sabiex ikollna aktar influwenza fid-dinja, għandna nkunu kapaċi nieħdu deċiżjonijiet ta' politika barranija aktar malajr. Huwa għal din ir-raġun li rrid l-Istati Membri jaraw liema deċiżjonijiet ta' politika barranija jistgħu jinbidlu minn unanimità għal votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata. It-Trattat dan diġà jipprevedih, jekk l-Istati Membri kollha jaqblu li jagħmlu dan.Neħtieġu deċiżjonijiet b'maġġoranza kwalifikata fil-politika barranija jekk irridu naħdmu b'mod effiċjenti.

U rridna niddedikaw aktar sforzi lejn kwistjonijiet ta' difiża. Bħalissa qed jitħejja Fond Ewropew għad-Difiża ġdid. Bħalma qed titħejja wkoll Kooperazzjoni Strutturata Permanenti fil-qasam tad-difiża. Sal-2025 għandna bżonn Unjoni Ewropea tad-Difiża kompluta. Għandna bżonnha. U tridha n-NATO.

 

Fl-aħħar u mhux l-anqas, irrid li l-Unjoni tagħna jkollha fokus aktar b'saħħtu fuq l-affarijiet ta' siwi, billi tibni fuq il-ħidma li diġà saret minn din il-Kummissjoni. Ma rridux nindaħlu fil-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini Ewropej billi nirregolaw kull aspett. Għandna nieħdu azzjoni kbira fuq il-kwistjonijiet il-kbar. Ma rridux nivvintaw xi sensiela ta' inizjattivi ġodda jew nippruvaw niksbu dejjem aktar kompetenzi. Irridu nagħtu lura l-kompetenzi lill-Istati Membri fejn jagħmel sens li nagħmlu dan.

Huwa għal din ir-raġuni li l-Kummissjoni ppruvat tieħu azzjoni kbira fuq il-kwistjonijiet il-kbar u azzjoni żgħira fuq il-kwistjonijiet iż-żgħar, u dan għamlitu billi ressqet anqas minn 25 inizjattiva ġdida kull sena fejn Kummissjonijiet preċedenti kienu pproponew ħafna aktar minn 100.

Sabiex intemmu x-xogħol li bdejna, qed nistabbilixxi Task Force dwar is-Sussidjarjetà u l-Proporzjonalità dan ix-xahar stess, li tagħti ħarsa kritika ħafna lejn l-oqsma kollha ta' politika sabiex jiġi żgurat li aħna nkunu qegħdin naġixxu biss fejn l-UE tagħti valur miżjud. L-Ewwel Viċi President, il-ħabib tiegħi, Frans Timmermans, li għandu reputazzjoni bi prova dwar ir-regolamentazzjoni aħjar, se jmexxi din it-Task Force. It-Task Force Timmermans għandha tinkludi Membri ta' dan il-Parlament kif ukoll Membri tal-Parlament nazzjonali. Għandha tagħti rendikont tal-ħidma tagħha fi żmien sena oħra.

 

UNJONI AKTAR DEMOKRATIKA

Onorevoli Membri,

Sur President,

L-Unjoni tagħna teħtieġ li tieħu pass demokratiku 'l quddiem.

Nixtieq nara l-partijiet politiċi Ewropej jibdew il-kampanji tagħhom għall-elezzjonijiet Ewropej li jmiss ħafna aktar kmieni milli kienu jagħmlu qabel. Ta' spiss, l-elezzjonijiet fl-Ewropa ġew ridotti f'xejn anqas mir-riżultat ta' kampanji nazzjonali. Id-demokrazija Ewropea ħaqqha aħjar.

Illum, il-Kummissjoni qed tipproponi regoli ġodda dwar il-finanzjament tal-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi. M'għandniex nimlew il-bwiet tal-estremisti anti-Ewropej. Għandna nipprovdu l-mezzi lill-partiti Ewropej biex jorganizzaw lilhom infushom aħjar.

Togħġobni l-idea wkoll li jkollna listi transnazzjonali fl-elezzjonijiet Ewropej – avolja jien konxju li din hija idea li ħafna minnkom ma jaqblux magħha. Se nipprova nikkonvinċi lill-President tal-Grupp parlamentari tiegħi biex isegwi l-passi tiegħi f'din l-ambizzjoni li se ġġib magħha demokrazija u ċarezza għall-Ewropa.

Nemmen ukoll li tul ix-xhur li ġejjin, għandna ninvolvu aktar lil Parlamenti nazzjonali u lis-soċjetà ċivili fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali fil-ħidma dwar il-futur tal-Ewropa. Tul dawn l-aħħar tliet snin, kif wegħidna, il-Membri tal-Kummissjoni żaru l-Parlamenti nazzjonali 'l fuq minn 650 darba. Għamlu dibattiti f'aktar minn 300 Djalogu interattiv taċ-Ċittadini f'aktar minn 80 belt u raħal fis-27 Stat Membru. Huwa għalhekk li nappoġġja l-idea tal-President Macron li norganizzaw konvenzjonijiet demokratiċi fl-Ewropa kollha fl-2018.

Hekk kif id-dibattitu jaqbad ir-ritmu, fl-2018, se nagħti attenzjoni partikolari personalment lill-Estonja, lil-Latvja, lil-Litwanja u lir-Rumanija. Din hija s-sena meta huma se jiċċelebraw il-mitt anniversarju tagħhom. Dawk li jridu jsawru l-futur tal-kontinent tagħna għandhom jifhmu u jonoraw sew l-istorja komuni tagħna. Din tinkludi lil dawn l-erba' pajjiżi – mingħajrhom, l-Unjoni Ewropea ma tkunx sħiħa.

Il-bżonn li tissaħħaħ id-demokrazija u t-trasparenza għandu implikazzjonijiet ukoll għall-Kummissjoni Ewropea. Illum qed nibgħat Kodiċi ta' Kondotta ġdid għall-Kummissarji lill-Parlament Ewropew. Il-Kodiċi l-ġdid l-ewwel nett jagħmilha ċara li l-Kummissarji jistgħu jkunu kandidati fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew taħt l-istess kundizzjonijiet bħal kwalunkwe persuna oħra. Il-Kodiċi l-ġdid, bla dubju, se jsaħħaħ ir-rekwiżiti tal-integrità għall-Kummissarji kemm waqt il-mandat tagħhom kif ukoll wara.

Jekk tridu ssaħħu d-demokrazija Ewropea, mela allura ma tistgħux treġġgħu lura l-progress demokratiku ċkejken miksub bil-ħolqien ta' kandidati ewlenin – l-“iSpitzenkandidaten”. Nixtieq li din l-esperjenza terġa' tirrepeti ruħha.

Aktar demokrazija tfisser aktar effiċjenza. Kieku kellna ngħaqqdu lill-Presidenti tal-Kunsill Ewropew u tal-Kummissjoni Ewropea, l-Ewropa tiġi taħdem aħjar.

B'dan ma rrid infisser xejn kontra s-sieħeb kbir tiegħi Donald, li miegħu ħdimt mill-qrib ħafna u bla intoppi sa mill-bidu tal-mandat tiegħi. Dan ma huwa xejn kontra Donald jew kontrija.

L-Ewropa tkun aktar faċli li wieħed jifhimha kieku t-tmun ikun f'idejn kaptan wieħed.

Li jkollna President wieħed, sempliċiment, jirrifletti aħjar in-natura vera tal-Unjoni Ewropea tagħna, kemm bħala Unjoni ta' Stati kif ukoll bħala Unjoni ta' ċittadini.

 

IL-PJAN DIREZZJONALI TAGĦNA

Għeżież kollegi,

Il-viżjoni ta' Ewropa aktar magħquda, aktar qawwija u aktar demokratika li jiena qiegħed niddeskrivi llum tikkombina elementi mix-xenarji kollha li jien ippreżentajtilkom f'Marzu.

Iżda l-futur tagħna ma jistax jibqa' sempliċiment xenarju, abbozz, idea fost ideat oħrajn.

Hemm bżonn li nħejju l-Unjoni ta' għada sa mil-lum.

Dalgħodu bgħatt Pjan Direzzjonali lill-President Tajani, lill-President Tusk kif ukoll lil dawk li se jkollhom il-Presidenza b'rotazzjoni bejn issa u Marzu 2019, u ddeskrivejt fejn għandna mmorru minn hawn 'il quddiem.

Element importanti se jkun il-pjanijiet baġitarji li l-Kummissjoni se tippreżenta f'Mejju 2018. Għal darb'oħra hawnhekk għandna għażla: jew naraw li niksbu l-ambizzjonijiet tal-Unjoni Ewropea fil-qafas strett tal-baġit eżistenti, jew inkella nżidu l-kapaċità baġitarja tal-Unjoni Ewropea sabiex forsi tilħaq aħjar l-ambizzjonijiet tagħha. Jiena favur it-tieni alternattiva.

Fid-29 ta' Marzu 2019, ir-Renju Unit se jitlaq mill-Unjoni Ewropea. Dan se jkun mument kemm ta' dieqa kif ukoll traġiku. Dejjem se jiddispjaċina minn dan. Iżda rridu nirrispettaw ir-rieda tal-poplu Brittaniku. Se nimxu 'l quddiem, irridu nimxu 'l quddiem għaliex il-Brexit mhux kollox. Għaliex il-Brexit mhuwiex il-ġejjieni tal-Ewropa.

Fit-30 ta' Marzu 2019, se nkunu Unjoni ta' 27. Jien nissuġġerixxi li nħejju ruħna sew għal dan il-mument, kemm fi ħdan is-27 Stat Membru, kif ukoll fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-UE.

L-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew se jsiru ftit ġimgħat wara biss, f'Mejju 2019. L-Ewropej għandhom appuntament mad-demokrazija. Iridu jmorru jivvutaw b'għarfien ċar ta' kif l-Unjoni Ewropea se tiżviluppa fis-snin li ġejjin.

Huwa għal din ir-raġuni li nistieden lill-President Tusk u lir-Rumanija, il-pajjiż li se jkollu l-Presidenza fl-ewwel nofs tal-2019, biex jorganizzaw Summit Speċjali fir-Rumanija fit-30 ta' Marzu 2019. Ix-xewqa tiegħi hija li dan is-summit isir fil-belt sabiħa ta' Sibiu, magħrufa wkoll bħala Hermannstadt. Dan għandu jkun il-mument meta ninġabru flimkien biex nieħdu d-deċiżjonijiet meħtieġa sabiex ikollna Ewropa aktar magħquda, aktar qawwija u aktar demokratika.

It-tama tiegħi hi li fit-30 ta' Marzu 2019, l-Ewropej isibu ruħhom f'Unjoni fejn aħna nappoġġjaw il-valuri kollha tagħna. Fejn l-Istati Membri kollha jirrispettaw l-istat tad-dritt bla eċċezzjoni. Fejn li tkun membru sħiħ taż-żona tal-ewro, tal-Unjoni Bankarja u taż-żona Schengen ikun sar in-norma għal kulħadd.

Fejn sostnejna l-pedamenti tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja tagħna sabiex inkunu nistgħu niddefendu l-munita unika tagħna fiż-żminijiet tajbin kif ukoll f'dawk mhux daqstant tajbin mingħajr ma jkollna nitolbu għal għajnuna esterna. Fejn is-suq uniku tagħna jkun aktar ġust lejn ħaddiema mil-Lvant u mill-Punent.

Irrid li l-Ewropej jistenbħu f'Ewropa fejn ikun irnexxielna naqblu fuq pilastru b'saħħtu ta' standards soċjali. Fejn il-profitti jiġu ntaxxati fil-pajjiż fejn saru. Fejn it-terroristi ma jkollhomx lakuni li jistgħu jisfruttaw. Fejn qbilna fuq Unjoni Ewropea tad-Difiża xierqa. Fejn eventwalment President wieħed imexxi l-ħidma tal-Kummissjoni u tal-Kunsill Ewropew wara li jkun ġie elett wara kampanja demokratika ta' elezzjoni madwar l-Ewropa kollha.

Sur President, jekk iċ-ċittadini tagħna jsibu ruħhom f'din l-Unjoni fit-30 ta' Marzu 2019, allura l-Unjoni Ewropea se tkun Unjoni f'pożizzjoni li tissodisfa l-istennijiet leġittimi tagħhom.

 

KONKLUŻJONI

Onorevoli Membri,

L-Ewropa ma ssawritx biex toqgħod idejha fuq żaqqha. Qatt ma għandha tagħmel hekk.

Helmut Kohl u Jacques Delors, li kelli l-unur li nkun nafhom, għallmuni li l-Ewropa timxi 'l quddiem biss meta din tkun kuraġġuża. Is-suq uniku, Schengen u l-munita unika: dawn kollha kienu ideat li tqiesu bħala ħolm qabel ma seħħew. U madankollu, dawn it-tliet proġetti ambizzjużi issa huma parti mir-realtà ta' kuljum tagħna.

Issa li l-Ewropa qed tirpilja, in-nies jgħiduli biex ma nċaqlaqx l-ilmijiet.

Imma issa m'huwiex il-waqt li nkunu kawti.

Bdejna nsewwu s-saqaf Ewropew. Iżda llum u għada rridu bis-sabar kollu, sular wara sular, waqt wara l-ieħor, ispirazzjoni wara l-oħra, nibqgħu nżidu sulari ġodda fid-Dar Ewropea.

Issa u filwaqt li x-xemx għadha qed tisreġ, irridu nlestu d-Dar Ewropea.

Għax meta jfeġġ is-sħab li jmiss fuq l-orizzont – u xi darba dan se jfeġġ żgur – ikun tard wisq.

Mela ejja nsalpaw.

Inbaħħru lil hinn mill-port.

U nisfruttaw ir-riħ fil-qala'.

 

 

*Verżjoni aġġornata wara li ngħata

SPEECH/17/3165


Side Bar