Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Diskors

L-Istat tal-Unjoni 2016: Lejn Ewropa aħjar – Ewropa li tipproteġi, tagħti s-setgħa u tiddefendi

Strasburgu, I-14ta' settembru 2016

.

[AUTHORISED VERSION]

 

Sur President,

Onorevoli Membri tal-Parlament Ewropew,

Sena ilu kont hawnhekk u għidtilkom li l-Istat tal-Unjoni tagħna ma kienx tajjeb. Għidtilkom li m'hawnx biżżejjed Ewropa f'din l-Unjoni. U li m'hawnx biżżejjed Unjoni f'din l-Unjoni.

Illum ma ninsabx hawn biex ngħidilkom li issa kollox huwa sewwa.

Dan m'hux il-kaź.

Ejjew inkunu onesti ħafna fid-dijanjożi tagħna.

L-Unjoni Ewropea tagħna, għallinqas parzjalment, tinsab fi kriżi eżistenzjali.

Matul is-sajf, smajt b'attenzjoni lil Membri ta' dan il-Parlament, lil rappreżentanti tal-gvernijiet, lil ħafna Parlamentari nazzjonali u lil Ewropej komuni li qasmu ħsibijiethom miegħi.

Jiena kont xhud ta' diversi deċennji ta' integrazzjoni tal-UE. Kien hemm ħafna mumenti importanti. Iżda kien hemm ukoll ħafna mumenti diffiċli, u mumenti ta' kriżi.

Iżda qatt qabel ma rajt daqshekk nuqqas ta' bażi komuni bejn l-Istati Membri tagħna. Daqshekk ftit oqsma li dwarhom jaqblu li jaħdmu flimkien.

Qatt qabel ma smajt daqshekk mexxejja jitkellmu biss dwar il-problemi domestiċi tagħhom, u jekk tissemma' l-Ewropa, ikun biss b'mod marġinali.

Qatt qabel ma rajt rappreżentanti tal-istituzzjonijiet tal-UE jistabbilixxu prijoritajiet tant differenti, kultant totalment opposti għall-gvernijiet nazzjonali u l-Parlamenti nazzjonali. Donnu kważi m'għadx hemm punt ta' intersezzjoni bejn l-UE u l-kapitali nazzjonali tagħha.

Qatt qabel ma rajt gvernijiet nazzjonali daqshekk imdgħajfa mill-forzi ta' populiżmu u pparalizzati mir-riskju ta' telfa fl-elezzjonijiet li jmiss.

Qatt qabel ma rajt daqstant frammentazzjoni u daqshekk nuqqas ta' rieda komuni fl-Unjoni tagħna.

Illum għandna għażla importanti ħafna x'nagħmlu.

Għandna nċedu għal sens naturali ta' frustrazzjoni? Għandna nippermettu li naqgħu f'dipressjoni kollettiva? Għandna nħallu lill-Unjoni tagħna tisfaxxa quddiem għajnejna?

Jew inkella se ngħidu: M'hux issa iż-żmien li nqumu fuq tagħna? M'hux issa iż-żmien li nxammru l-kmiem u nirduppjaw jew nittriplikaw l-isforzi tagħna? M'hux issa iż-żmien li, aktar minn qatt qabel, l-Ewropa teħtieġ tmexxija aktar determinata, minflok politiċi li jabbandunaw il-bastiment?

Ir-riflessjonijiet tagħna dwar l-Istat tal-Unjoni għandhom isiru b'sens ta' realiżmu u b'onestà kbira.

L-ewwel nett, għandna nammettu li fl-Ewropa għandna ħafna problemi mhux solvuti. M'għandu jkollna l-ebda dubju dwar dan.

Minn qgħad għoli u inugwaljanza soċjali, għal ammont kbir ta' dejn pubbliku, għall-isfida enormi tal-integrazzjoni tar-refuġjati, sat-theddid rejali għas-sigurtà tagħna, kemm f'pajjiźna kif ukoll 'il barra minnu - kull Stat Membru tal-Ewropa ntlaqat mill-kriżijiet ta' żminijietna li għadhom għaddejjin.

Qed inħabbtu wiċċna wkoll mal-prospett spjaċevoli li membru minna jħalli l-Unjoni.

It-tieni nett, għandna nkunu konxji li d-dinja qed tosservana.

Għadni kif ġejt lura mill-laqgħa tal-G20 fiċ-Ċina. L-Ewropa tokkupa 7 siġġijiet madwar il-mejda ta' din il-laqgħa globali tant importanti. Minkejja l-preżenza b'saħħitha tagħna, kien hemm aktar mistoqsijiet milli kellna tweġibiet komuni għalihom.

L-Ewropa se tkun kapaċi tikkonkludi ftehim kummerċjali u ssawwar standards ekonomiċi, soċjali u ambjentali għad-dinja?

L-ekonomija tal-Ewropa se jirnexxiela tirkupra jew se teħel fi tkabbir baxx u inflazzjoni baxxa għall-għaxar snin li jmiss?

L-Ewropa se tkun għadha mexxej dinji fejn tidħol il-ġlieda għad-drittijiet tal-bniedem u l-valuri fundamentali?

L-Ewropa se titkellem b'leħen wieħed, meta l-integrità territorjali tiġi mhedda, bi ksur tal-liġi internazzjonali?

Jew inkella ser tisparixxi mix-xena internazzjonali u tħalli t-tiswir tad-dinja f'idejn ħaddieħor?

Jiena naf li intom f'din il-Kamra tinsabu ħerqana biex tagħtu tweġibiet ċari għal dawn il-mistoqsijiet. iżda jeħtieġ li kliemna jiġu segwiti b'azzjoni konġunta. Inkella dak biss li jkunu: kliem. U bil-kliem biss ma tistax tifformula l-affarijiet internazzjonali.

It-tielet nett, għandna nagħrfu li mhux se jirnexxielna nsolvu l-problemi kollha tagħna billi nagħmlu diskors ieħor. Jew summit ieħor.

Dawn mhumiex l-Istati Uniti tal-Amerika, fejn il-President jagħmel id-diskors tal-Istat tal-Unjoni liż-żewġt Ikmamar tal-Kungress, u fejn miljuni ta' ċittadini jsegwu kull kelma li jgħid, b'xandira diretta fuq it-televiżjoni.

Imqabbel miegħu, il-mument tal-Istat tal-Unjoni hawnhekk fl-Ewropa juri biċ-ċar in-natura inkompleta tal-Unjoni tagħna. Illum qed nitkellem quddiem il-Parlament Ewropew. U nhar il-Ġimgħa, b'mod separat, se niltaqa' mal-mexxejja nazzjonali fi Bratislava.

Għalhekk id-diskors tiegħi ma jistax jikkompeti biss għaċ-ċapċip tagħkom, u ma jagħtix kas dak li se jgħidu l-mexxejja nazzjonali nhar il-Ġimgħa. Lanqas nista' jiena mmur Bratislava b'messaġġ differenti minn dak li għandi għalikom. Irrid inqis iż-żewġ livelli ta' demokrazija tal-Unjoni tagħna, li għandhom l-istess importanza.

Aħna m'aħniex l-Istati Uniti tal-Ewropa. L-Unjoni Ewropea tagħna hija ħafna aktar kumplessa. Ikun żball jekk ma nagħtux kas din il-kumplessità, u dan jista' jwassalna għal soluzzjonijiet ħżiena.

L-Ewropa taħdem biss jekk id-diskorsi li jappoġġjaw il-proġett komuni tagħna jitwasslu mhux biss f'din l-onorevoli Kamra, iżda wkoll fil-Parlamenti tal-Istati Membri kollha tagħna.

L-Ewropa tista' taħdem biss jekk naħdmu għall-għaqda u għall-interessi komuni, u ninsew ir-rivalità bejn il-kompetenzi u l-istituzzjonijiet. Huwa biss b'dan il-mod li l-Ewropa tkun tfisser aktar mit-totalità tal-partijiet tagħha. Huwa wkoll biss b'dan il-mod li l-Ewropa tkun aktar b'saħħitha u aħjar milli hija llum. B'hekk il-mexxejja tal-istituzzjonijiet tal-UE u tal-gvernijiet nazzjonali jkunu kapaċi jiksbu lura l-fiduċja taċ-ċittadini tal-Ewropa fil-proġett komuni tagħna.

L-Ewropej xebgħu mit-tilwim, mill-ġlied u mill-illitikar li ma jispiċċaw qatt.

L-Ewropej iridu soluzzjonijiet konkreti għall-problema pertinenti ħafna li l-Unjoni tagħna qed tħabbat wiċċha magħha. Huma jridu wkoll aktar minn wegħdiet, riżoluzzjonijiet u konklużjonijiet tas-summits. Xebgħu jisimgħu u jaraw minn dawn.

L-Ewropej iridu deċiżjonijiet komuni segwiti minn implimentazzjoni rapida u effiċjenti.

Iva, jeħtieġ li jkollna viżjoni fit-tul. Il-Kummissjoni se tistipula viżjoni bħal din għall-futur f'White Paper f'Marzu 2017, fl-okkażjoni tas-60 anniversarju tat-Trattati ta' Ruma. Aħna se nindirizzaw il-mod kif insaħħu u nirriformaw l-Unjoni Ekonomika u Monetarja tagħna. Se nqisu wkoll l-isfidi politiċi u demokratiċi li l-Unjoni tagħna ta' 27 membru se tkun qed tħabbat wiċċha magħhom fil-futur.U ovvjament il-Parlament Ewropew se jkun involut mill-qrib f'dan il-proċess, kif se jkunu wkoll il-Parlamenti nazzjonali.

Iżda viżjoni biss mhijiex biżżejjed. Dak li jeħtieġu ħafna aktar iċ-ċittadini tagħna huwa li xi ħadd imexxi. Jeħtieġu li xi ħadd iwieġeb għall-isfidi ta' żmienna.

L-Ewropa hija ħabel b'ħafna linji - taħdem biss meta nkunu qed niġbdu kollha fl-istess direzzjoni: L-istituzzjonijiet tal-UE, il-gvernijiet nazzjonali kif ukoll il-Parlamenti nazzjonali. Irridu nerġgħu nuru li dan huwa possibbli, f'għadd ta' oqsma magħżula fejn is-soluzzjonijiet komuni huma l-aktar urġenti.

Għalhekk qiegħed nipproponi aġenda pożittiva ta' azzjonijiet konkreti Ewropej għat-tnax-il xahar li jmiss.

Dan għaliex jiena nemmen li t-tnax-il xahar li ġejjin huma deċiżivi jekk irridu ngħaqqdu mill-ġdid l-Unjoni tagħna. Jekk irridu negħlbu l-firdiet traġiċi bejn il-Lvant u l-Punent li żviluppaw fl-aħħar xhur. Jekk irridu nuru li nistgħu nkunu rapidi u deċiżivi fuq l-affarijiet li tassew huma importanti. Jekk irridu nuru lid-dinja li l-Ewropa għadha forza li kapaċi tieħu azzjoni konġunta.

Jeħtieġ li nibdew naħdmu.

Dalgħodu jiena bgħatt ittra b'dan il-messaġġ lill-President Schulz u lill-Prim Ministru Fico.

It-tnax-il xahar li ġejjin huma ż-żmien kruċjali li fih irridu nsawru Ewropa aħjar:

Ewropa li tipproteġi;

Ewropa li żżomm il-mod ta' ħajja Ewropew;

Ewropa li tagħti setgħa liċ-ċittadini tagħna;

Ewropa li tiddefendi, kemm fl-UE kif ukoll 'il barra minnha; u

Ewropa li tieħu responsabilità.

 

EWROPA LI ŻŻOMM il-mod TA' ĦAJJA TAGĦNA

Ninsab konvint li l-mod ta' ħajja Ewropew huwa ta' min iħarsu.

Għandi l-impressjoni li ħafna donnhom insew xi tfisser tassew li tkun Ewropew.

Xi jfisser li tkun parti minn din l-Unjoni ta' Ewropej – x'hemm komuni bejn il-bidwi fil-Litwanja, l-omm waħedha f'Zagreb, l-infirmier fil-Belt Valletta jew l-istudent f'Maastricht.

Biex niftakru għaliex in-nazzjonijiet tal-Ewropa għażlu li jaħdmu flimkien.

Biex niftakru għaliex il-folol iċċelebraw is-solidarjetà fit-toroq ta' Varsavja fl-1 ta' Mejju 2004.

Biex niftakru għaliex il-bandiera Ewropea perpret, kburija, fi Puerta del Sol fl-1 ta' Jannar 1986.

Biex niftakru li l-Ewropa hija forza li tmexxi, li tista' tgħin fl-unifikazzjoni ta' Ċipru - xi ħaġa li jien qiegħed nappoġġja liż-żewġ mexxejja ta' Ċipru fiha.

Fuq kollox, l-Ewropa tfisser paċi. Mhijiex kumbinazzjoni li l-itwal perjodu ta' paċi fl-istorja dokumentata fl-Ewropa beda bil-ħolqien tal-Komunitajiet Ewropej.

70 sena ta' paċi dejjiema fl-Ewropa. F'dinja b'40 kunflitt armat għaddej, li jaħsdu l-ħajja ta' 170,000 ruħ kull sena.

Xorta waħda għandna d-differenzi tagħna, m'hemmx dubju. Iva, ġieli tinħoloq il-kontroversja. Xi drabi niġġieldu. Iżda niġġieldu bil-kliem. Insolvu l-kunflitti tagħna madwar mejda u mhux fit-trunċieri.

Parti integrali mill-mod ta' ħajja Ewropew huma l-valuri tagħna.

Il-valuri tal-libertà, id-demokrazija, l-istat tad-dritt. Valuri miġġielda fil-kampijiet tal-battalja militari u politiċi tul is-sekli.

Aħna l-Ewropej ma nistgħu qatt naċċettaw li ħaddiema Pollakki jiġu fastidjati, imsawta jew anki maqtula fit-toroq ta' Harlow. Il-moviment liberu tal-ħaddiema huwa valur komuni Ewropew fl-istess livell bħall-ġlieda tagħna kontra d-diskriminazzjoni u r-razziżmu.

Aħna l-Ewropej nieħdu pożizzjoni soda kontra l-piena tal-mewt. Għax nemmnu fil-valur tal-ħajja umana u nirrispettawh.

Aħna l-Ewropej nemmnu wkoll f'sistemi ġudizzjarji indipendenti u effettivi. Il-qrati indipendenti jżommu l-gvernijiet, il-kumpaniji u n-nies taħt kontroll. Sistemi ġudizzjarji effettivi jappoġġaw it-tkabbir ekonomiku u jiddefendu d-drittijiet fundamentali. Din hija r-raġuni għaliex l-Ewropa tippromwovi u tiddefendi l-istat tad-dritt.

Li nkunu Ewropej tfisser ukoll li nkunu miftuħa u ninnegozjaw mal-ġirien tagħna, minflok ma niġġieldu magħhom. Tfisser li nkunu l-akbar blokk ta' negozjar fid-dinja, bi ftehimiet kummerċjali fis-seħħ jew li qed jiġu negozjati ma' aktar minn 140 sieħeb madwar id-dinja.

U dan il-kummerċ ifisser impjiegi – għal kull €1 biljun li ndaħħlu mill-esportazzjonijiet, jinħolqu 14,000 impjieg addizzjonali fl-UE kollha. U aktar minn 30 miljun impjieg, jiġifieri wieħed minn kull sebgħa impjiegi fl-UE, illum jiddependu fuq esportazzjonijiet lejn il-bqija tad-dinja.

Din hija r-raġuni għaliex l-Ewropa qed taħdem biex tiftaħ is-swieq mal-Kanada – wieħed mis-sħab l-aktar qrib tagħna u wieħed li jaqsam l-interessi tagħna, il-valuri tagħna, ir-rispett tagħna għall-istat tad-dritt u l-fehim tagħna tad-diversità kulturali. Il-ftehim kummerċjali UE-Kanada huwa l-aħjar ftehim u l-aktar ftehim progressiv li qatt ġie nnegozjat mill-UE. U jien se naħdem magħkom u mal-Istati Membri kollha biex nara li dan il-ftehim jiġi ratifikat mill-aktar fis possibbli.

Li tkun Ewropew ifisser id-dritt li jkollok id-dejta personali tiegħek protetta minn liġijiet Ewropej b'saħħithom. Għaliex l-Ewropej ma jieħdux gost bi drones fuqhom li jirreġistraw kull ċaqliqa tagħhom, jew b'kumpaniji li jaħżnu kull klikk tal-maws tagħhom. Din hi r-raġuni għaliex f'Mejju ta' din is-sena, il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni ftiehmu dwar Regolament Ewropew dwar il-Protezzjoni tad-Dejta. Din hija liġi Ewropea b'saħħitha li tapplika għal kumpaniji kull fejn ikunu bbażati u kull meta jipproċessaw id-dejta tiegħek. Għax fl-Ewropa, il-privatezza hija importanti. Din hija kwistjoni ta' dinjità umana.

Li tkun Ewropew ifisser wkoll kundizzjonijiet ugwali.

Dan ifisser li l-ħaddiema għandhom ikollhom l-istess paga għall-istess xogħol fl-istess post. Din hija kwistjoni ta' ġustizzja soċjali. U hija r-raġuni għaliex il-Kummissjoni tappoġġa l-proposta tagħna tad-Direttiva dwar l-Istazzjonar ta' Ħaddiema. Is-suq intern mhuwiex post fejn il-ħaddiema tal-Ewropa tal-Lvant jistgħu jiġu sfruttati jew soġġetti għal standards soċjali aktar baxxi. L-Ewropa mhijiex il-Wild West, iżda ekonomija soċjali tas-suq.

Li jkun hemm kundizzjonijiet ugwali jfisser li fl-Ewropa, il-konsumaturi huma protetti kontra l-kartelli u l-abbużi minn kumpaniji b'saħħithom. U li kull kumpanija, indipendentement mid-daqs tagħha, għandha tħallas it-taxxi tagħha fil-post fejn tagħmel il-profitti tagħha. Dan japplika wkoll għal ġganti bħal Apple, anki jekk il-valur tas-suq tagħhom huwa ogħla mill-PDG ta' 165 pajjiż fid-dinja. Fl-Ewropa, ma naċċettawx li kumpaniji b'saħħithom jiksbu arranġamenti illegali minn taħt dwar it-taxxi tagħhom.

Il-livell ta' tassazzjoni f'pajjiż bħall-Irlanda mhuwiex biċċa tagħna. L-Irlanda għandha d-dritt sovran li tistabbilixxi l-livell ta' taxxa li trid hi. Iżda mhuwiex ġust li kumpanija tista' tevadi t-taxxi li setgħu marru għand familji u negozji, sptarijiet u skejjel Irlandiżi. Il-Kummissjoni tissorvelja din il-korrettezza. Dan huwa l-aspett soċjali tal-liġi tal-kompetizzjoni. U dan huwa dak li tirrappreżenta l-Ewropa.

Li tkun Ewropew ifisser ukoll kultura li tipproteġi lill-ħaddiema u lill-industriji tagħna f'dinja dejjem aktar globalizzata. Bħal fil-każ tal-eluf li jirriskjaw li jitilfu l-impjiegi tagħhom f'Gosselies fil-Belġju – huwa grazzi għal-leġiżlazzjoni tal-UE li l-kumpanija issa se jkollha tinvolvi ruħha fi djalogu soċjali veru. U l-ħaddiema u l-awtoritajiet lokali jistgħu joqogħdu fuq is-solidarjetà Ewropea u fuq l-għajnuna ta' fondi tal-UE.

Li tkun Ewropew tfisser ukoll li tiddefendi l-industrija tal-azzar tagħna. Diġà għandna fis-seħħ 37 miżura kontra id-dumping u is-sussidji biex nipproteġu l-industrija tal-azzar minn kompetizzjoni inġusta. Iżda jeħtieġ li nagħmlu aktar, peress li l-produzzjoni eċċessiva f'xi partijiet tad-dinja qed tqiegħed lill-produtturi Ewropej f'riskju li jfallu. Din hija r-raġuni għaliex din is-sena mort darbtejn iċ-Ċina biex nindirizza l-kwistjoni tal-kapaċità żejda. Dan hu wkoll għaliex il-Kummissjoni pproponiet li tibdel ir-regola tad-dazju inferjuri. L-Istati Uniti imponew tariffa tal-importazzjoni ta' 265 % fuq l-azzar Ċiniż, iżda hawn fl-Ewropa xi gvernijiet ilhom jinsistu snin sħaħ biex innaqqsu t-tariffi fuq l-azzar Ċiniż. Nistieden lill-Istati Membri kollha u lil dan il-Parlament jappoġġaw lill-Kummissjoni fit-tisħiħ tal-istrumenti tagħna għad-difiża tan-negozju. Jenħtieġ li ma nappoġġawx il-kummerċ ħieles b'mod inġenwu, iżda li nkunu nistgħu nwieġbu għad-dumping bl-istess forza bħall-Istati Uniti.

Parti rilevanti mill-mod ta' ħajja Ewropew tagħna li rrid inżomm hija s-settur agrikolu tagħna. Il-Kummissjoni dejjem se tappoġġa l-bdiewa tagħna, partikolarment meta jgħaddu minn mumenti diffiċli bħal ma huwa l-każ illum. Is-sena li għaddiet, is-settur tal-ħalib intlaqat minn projbizzjoni Russa. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni mmobilizzat €1 biljun b'appoġġ għall-bdiewa tal-ħalib biex tgħinhom jirkupraw. Peress li jien m'iniex se naċċetta li l-ħalib ikun irħas mill-ilma.

Li tkun Ewropew, għall-maġġorparti minna, tfisser ukoll l-ewro. Matul il-kriżi finanzjarja globali, l-ewro baqa' b'saħħtu u pproteġiena minn instabbilità agħar. L-ewro hija munita dinjija ewlenija, u hija tagħti benefiċċji ekonomiċi enormi u spiss inviżibbli. Il-pajjiżi fiż-żona tal-ewro ffrankaw €50 biljun din is-sena f'pagamenti ta' interessi, grazzi għall-politika monetarja tal-Bank Ċentrali Ewropew. €50 biljun addizzjonali li l-ministri tal-finanzi tagħna jistgħu u għandhom jinvestu fl-ekonomija.

Mario Draghi qed jippreserva l-istabbiltà tal-munita tagħna. U qed jagħti kontribut aktar b'saħħtu għall-impjiegi u għat-tkabbir minn dak ta' diversi Stati Membri tagħna.

Iva, aħna l-Ewropej batejna minn kriżi finanzjarja u tad-dejn storika. Iżda l-verità hi li filwaqt li d-defiċits pubbliċi kienu ta' 6.3 % bħala medja fiż-żona tal-euro fl-2009, illum qegħdin taħt it-2 %.

Matul dan l-aħħar tliet snin, kwaźi 8 miljun persuna oħra sabu impjieg. Miljun minn dawn huma fi Spanja biss, pajjiż li qed ikompli jirkurpa mill-kriżi b'mod impressjonanti.

Nixtieq li dan jiġi mfakkar aktar spiss – kullimkien fl-Ewropa fejn jitkellmu l-politikanti eletti.

Għax fl-Unjoni mhux kompleta tagħna, ma hemm ebda tmexxija Ewropea li tista' tissostitwixxi t-tmexxija nazzjonali.

In-nazzjonijiet Ewropej għandhom jiddefendu ir-raġuni tal-unità. Ħadd ma jista' jagħmel dan għalihom.

Huma biss jistgħu.

Nistgħu inkunu magħqudin għalkemm aħna differenti.

In-nazzjonijiet demokratiċi u kbar tal-Ewropa ma għandhomx jixxejru mal-irjiħat tal-populiżmu.

L-Ewropa ma għandhiex tibża' quddiem it-terroriżmu.

Le – L-Istati Membri għandhom jibnu Ewropa li tipproteġi. U aħna, l-istituzzjonijiet Ewropej, għandha ngħinuhom iwettqu din il-wegħda.

 

EWROPA LI TAGĦTI S-SETGĦA

Jeħtieġ li l-Unjoni Ewropea tippreserva mhux biss il-mod ta' ħajja Ewropew tagħna iżda tagħti s-setgħa lil dawk li jgħixuh.

Irridu naħdmu għal Ewropa li tagħti s-setgħa liċ-ċittadini tagħna u lill-ekonomija tagħna. U llum, dawn it-tnejn saru diġitali.

It-teknoloġiji diġitali u t-telekomunikazzjonijiet diġitali qed jidħlu f'kull aspett tal-ħajja.

Kull ma jeħtieġu huwa aċċess għal internet b'veloċità għolja. Jeħtieġ li nkunu konnessi. L-ekonomija tagħna teħtieġ dan. In-nies jeħtieġu dan.

U għandna ninvestu f'din il-konnettività issa.

Huwa għalhekk li llum, il-Kummissjoni qed tipproponi riforma tas-swieq tat-telekomunikazzjoni Ewropej tagħna. Aħna rridu noħolqu qafas ġuridiku ġdid li jattira u jippermetti l-investimenti fil-konnettività.

Jenħtieġ li n-negozji jkunu jistgħu jippjanaw l-investimenti tagħhom fl-Ewropa għall-20 sena li ġejjin. Għax jekk jinvestu f'netwerks u f'servizzi ġodda, dan ikun ifisser mhux inqas minn 1.3 miljun impjieg ġdid matul id-deċennju li jmiss.

Il-konnettività għandha tkun ta' benefiċċju għal kulħadd.

Huwa għalhekk li llum il-Kummissjoni qed tipproponi li timplimenta b'mod sħiħ il-5G, il-ħames ġenerazzjoni ta' sistemi ta' komunikazzjoni mobbli, fl-Unjoni Ewropea kollha sal-2025. Dan għandu l-potenzjal li joħloq żewġ miljun impjieg ieħor fl-UE.

Li kulħadd jibbenefika mill-konnettività tfisser li ma għandux ikun rilevanti fejn toqgħod jew kemm taqla'.

Għalhekk, illum nipproponu li kull raħal Ewropew u kull belt jiġu mgħammra b'aċċess għall-internet bla fili mingħajr ħlas madwar iċ-ċentri ewlenin tal-ħajja pubblika sal-2020.

Hekk kif id-dinja taqleb għas-sistema diġitali, irridu wkoll nagħtu s-setgħa lill-artisti u awturi tagħna u nipproteġu x-xogħlijiet tagħhom. L-artisti u l-awturi huma l-ġojjelli fil-kuruna tagħna. Il-ħolqien ta' kontenut mhuwiex passatemp. Huwa professjoni. U huwa parti mill-kultura Ewropea.

Jiena rrid li l-ġurnalisti, il-pubblikaturi u l-awturi jitħallsu b'mod ġust għax-xogħol tagħhom, kemm jekk isir fi studios kif ukoll fis-salotti, kemm jekk jixxerred offlajn kif ukoll onlajn, kemm jekk jiġi ppubblikat permezz ta' magna tal-ikkupjar kif ukoll permezz ta' hyperlink fuq il-Web.

Ir-riforma radikali tar-regoli tad-drittijiet tal-awtur li qed nipproponu tagħmel eżattament hekk.

Ir-responsabbilizzazzjoni tal-ekonomija tagħna tfisser investiment mhux biss fil-konettività iżda wkoll fil-ħolqien tax-xogħol.

Huwa għalhekk li l-Ewropa trid tinvesti bil-qawwi fiż-żgħazagħ tagħha, f'dawk li qed ifittxu xogħol, fin-negozji l-ġodda.

Il-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa ta' €315 biljun, li ntlaħaq qbil fuqu f'din il-Kamra 12-il xahar ilu biss, iġġenera €116-il biljun f'investimenti, mil-Latnja sal-Lussemburgu, fl-ewwel sena tal-operat tiegħu.

Iktar minn 200,000 kumpanija żgħira u negozji żgħar fl-Ewropa ngħataw self. U iktar minn 100,000 persuna sabu xogħol ġdid. Grazzi għall-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi li jiena pproponejt, li l-Kummissjoni tiegħi żviluppat, u li intom li qegħdin hawn fil-Parlament Ewropew appoġġajtu u adottajtu fi żmien rekord.

U issa se nimxu iktar 'il quddiem. Illum, qed nipproponu li nirduppjaw il-perjodu tal-Fond u nirduppjaw il-kapaċità finanzjarja tiegħu.

Bl-appoġġ tagħkom, aħna se niżguraw li l-Fond tagħna se jipprovdi total ta' mill-inqas €500 biljun - nofs triljun - ta' investimenti sal-2020. U se naħdmu lil hinn minn dan biex nilħqu €630 biljun sal-2022. Ovvjament, jekk l-Istati Membri jikkontribwixxu, aħna nistgħu nilħqu dan il-punt iktar malajr.

Flimkien ma' dawn l-isforzi biex jiġi attirat investiment privat, għandna bżonn noħolqu wkoll l-ambjent ideali fejn jinvestu.

Il-banek Ewropej huma f'qagħda ħafna aħjar minn sentejn ilu, grazzi għall-isforzi konġunti Ewropej tagħna. L-Ewropa għandha bżonn il-banek tagħha. Iżda ekonomija li tiddependi kważi esklussivament fuq kreditu bankarju mhijiex tajba għall-istabbiltà finanzjarja. Hija ħażina wkoll għan-negozju, kif rajna fil-kriżi finanzjarja. Huwa għalhekk li issa hu urġenti li nħaffu x-xogħol tagħna fuq l-Unjoni tas-Swieq Kapitali. Il-Kummissjoni qed tqiegħed dan il-pjan direzzjonali għall-kunsiderazzjoni tagħkom illum.

Unjoni tas-Swieq Kapitali se twassal għal sistema finanzjarja iktar b'saħħitha. Se tagħti lill-kumpaniji aċċess eħfef u iktar diversifikat għall-finanzjament. Immaġina ġdida Finlandiźa li ma tingħatax self. Bħalissa l-għażliet huma limitati ħafna. L-Unjoni tas-Swieq Kapitali se toffri alternattiva, sorsi vitali ta' finanzjament biex jgħinu lin-negozji ġodda jingranaw - investituri informali, kapital ta' riskju, finanzjament ibbażat fuq is-suq.

Biex insemmi eżempju wieħed – kwazi sena ilu ressaqna proposta li tagħmilha eħfef għall-banek li jagħtu self. Għandha l-potenzjal li tillibera sa €100 biljun ta' finanzjament addizzjonali għan-negozji tal-UE. Għaldaqstant, jekk jogħġobkom, ejjew inħaffu l-adozzjoni tagħha.

Il-Pjan ta' Investiment Ewropew ħadem aħjar milli kulħadd bassar fl-Ewropa, u issa se ntellgħuh fuq livell globali. Talba li għamlu ħafna minnkom u ħafna Stati Membri.

Illum qed inniedu Pjan ta' Investiment ambizzjuż għall-Afrika u l-Viċinat li għandu l-potenzjal li jiġbor €44 biljun f'investimenti. Dan l-ammont jista' jiżdied għal EUR 88 biljun jekk l-Istati Membri jagħtu s-sehem tagħhom.

Il-loġika hi l-istess waħda li ħadmet b'mod tajjeb għall-Pjan ta' Investiment intern: se nkunu qed nużaw finanzjament pubbliku bħala garanzija biex nattiraw investiment pubbliku u privat għall-ħolqien ta' impjiegi reali.

Dan se jikkumplimenta l-għajnuna għall-iżvilupp tagħna u jgħin fl-indirizzar ta' waħda mill-kawżi ewlenin tal-migrazzjoni. Bit-tkabbir ekonomiku fil-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp fl-inqas livell tiegħu mill-2003, dan hu kruċjali. Il-Pjan il-ġdid se joffri għajnuniet essenzjali għal dawk li kieku jiġu xprunati li jagħmlu vjaġġi perikolużi fi sforz biex jiksbu ħajja aħjar.

Bħal ma ninvestu sabiex intejbu il-kundizzjonijiet barra mill-Ewropa, jeħtieġ ninvestu wkoll fir-rispons għall-kriżijiet umanitarji hawnhekk stess. Aktar minn kull ħaġa oħra, jeħtieġ ninvestu fiż-żgħazagħ tagħna.

Ma nistax u mhux se naċċetta li l-Ewropa hi u tibqa' l-kontinent tal-qgħad fost iż-żgħażagħ.

Ma nistax u mhux se naċċetta li l-millenials, il-Ġenerazzjoni Y, se jkunu l-ewwel ġenerazzjoni f'70 sena li se jkunu ifqar mill-ġenituri tagħhom.

Ovvjament, dan huwa kompitu primarjament tal-gvernijiet nazzjonali. Iżda l-Unjoni Ewropea tista' tappoġġa l-isforzi tagħhom. Aħna qed nagħmlu hekk bil-Garanzija għaż-Żgħażagħ tal-UE li kienet imnedija tliet snin ilu. Il-Kummissjoni tiegħi tejbet l-effettivita u ħaffet it-twettiq tal-Garanzija għaż-Żagħażagħ. Iktar minn disa' miljun żagħżugħ diġà bbenefikaw minn dan il-programm. Dawn huma disa' miljun żagħżugħ li sabu xogħol, traineeship jew apprendistat minħabba l-UE. Aħna se nkomplu nifirxu l-Garanzija għaż-Żgħażagħ mal-Ewropa, b'titjib tal-ħiliet tal-Ewropej u bi sforz biex nilħqu dawk ir-reġjuni u żgħażagħ li l-aktar għandhom bżonn.

Qegħdin nagħmlu dan bil-programmi Erasmus ukoll – li diġà bbenefikaw minnhom ħames miljun student. Iż-żgħażagħ jiċċaqilqu, jivvjaġġaw, jaħdmu, jistudjaw u jitħarrġu f'pajjiżi madwar l-UE grazzi għall-Erasmus. U wieħed minn kull tliet studenti żgħażagħ ta' Erasmus Plus jiġu offruti impjiegi mill-kumpaniji li jkunu tħarrġu fihom.

Hemm aktar x'nistgħu nagħmlu. Hemm ħafna żgħażagħ u persuni b'orjentament soċjali fl-Ewropa li lesti jagħtu kontribuzzjoni sinifikanti lis-soċjetà u jgħinu biex juru solidarjetà. Nistgħu noħolqulhom opportunitajiet biex jagħmlu dan.

Is-solidarjetà hi l-kolla li żżomm l-Unjoni tagħna magħquda.

Il-kelma solidarjetà tidher 16-il darba fit-Trattati li l-Istati Membri kollha tagħna qablu dwarhom u rratifikawhom.

Il-baġit Ewropew hi prova ħajja tas-solidarjetà finanzjarja.

Hemm solidarjetà impressjonanti fl-applikazzjoni konġunta tas-sanzjonijiet Ewropej meta r-Russja tikser il-liġi internazzjonali.

L-ewro hu espressjoni ta' solidarjetà.

Il-politika tal-iżvilupp tagħna hi sinjal estern b'saħħtu ta' solidarjetà.

U meta niġu għall-immaniġġjar tal-kriżi tar-refuġjati, bdejna naraw solidarjetà. Ninsab konvint li għad hemm bżonn ta' iktar solidarjetà. Imma naf ukoll li s-solidarjetà trid tingħata b'mod volontarju. Trid tiġi mill-qalb. Ma tistax tkun sfurzata.

Ta' spiss nuru solidarjetà iktar faċilment meta ffaċċjati b'emerġenzi.

Meta l-għoljiet Portugiżi kienu qed jaqbdu, kienu ajruplani Taljani li tfew in-nirien.

Meta għargħar qatgħu l-provvista tad-dawl fir-Rumanija, kienu ġeneraturi Żvediżi li reġgħu xegħlu d-dawl.

Meta eluf ta' refuġjati waslu fuq ix-xtut Griegi, kienu tined Slovakki li pprovdew kenn.

Fl-istess spirtu, il-Kummissjoni illum qed tipproponi li twaqqaf Korp ta' Solidarjetà Ewropea. Iż-żgħażagħ fl-UE se jkunu jistgħu joffru l-għajnuna tagħhom fejn tkun l-iktar meħtieġa, bħala rispons għal sitwazzjonijiet ta' kriżi, bħall-kriżi tar-refuġjati jew it-terremoti riċenti fl-Italja.

Nixtieq li dan il-Korp ta' Solidarjetà Ewropea jkun imwaqqaf u jaħdem sal-aħħar tas-sena. U sal-2020, li naraw l-ewwel 100,000 żagħżugħ Ewropew jieħu sehem.

Billi jissieħbu b'mod volontarju mal-Korp ta' Solidarjetà Ewropea, dawn iż-żgħażagħ se jkunu jistgħu jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom u mhux biss jiksbu esperjenza ta' xogħol iżda wkoll esperjenza umana imprezzabbli.

 

EWROPA LI TIDDEFENDI

Ewropa li tipproteġi hi Ewropa li tiddefendi - fl-Ewropa kif ukoll 'il barra mill-Ewropa.

Irridu niddefendu lilna nfusna kontra t-terroriżmu.

Mill-bombi ta' Madrid tal-2004, kien hemm iktar minn 30 attakk terroristiku fl-Ewropa - 14 fis-sena li għaddiet biss. Mietu iktar minn 600 persuna innoċenti f'ibliet bħal Pariġi, Brussell, Nizza, jew Ansbach.

Hekk kif urejna solidarjetà u sogħba, aħna rridu nkunu magħqudin ukoll fir-rispons tagħna.

L-atti barbari tas-sena li għaddiet reġgħu wrewna x'inhu dak li qed niġġieldu għalih - il-mod ta' ħajja Ewropew. Meta ffaċċjati bl-agħar li tista' toffri l-umanità, għandna nibqgħu leali lejn il-valuri tagħna, lejna nfusna. U dak li aħna huwa is-soċjetajiet demokratiċi, soċjetajiet plurali, miftuħa u tolleranti.

Iżda dik it-tolleranza ma tistax tinkiseb bil-prezz tas-sigurtà tagħna.

Huwa għalhekk li l-Kummissjoni tiegħi tat prijorità lis-sigurtà mill-ewwel ġurnata - it-terroriżmu ġie kkriminalizzat kif ukoll il-ġellieda barranin fl-UE, ittieħdu miżuri ħorox fuq l-użu tal-armi tan-nar u l-finanzjament tat-terroriżmu, ħdimna ma' kumpaniji tal-internet biex titneħħa l-propaganda tat-terroristi minn fuq l-internet u ħdimna kontra r-radikalizzazzjoni fl-iskejjel u l-ħabsijiet Ewropej.

Imma għad hemm aktar xi jsir.

Irridu nkunu nafu minn qed jaqsam il-fruntieri tagħna.

Huwa għalhekk li se niddefendu l-fruntieri tagħna bil-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, li qed tiġi fformalizzata bħalissa mill-Parlament u l-Kunsill, disa' xhur biss wara li l-Kummissjoni kienet ipproponietha. Frontex diġà għandha 600 aġent fuq il-post li qed jaħdmu fuq il-fruntieri mat-Turkija fil-Greċja u iktar minn 100 fil-Bulgarija. Issa, l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri għandhom jaħdmu mill-qrib ħafna flimkien biex jgħinu fit-twaqqif malajr tal-Aġenzija l-ġdida. Nixtieq nara mill-inqas 200 gwardja tal-fruntiera iktar u 50 vettura oħra stazzjonati mal-fruntieri esterni Bulgari minn Ottubru.

Se niddefendu l-fruntieri tagħna wkoll b'kontrolli stretti, adottati sa tmiem is-sena, fuq kull persuna li tkun qed taqsam fruntiera. Kull darba li xi ħadd jidħol u joħroġ mill-UE, se jkun hemm rekord ta' meta, fejn u għalfejn.

Sa Novembru, se nipproponu Sistema ta' Informazzjoni tal-Ivvjaġġar Ewropea - sistema awtomatizzata li se tiddetermina min se jitħalla jivvjaġġa lejn l-Ewropa. B'dan il-mod se nkunu nafu min qed jivvjaġġa lejn l-Ewropa qabel ma jasal hawn.

U għandna bżonn dik l-informazzjoni. Kemm il-darba smajna bi stejjer fl-aħħar xhur fejn l-informazzjoni kienet disponibbli f'bażi tad-dejta f'pajjiż partikolari, iżda qatt ma sabet ruħha għand l-awtoritajiet f'pajjiż ieħor fejn setgħet tagħmel differenza?

Is-sigurtà tal-fruntieri tfisser ukoll li l-iskambju ta' informazzjoni u l-intelligence għandu jingħata prijorità. Għal dan il-għan, se nirrinfurzaw il-Europol - l-aġenzija Ewropea tagħna li tappoġġa l-infurzar tal-liġi nazzjonali - billi nagħtuha aċċess aħjar għal bażijiet tad-dejta u għal iktar riżorsi. Unità ta' kontra t-terroriżmu li attwalment għandha persunal ta' 60 ruħ ma tistax tipprovdi l-appoġġ 24/7 li hu meħtieġ.

Ewropa li tipproteġi, tiddefendi wkoll l-interessi tagħna lil hinn mill-fruntieri tagħna.

Il-fatti huma ċari: id-dinja qiegħda tikber. U aħna qed niċkienu.

Illum il-ġurnata aħna l-Ewropej niffurmaw 8 % tal-popolazzjoni tad-dinja – u fl-2050 se nkunu nirrappreżentaw 5 % tagħha biss. Sa dak iż-żmien mhux se jkun hemm pajjiż tal-UE wieħed fost l-aqwa ekonomiji tad-dinja. Iżda l-UE f'daqqa? Inkunu għadna fil-quċċata tal-klassifiki.

L-għedewwa tagħna jixtiquna ninqasmu.

Il-kompetituri tagħna jibbenefikaw mill-firda tagħna.

Huwa biss flimkien li aħna qawwa u li nistgħu nibqgħu qawwa li tgħodd.

Madankollu, għalkemm l-Ewropa hija kburija li hija qawwa li tipperswadi ta' importanza dinjija, ma rridux inkunu inġenwi. Il-qawwa tal-persważjoni mhix biżżejjed f'viċinat li kull ma jmur qed isir aktar perikoluż.

Ejja nieħdu l-ġlied bla ħniena fis-Sirja. Il-konsegwenzi tiegħu fl-Ewropa jinħassu mill-ewwel. Bħall-attakki fil-bliet tagħna minn terroristi mħarrġa fil-kampijiet ta' Daesh. Iżda fejn qiegħda l-Unjoni, fejn huma l-Istati Membri tagħha, f'negozjati għal soluzzjonijiet?

Federica Mogherini, ir-Rappreżentant Għoli tagħna u l-Viċi President tiegħi qed tagħmel biċċa xogħol eċċezzjonali. Iżda jinħtieġ li hija ssir Ministru għall-Affarijiet Barranin Ewropej li permezz tagħha s-Servizzi Diplomatiċi kollha, tal-pajjiżi kemm kbar u kemm zgħar, jgħaqqdu s-saħħa tagħhom sabiex ikabbru l-influwenza tagħhom fin-negozjati internazzjonali. Huwa għalhekk li llum qed insejjaħ għal Strateġija Ewropea dwar is-Sirja. Federica għandha tieħu sehem fid-diskussjonijiet meta l-futur tas-Sirja jkun qed jiġi diskuss. Biex l-Ewropa tkun tista' tgħin fil-bini mill-ġdid ta' nazzjon Sirjan paċifiku, u soċjetà pluralistika, tolleranti u ċivili fis-Sirja.

L-Ewropa trid tissaħħaħ. Dan huwa kollu kemm hu minnu l-ewwel u qabel kollox fil-politika ta' difiża tagħna.

L-Ewropa ma tistax tkompli tvinċi bis-saħħa militari tal-oħrajn jew tħalli lil Franza tiddefendi unurha waħidha fil-Mali.

Irridu nerfgħu r-responsabbiltà biex nipproteġu l-interessi tagħna u l-mod ta' ħajja Ewropew.

F'dawn l-aħħar għaxar snin konna nvoluti fi 30 missjoni ċivili u militari tal-UE, mill-Afrika sal-Afganistan. Iżda mingħajr struttura permanenti ma nistgħux naġixxu b'mod effettiv. Operazzjonijiet urġenti jittardjaw Għandna kwartietri ġenerali separati għal missjonijiet paralleli, anki meta jseħħu fl-istess pajjiż jew belt. Wasal iż-żmien li jkollna kwartier ġenerali wieħed għal dawn l-operazzjonijiet.

Għandna nersqu wkoll lejn riżorsi militari komuni, li f'xi każijiet ikunu tal-UE. U ovvjament li jkunu kumplimentari għal kollox man-NATO.

Il-każ kummerċjali huwa ċar. In-nuqqas ta' kooperazzjoni fi kwistjonijiet ta' difiża jiswa lill-Ewropa bejn EUR 25 u EUR 100 biljun fis-sena, skont iż-żoni konċernati. Nistgħu nagħmlu ħafna affarijiet oħra b'dawk il-flus.

Dan jista' jseħħ. Qiegħdin nibnu flotta multinazzjonali ta' inġenji tal-ajru għar-riforniment. Ejja nirreplikaw dan l-eżempju.

Sabiex ikollna difiża Ewropea b'saħħitha, l-industrija tad-difiża Ewropea jeħtieġ li tħaddan l-innovazzjoni. Huwa għalhekk li se nipproponu sa qabel tmiem is-sena Fond għad-Difiża Ewropea, sabiex nagħtu spinta qawwija lir-riċerka u l-innovazzjoni.

It-Trattat ta' Lisbona jippermetti lil dawk l-Istati Membri li jixtiequ, li jgħaqqdu l-kapaċitajiet ta' difiża tagħhom fi struttura ta' kooperazzjoni permanenti. Naħseb li issa huwa l-waqt li jsir użu minn din il-possibilità. U nittama li l-laqgħa bejn is-27 fi Bratislava, fi ftit jiem minn issa, se tkun l-ewwel pass politiku f'din id-direzzjoni.

Għaliex huwa biss jekk naħdmu flimkien li l-Ewropa tkun tista' tiddefendi lilha nfisha domestikament kif ukoll barra minnha.

 

EWROPA LI TERFÀ R-RESPONSABBILTÀ

L-aħħar punt li nixtieq inqajjem huwa dwar ir-responsabbiltà. Dwar li nerfgħu r-responsabbiltà biex nibnu din l-Ewropa li tipproteġi.

Nistieden lill-istituzzjonijiet kollha tal-UE u lill-Istati Membri kollha tagħna biex jerfgħu r-responsabbiltà.

Irridu nieqfu ngħidu li s-suċċess huwa nazzjonali filwaqt li l-falliment huwa Ewropew. Inkella l-proġett komuni tagħna ma jsalvax.

Irridu niftakru fl-iskop tal-Unjoni tagħna. Għaldaqstant nistieden lil kull wieħed mis-27 mexxej li sejjer Bratislava biex jaħseb fuq tliet raġunijiet l-għaliex neħtieġu l-Unjoni Ewropea.Tliet affarijiet li huma lesti li jerfgħu r-responsabbiltà tagħhom biex jiddefenduhom. U li wara jkunu disposti li jwettquhom malar.

It-twettiq bil-mod tal-wegħdiet li jsiru huwa fenomenu li kull ma jmur jista' jikkomprometti l-kredibilità tal-Unjoni. Ejja nieħdu l-Ftehim ta' Pariġi. Aħna l-Ewropej minn ta' quddiem nett fid-dinja f'dak li għandu x'jaqsam mal-azzjoni klimatika. Kienet l-Ewropa li nnegozjat l-ewwel ftehim dinji li qatt kien hemm dwar il-klima li kien jorbot legalment. Kienet l-Ewropa li bniet il-koalizzjoni ta' ambizzjonijiet li għamlu l-ftehim f'Pariġi possibbli. Iżda l-Ewropa issa qiegħda f'diffikultà biex turi t-triq u tkun minn tal-ewwel biex tirratifika l-ftehim tagħna. Huma biss Franza, l-Awstrija u l-Ungerija li s'issa irratifikaw dan il-ftehim.

Nistieden lill-Istati Membri kollha u lill-Parlament biex jagħmlu l-parti tagħhom fil-ġimgħat li ġejjin, mhux fix-xhur li ġejjin. Irridu ngħaġġlu aktar. Ejja nirratifikaw il-Ftehim ta' Pariġi issa. Dan jista' jseħħ. Din hija kwistjoni ta' rieda politika. U marbuta mal-influwenza Ewropea fid-dinja.

L-istituzzjonijiet Ewropej iridu jerfgħu r-responsabbiltà wkoll.

Staqsejt lil kull wieħed mill-Kummissarji tiegħi biex ikun lest, fil-ġimagħtejn li ġejjin, li jiddiskuti l-Istat tal-Unjoni fil-Parlamenti Nazzjonali tal-pajjiżi li kull wieħed jaf l-aħjar. Sa mill-bidu tal-mandat tiegħi, il-Kummissarji tiegħi għamlu aktar minn 350 żjara fil-Parlamenti Nazzjonali. U rridhom li issa jagħmlu anki aktar. Għaliex l-Ewropa tista' tinbena biss bl-Istati Membri, u qatt kontrihom.

Irridu nerfgħu r-responsabbiltà li nirrikonoxxu meta ċerti deċiżjonijiet ma għandniex niddeċiduhom aħna. Mhux sewwa li meta l-pajjiżi tal-UE ma jkunux jistgħu jiddeċiedu bejniethom, dwar jekk għandhomx jipprojbixxu jew le l-użu tal-glifosat fl-erbiċidi, il-Kummissjoni tiġi mġiegħla mill-Parlament u mill-Kunsill biex tieħu deċiżjoni.

Għaldaqstant se nibdlu r-regoli - għaliex din mhix demokrazija.

Il-Kummissjoni trid terfa' r-responsabbiltà li tkun politika, u mhux teknokratika.

Kummmissjoni politika hija waħda li tisma' lill-Parlament Ewropew, li tisma' lill-Istati Membri kollha, u li tisma' lin-nies.

U huwa proprju għax tajna widen li l-Kummissjoni tiegħi ġiet xprunata biex tirtira 100 proposta fl-ewwel sentejn tal-mandat tagħna, biex tippreżenta 80 % anqas inizjattivi meta mqabbel ma' dawn l-aħħar ħames snin, u biex tniedi reviżjoni bir-reqqa tal-leġiżlazzjoni eżistenti kollha. Għaliex huwa biss billi niffukaw fuq fejn l-Ewropa tista' tipprovdi verament valur miżjud u tagħti riżultati, li nkunu nistgħu nagħmlu l-Ewropa post aħjar u aktar sikur.

Li nkunu politiċi jfisser ukoll li nikkoreġu l-iżbalji teknokratiċi hekk kif iseħħu. Il-Kummissjoni, il-Parlament u l-Kunsill b'mod konġunt iddeċiedew li jabolixxu t-tariffi tar-roaming għall-mowbajl. Din hija wiegħda li se nżommu. Mhux biss għan-negozjanti li jsiefru għal jumejn. Mhux biss għal min jieħu vaganza u jqatta' ġimagħtejn fix-xemx. Iżda għall-ħaddiema transkonfinali tagħna. U għal miljuni ta' studenti ta' Erasmus li jistudjaw barra mill-pajjiż għal semestru jew tnejn. Għaldaqstant, jien irtirajt abbozz li uffiċjal li kellu intenzjonijiet tajbin fassal tul is-sajf. L-abbozz ma kienx teknikament ħażin. Iżda ma kienx iżomm ma' dak li wegħedna. Il-ġimgħa d-dieħla se jkun għad-dispożizzjoni tagħkom abbozz aħjar. Meta tuża r-roaming għandek tkun qisek qiegħed id-dar.

Il-fatt li aħna politiċi jippermettilna nimplimentaw il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir b'sens komun. Il-ħolqien tal-Patt kien influwenzat mit-teorija. L-applikazzjoni tiegħu saret duttrina għal ħafna. U llum, għal xi wħud, il-Patt huwa domma. Fit-teorija, meta s-60 fil-mija tad-dejn ta' pajjiż jinqabżu b'punt deċimali wieħed, dan għandu jiġi sanzjonat. Iżda fir-realtà trid tħares lejn ir-raġunijiet li wasslu għad-dejn. Għandna nippruvaw nappoġġaw u mhux nissanzjonaw l-isforzi ta' riforma li għaddejjin. Għal dan għandna bżonn politiċi responsabbli. U se nkomplu napplikaw il-Patt mhux b'mod dommatiku, iżda bis-sens komun u bil-flessibilità li b'mod għaqli bnejna fir-regoli.

Fl-aħħar nett, li nerfgħu r-responsabbiltà jfisser ukoll li nagħtu kont lill-votanti. Huwa għalhekk li se nipproponu li r-regola assurda, li l-Kummissarji jridu jirriżenjaw mill-kariga tagħhom meta jridu joħorġu għall-elezzjonijiet Ewropej, tinbidel. Il-Kanċillier tal-Ġermanja, il-Prim Ministru Ċek, Daniż jew Estonjan ma jieqfux minn xogħlhom meta jerġgħu joħorġu għall-elezzjoni. U lanqas ma għandhom jagħmlu dan il-Kummissarji. Jekk irridu Kummissjoni li tirreaġixxi għall-ħiġijiet tad-dinja reali, għandna nħeġġu lill-Kummissarji biex jagħmlu r-rendez-vous meħtieġ mad-demokrazija. U mhux biex jevitawh.

 

KONKLUŻJONI

Onorevoli Membri,

Jiena żgħażugħ daqs il-proġett Ewropew li jagħlaq 60 sena f'Marzu 2017.

Jiena għixtu u ħdimt għalih ħajti kollha.

Missieri emmen fl-Ewropa għaliex kien jemmen fl-istabbiltà, fid-drittijiet tal-ħaddiema u fil-progress soċjali.

Għaliex hu fehem sew li l-paċi fl-Ewropa kienet prezzjuża - u fraġli.

Nemmen fl-Ewropa għax missieri għallimni dawn l-istess valuri.

Iżda llum il-ġurnata x'qegħdin ngħallmu lit-tfal tagħna? X'se jirtu minn għandna? Unjoni li qiegħda tiġġarraf bil-firda? Unjoni li nsiet l-imgħoddi tagħha u li ma għandhiex viżjoni għall-futur?

It-tfal tagħna jixirqilhom aħjar.

Jixirqilhom Ewropa li iżżomm bla mittiefes il-mod ta' ħajja tagħhom.

Jixirqilhom Ewropa li tagħtihom is-setgħa u li tiddefendihom.

Jixirqilhom Ewropa li tipproteġihom.

Wasal iż-żmien li aħna - l-istituzzjonijiet, il-gvernijiet, iċ-ċittadini - kollha kemm aħna nerfgħu r-responsabbiltà biex nibnu din l-Ewropa. Flimkien.

SPEECH/16/3043


Side Bar