Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Diskors - [Iċċekkja mal-wasla tal-kunsinna]

L-Istat tal-Unjoni 2015: Żmien għall-Onestà, l-Unità u s-Solidarjetà

Strasburgu, id-9ta' settembru 2015

Jean-Claude JUNCKER
Il-President tal-Kummissjoni

 

Sur President,

Onorevoli Membri tal-Parlament Ewropew,

Illum hija l-ewwel darba matul il-mandat tiegħi bħala President tal-Kummissjoni Ewropea li għandi l-unur li nindirizza lil din il-Kamra dwar l-Istat tal-Unjoni Ewropea tagħna.

Għalhekk nixtieq infakkar l-importanza politika ta’ dan il-mument istituzzjonali speċjali ħafna.

Id-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni huwa previst b’mod espliċitu fil-Ftehim Qafas li jirregola r-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea. Dan il-Ftehim jistipula li “Kull sena matul l-ewwel sessjoni parzjali ta' Settembru, għandu jsir dibattitu dwar l-Istat tal-Unjoni li fih il-President tal-Kummissjoni għandu jagħmel diskors li fih jagħti rendikont tas-sena attwali filwaqt li jagħti ħarsa lejn il-prijoritajiet fil-ġejjieni għas-snin ta' wara. Għal dak il-għan, il-President tal-Kummissjoni għandu jistabbilixxi bil-miktub lill-Parlament b'mod parallel l-elementi ewlenin li jiggwidaw it-tħejjija tal-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għas-sena ta' wara.”

Id-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni jitlob li l-President tal-Kummissjoni jikkunsidra s-sitwazzjoni attwali tal-Unjoni Ewropea tagħna u li jistabbilixxi il-prijoritajiet għall-ħidma futura.

Huwa jvara l-proċess interistituzzjonali li jwassal għal Programm ta' Ħidma ġdid tal-Kummissjoni Ewropea għas-sena li ġejja.

Flimkien ma’ Frans Timmermans, l-Ewwel Viċi President tiegħi, dalgħodu bgħatt ittra lill-Presidenti taż-żewġ fergħat tal-leġiżlatur Ewropew: lill-President Martin Schulz, kif ukoll lill-Prim Ministru tal-Lussemburgu Xavier Bettel, li bħalissa għandu l-Presidenza rotanti tal-Kunsill. Din l-ittra tistabbilixxi fid-dettall diversi azzjonijiet li l-Kummissjoni beħsiebha tieħu permezz ta’ leġiżlazzjoni u inizjattivi oħra, minn issa sal-aħħar tal-2016. Qed nipproponu aġenda leġiżlattiva ambizzjuża, iffokata u intensiva li se tirrikjedi li l-Kummissjoni, il-Parlament u l-Kunsill jaħdmu flimkien mill-qrib u b’mod effettiv.

Mhux se nidħol fid-dettall dwar l-aġenda leġiżlattiva tagħna issa. Se jkollna djalogu strutturat mal-Parlament u mal-Kunsill dwar dan fil-ġimgħat li ġejjin.

Iżda nemmen li llum mhux il-mument li nitkellmu dwar dan kollu.

Jiena l-ewwel President tal-Kummissjoni li n-nomina u l-ħatra tiegħu huma r-riżultat dirett tal-eżitu tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew f’Mejju 2014.

Wara li wettaqt kampanja bħala l-kandidat ewlieni, bħala Spitzenkandidat, fiż-żmien ta’ qabel l-elezzjonijiet, kelli l-opportunità li nkun President aktar politiku.

Dan ir-rwol politiku huwa previst mit-Trattati, li permezz tagħhom l-Istati Membri għamlu lill-Kummissjoni l-promotur tal-interess ġenerali tal-Unjoni. Iżda s-snin ta' kriżi naqqsu dan il-fehim.

Din hija r-raġuni għaliex f’Settembru li għadda, quddiem il-Kamra, jiena għedt li xtaqt immexxi Kummissjoni politika. Kummissjoni politika ħafna.

Għidt dan mhux għax nemmen li nistgħu u li għandna nippolitiċizzaw kollox.

Dan għidtu għaliex nemmen li l-isfidi enormi li l-Ewropa qiegħda attwalment tiffaċċa - kemm internament kif ukoll esternament - ma jħallulna l-ebda għażla ħlief li nindirizzawhom minn perspettiva politika ħafna, b'mod politiku ferm waqt li nżommu l-konsegwenzi politiċi tad-deċiżjonijiet tagħna sew f’moħħna.

Avvenimenti reċenti kkonfermaw il-ħtieġa urġenti għal tali approċċ politiku fl-Unjoni Ewropea.

Dan mhuwiex iż-żmien li nkomplu għaddejjin bħas-soltu.

Dan mhuwiex iż-żmien għall-qtugħ ta' suġġetti minn listi jew li niċċekkjaw jekk din l-inizjattiva settorjali jew l-oħra ma sabitx postha fid-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni.

Dan mhuwiex iż-żmien li ngħoddu kemm-il darba l-kliem soċjali, ekonomiku jew sostenibbli jidhru fid-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni.

Minflok, wasal iż-żmien għall-onestà.

Wasal iż-żmien li nitkellem b’mod frank dwar il-kwistjonijiet il-kbar li qed tiffaċċja l-Unjoni Ewropea.

 

Għaliex l-Unjoni Ewropea tagħna mhix fi stat tajjeb.

 

Ma hemmx biżżejjed Ewropa f’din l-Unjoni.

U ma hemmx biżżejjed Unjoni f’din l-Unjoni.

 

Jeħtieġ li dan inbiddluh. U jeħtieġ li dan inbiddluh issa.

 

Il-Kriżi tar-Refuġjati: l-Importanza li Naġixxu bħala Unjoni

Jgħidu x'jgħidu l-programmi ta' ħidma jew l-aġendi leġiżlattivi: L-ewwel prijorità illum hija u għandha tkun li nindirizzaw il-kriżi tar-refuġjati.

Mill-bidu tas-sena, kważi 500,000 persuna għamlu triqithom lejn l-Ewropa. Il-biċċa l-kbira tagħhom qed jaħarbu mill-gwerra fis-Sirja, it-terrur tal-Istat Iżlamiku fil-Libja jew id-dittatorjat fl-Eritrea. L-Istati Membri l-aktar affettwati huma l-Greċja, b’aktar minn 213,000 refuġjat, l-Ungerija, b’aktar minn 145,000, u l-Italja, b’aktar minn 115,000.

In-numri huma impressjonanti. Għal uħud huma tal-biża’.

Iżda issa mhuwiex il-mument li nieħdu qatgħa. Issa huwa ż-żmien għal azzjoni determinata u kkoordinata mill-Unjoni Ewropea, mill-istituzzjonijiet tagħha u mill-Istati Membri kollha tagħha.

Din hija l-ewwel u qabel kollox kwistjoni ta’ umanità u ta' dinjità tal-bniedem. U għall-Ewropa hija wkoll kwistjoni ta’ ġustizzja storika.

Aħna l-Ewropej għandna niftakru wkoll li l-Ewropa hija kontinent fejn kważi kulħadd xi darba kien refuġjat. L-istorja komuni tagħna hija mmarkata minn miljuni ta’ Ewropej li ħarbu minn persekuzzjoni reliġjuża jew politika, minn gwerra, dittatorjat, jew oppressjoni.

L-Ugonotti li ħarbu minn Franza fis-seklu 17.

Il-Lhud, is-Sinti, ir-Rom u ħafna oħrajn li ħarbu mill-Ġermanja matul l-orrur Nażista tas-snin tletin u erbgħin.

Ir-Repubblikani Spanjoli li ħarbu lejn il-kampijiet tar-refuġjati fin-Nofsinhar ta’ Franza fi tmiem is-snin tletin wara t-telfa tagħhom fil-Gwerra Ċivili.

Ir-rivoluzzjonarji Ungeriżi li ħarbu lejn l-Awstrija wara li r-rewwixta tagħhom kontra r-reġim Komunista kienet oppressata mit-tankijiet Sovjetiċi fl-1956.

Iċ-ċittadini Ċeki u Slovakki li fittxew l-eżilju f’pajjiżi Ewropej oħra wara l-oppressjoni tar-Rebbiegħa ta’ Praga fl-1968.

Mijiet u eluf ta’ nies kienu sfurzati jaħarbu minn djarhom wara l-gwerer Jugoslavi.

Insejna li hemm raġuni għaliex hemm aktar McDonalds jgħixu fl-Istati Uniti milli hemm l-Iskozja? Li hemm raġuni għaliex l-għadd ta’ O’neills u Murphys fl-Istati Uniti jaqbeż bil-bosta dawk li jgħixu fl-Irlanda?

Insejna li 20 miljun ruħ ta’ axxendenza Pollakka jgħixu barra l-Polonja, bħala riżultat ta’ emigrazzjoni politika u ekonomika wara l-bosta bidliet tal-fruntieri, l-espulsjonijiet furzati u r-risistemazzjonijiet matul l-istorja, ħafna drabi diffiċli, tal-Polonja?

Verament insejna li wara l-qerda tat-Tieni Gwerra Dinjija, 60 miljun persuna kienu refuġjati fl-Ewropa? Li b'riżultat ta’ din l-esperjenza terribbli Ewropea, kien stabbilit reġim għall-protezzjoni globali - il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra tal-1951 dwar l-Istatus tar-Refuġjati - biex jingħata kenn lil dawk li qabżu l-ħitan imtella’ fl-Ewropa biex jaħarbu mill-gwerra u l-oppressjoni totalitarja?

Aħna l-Ewropej għandna nkunu nafu u qatt ma għandna ninsew għaliex l-għoti ta' kenn u l-konformità mad-dritt fundamentali għall-ażil huma daqshekk importanti.

Għidt fil-passat li aħna rarament inkunu kburin bil-wirt Ewropew tagħna u l-proġett Ewropew tagħna.

Madankollu, minkejja l-fraġilità tagħna, id-dgħufijiet pperċepiti tagħna, illum hija l-Ewropa li hija mixtieqa bħala post ta’ refuġju u eżilju.

Hija l-Ewropa ta' llum li tirrappreżenta raġġ ta’ tama, lok ta’ stabbiltà f’għajnejn in-nisa u l-irġiel fil-Lvant Nofsani u fl-Afrika.

Din hija xi ħaġa li għandna nkunu kburin biha u mhux xi ħaġa li nibżgħu minnha.

L-Ewropa llum, minkejja l-ħafna differenzi fost l-Istati Membri tagħha, hija bil-qabda l-aktar kontinent għani u stabbli fid-dinja.

Għandna l-mezzi biex ngħinu lil dawk li qed jaħarbu mill-gwerra, mit-terroriżmu u mill-oppressjoni.

Naf li bosta issa se jkunu jridu jgħidu li sa hawn kollox sew, iżda l-Ewropa ma tistax tieħu lil kulħadd.

Huwa veru li l-Ewropa ma tistax tilqa' l-miżerja kollha tad-dinja. Iżda ejjew inkunu onesti u nqiegħdu l-affarijiet f’perspettiva.

Bla dubju ta’ xejn hemm għadd importanti u mingħajr preċedent ta’ refuġjati li ġejjin fl-Ewropa bħalissa. Madankollu, huma għadhom jirrappreżentaw biss 0.11 % tal-popolazzjoni totali tal-UE. Fil-Libanu, ir-refuġjati jirrappreżentaw 25 % tal-popolazzjoni. U dan f’pajjiż fejn in-nies għandhom biss għoxrin fil-mija tar-rikkezza li ngawdu fl-Unjoni Ewropea.

Ejjew inkunu ċari u onesti maċ-ċittadini, ħafna drabi inkwetati tagħna: sakemm ikun hemm il-gwerra fis-Sirja u t-terroriżmu fil-Libja, il-kriżi tar-refuġjati mhux sejra sempliċiment tisparixxi.

Nistgħu nibnu ħitan, nistgħu nibnu ċnut. Iżda immaġina għal ftit ħin, li kieku kont int, b'ibnek jew bintek f'idejk, bid-dinja li taf biha li qed titkisser madwarek. Ma hemm l-ebda prezz li ma tkunx lest li tħallas, ma hemm l-ebda ħajt li ma tixxabbatx miegħu, l-ebda baħar li ma tippruvax tbaħħar, l-ebda fruntiera li ma tippruvax taqsam jekk hija l-gwerra jew il-barbariżmu tal-hekk imsejjaħ Stat Iżlamiku li qed taħarab.

Għalhekk wasal iż-żmien li tittieħed azzjoni biex tkun ġestita l-kriżi tar-refuġjati. Ma hemm l-ebda alternattiva għal dan.

Kien hemm ħafna ppuntar tas-swaba’ f’dawn l-aħħar ġimgħat. L-Istati Membri akkużaw lil xulxin li ma għamlux biżżejjed jew li dak li kienu qed jagħmlu kien ħażin. U aktar iva milli le, is-swaba’ ġew ippuntati minn kapitali nazzjonali lejn Brussell.

Aħna lkoll nistgħu noqogħdu nirrabjaw dwar din il-logħba ta' ħtija. Iżda niddubita dan xi jservi. Ir-rabja ma tgħin lil ħadd. U t-tentattiv li titfa' t-tort fuq persuni oħra huwa sikwiet biss sinjal li l-politiċi ma jafux x'se jaqbdu jagħmlu meta ffaċċati b'avvenimenti mhux mistennija.

Minflok, għandna pjuttost niftakru dak li ġie miftiehem li jista' jgħin fis-sitwazzjoni attwali. Wasal iż-żmien li tingħata ħarsa lejn x’hemm fuq il-mejda u li nimxu bil-ħeffa ’l quddiem.

Aħna mhux qed nibdew mill-ġdid. Sa mill-bidu tas-snin 2000, il-Kummissjoni persistentement ressqet leġiżlazzjoni wara oħra, biex tinbena Sistema Ewropea Komuni tal-Asil. U l-Parlament u l-Kunsill adottaw din il-leġiżlazzjoni, biċċa, biċċa. L-aħħar biċċa leġiżlazzjoni għadha kif daħlet fis-seħħ f’Lulju 2015.

Madwar l-Ewropa issa għandna standards komuni dwar il-mod kif jintlaqgħu dawk li jfittxu l-asil, fir-rigward tad-dinjità tagħhom, għall-mod kif nipproċessaw l-applikazzjonijiet għall-ażil tagħhom, u għandna kriterji komuni użati mis-sistemi tal-ġustizzja indipendenti tagħna biex niddeterminaw jekk xi ħadd ikunx intitolat għal protezzjoni internazzjonali.

Iżda dawn l-istandards iridu jiġu implimentati u rrispettati fil-prattika. U jidher ċar li dan mhux il-każ, nistgħu naraw dan kuljum fuq it-televiżjoni. Qabel is-Sajf, il-Kummissjoni kellha tibda l-ewwel serje ta' 32 proċediment ta' ksur biex tfakkar lill-Istati Membri dwar dak li preċedentament kienu qablu li jagħmlu. U t-tieni serje se tibda fil-jiem li ġejjin. Il-liġijiet Ewropej għandhom jiġu applikati mill-Istati Membri kollha - dan għandu jkun ovvju f’Unjoni bbażata fuq l-istat tad-dritt.

Standards komuni tal-ażil huma importanti, iżda mhux biżżejjed biex ilaħħqu mal-kriżi tar-refuġjati kurrenti. Il-Kummissjoni, il-Parlament u l-Kunsill qalu dan fir-rebbiegħa. Il-Kummissjoni ressqet Aġenda Ewropea komprensiva dwar il-Migrazzjoni f’Mejju. U jkun diżonest li wieħed jgħid li ma ġara xejn iżjed minn dakinhar.

Aħna ttripplajna l-preżenza tagħna fuq il-baħar. Aktar minn 122,000 ħajja ġew salvati minn dakinhar. Kull ħajja mitlufa hija żejda, iżda ħafna aktar ġew salvati minn dawk li kieku inkella kienu jintilfu - żieda ta’ 250 %. Id-29 Stat Membru u l-pajjiżi assoċjati ta’ Schengen qed jipparteċipaw f’operazzjonijiet konġunti kkoordinati mill-Frontex fl-Italja, fil-Greċja u fl-Ungerija. 102 uffiċjali mistiedna minn 20 pajjiż; 31 bastiment; 3 ħelikopters; 4 inġenji tal-ajru bi ġwienaħ fissi; 8 vetturi tal-pattulja, 6 vetturi bil-viżjoni termika u 4 vetturi tat-trasport - din hija l-ewwel miżura ta’ solidarjetà Ewropea fl-azzjoni, għalkemm se jkollu jsir aktar.

Irduppjajna l-isforzi tagħna biex nittrattaw kuntrabandisti u nżarmaw gruppi ta’ traffikanti tal-bnedmin. Issa huwa aktar diffiċli li wieħed isib vapuri rħas, b'hekk hemm inqas nies li qed jirriskjaw ħajjithom f’dgħajjes nofs kedda li mhumiex tajbin għall-baħar. B’riżultat ta’ dan, ir-rotta tal-Mediterran Ċentrali stabbilizzat ruħha għal madwar 115,000 li waslu matul ix-xahar ta’ Awwissu, l-istess bħas-sena li għaddiet. Issa jeħtieġ li tinkiseb stabbilizzazzjoni simili fir-rotta tal-Balkani, li b'mod ċar twarrbet minn dawk kollha li jfasslu l-politika.

L-Unjoni Ewropea hija wkoll l-akbar donatur fl-isforzi globali biex tittaffa l-kriżi tar-refuġjati Sirjani. Madwar EUR 4 biljun ġew immobilizzati mill-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri f'assistenza umanitarja, għall-iżvilupp, għall-ekonomija u għall-istabilizzazzjoni lis-Sirjani f’pajjiżhom u lir-refuġjati u lill-komunitajiet ospitanti tagħhom fil-pajjiżi ġirien, il-Libanu, il-Ġordan, l-Iraq, it-Turkija u l-Eġittu. Fil-fatt, illum stess nedejna żewġ proġetti ġodda biex jipprovdu edukazzjoni u s-sigurtà alimentari għal 240,000 refuġjat Sirjan fit-Turkija.

Flimkien impenjajna ruħna li nirrisistemaw aktar minn 22,000 persuna minn barra l-Ewropa matul is-sena li jmiss, biex b'hekk nuru solidarjetà mal-ġirien tagħna. Naturalment, din tibqa’ somma modesta ħafna meta mqabbla mal-isforzi ġganteski li qed jagħmlu t-Turkija, il-Ġordan u l-Libanu, li qed jospitaw madwar 4 miljun refuġjat Sirjan. Ninsab imħeġġeġ li xi Stati Membri qed juru r-rieda tagħhom biex iżidu b’mod sinifikanti l-isforzi tagħna ta’ risistemazzjoni Ewropea. Dan se jippermettilna dalwaqt li nippreżentaw sistema strutturata biex tiġbor l-isforzi ta’ risistemazzjoni Ewropea b’mod aktar sistematiku.

Fejn l-Ewropa waqgħet lura b'mod ċar kien fis-solidarjetà komuni fir-rigward tar-refuġjati li waslu fuq it-territorju tagħna.

Għalija, huwa ċar li l-Istati Membri fejn ħafna mir-refuġjati jaslu l-ewwel - bħalissa dawn huma l-Italja, il-Greċja u l-Ungerija - ma jistgħux jitħallew weħidhom biex ilaħħqu ma’ din l-isfida.

Din hija r-raġuni għalfejn il-Kummissjoni diġà pproponiet mekkaniżmu ta’ emerġenza f’Mejju, biex inizjalment ikunu rilokati 40,000 persuna li jkunu qed ifittxu protezzjoni internazzjonali mill-Italja u mill-Greċja.

U din hija r-raġuni għaliex illum qegħdin nipproponu t-tieni mekkaniżmu ta’ emerġenza biex ikunu rilokati 120,000 mill-Italja, mill-Greċja u mill-Ungerija.

Dan jirrikjedi sforz qawwi fis-solidarjetà Ewropea. Qabel is-sajf, ma kellniex l-appoġġ mill-Istati Membri li kont qed nittama li jkollna. Iżda qed nara li l-affarijiet qed jinbidlu. U nemmen li wasal iż-żmien għal dan.

Nappella lill-Istati Membri biex jadottaw il-proposti tal-Kummissjoni dwar ir-rilokazzjoni ta' emerġenza ta' 160,000 refuġjat b'kollox waqt il-Kunsill Straordinarju tal-Ministri tal-Intern fl-14 ta’ Settembru.

Fl-imgħoddi l-Ewropa għamlet l-iżball li tiddistingwi bejn il-Lhud, il-Kristjani u l-Musulmani. M’hemmx reliġjon, jew twemmin, jew filosofija meta s-suġġett huwa r-refuġjati.

Issa neħtieġu azzjoni immedjata. Ma nistgħux inħallu lill-Italja, lill-Greċja u lill-Ungerija jkampaw weħedhom. Bħal ma kieku m'aħna se nħallu l-ebda Stat Membru jkampa waħdu. Għaliex, jekk illum in-nies qed jaħarbu mis-Sirja u mil-Libja, għada jistgħu faċilment ikunu qed jaħarbu mill-Ukrajna.

Tissottovalutawx l-urġenza. Tissottovalutawx l-importanza li naġixxu. Qed toqrob ix-xitwa - aħsbu fil-familji reqdin fil-parks u fl-istazzjonijiet ferrovjarji f’Budapest, fit-tined f’Traiskirchen, jew fuq il-plajjiet ta' Kos. X’se jsir minnhom fl-iljieli kesħin xitwin?

Naturalment, ir-rilokazzjoni weħidha mhux se ssolvi l-kwistjoni. Huwa minnu li jeħtieġ ukoll li nisseparaw aħjar lil dawk li għandhom bżonn ċar ta’ protezzjoni internazzjonali u, għaldaqstant, aktar probabbli li japplikaw għall-ażil b’suċċess; u dawk li qed jitilqu minn pajjiżhom għal raġunijiet oħra li ma jaqgħux taħt id-dritt ta’ asil. Din hija r-raġuni għaliex illum il-Kummissjoni qed tipproponi lista komuni tal-UE ta’ pajjiżi ta’ oriġini sigura. Din il-lista se tippermetti lill-Istati Membri li jħaffu l-proċedura ta' ażil għal persuni bin-nazzjonalità ta' pajjiżi li huma preżunti siguri biex wieħed jgħix fihom. Din l-assunzjoni ta' sikurezza, fl-opinjoni tagħna, għandha ċertament tapplika għall-pajjiżi kollha li dwarhom il-Kunsill Ewropew qabel b'mod unanimu li jissodisfaw il-kriterji bażiċi ta' Copenhagen għas-sħubija mal-UE - b'mod partikolari fir-rigward tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, u d-drittijiet fundamentali. Din għandha tapplika wkoll għal pajjiżi kandidati potenzjali oħra fil-Balkani tal-Punent, minħabba l-progress tagħhom lejn l-istatus ta’ kandidati.

Ovvjament, jien konxju li l-lista ta’ pajjiżi sikuri hija biss simplifikazzjoni proċedurali. Ma tistax tneħħi d-dritt fundamentali tal-ażil għall-persuni li jfittxu l-ażil mill-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Kosovo, il-Montenegro, is-Serbja u t-Turkija. Iżda hija tippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali biex jiffukaw fuq dawk ir-refuġjati li huma ħafna aktar probabbli li jingħataw asil, b'mod partikolari dawk mis-Sirja. U dan il-fokus huwa meħtieġ ħafna fis-sitwazzjoni kurrenti.

Nemmen ukoll li lil hinn mill-azzjoni immedjata meħtieġa biex jiġu indirizzati l-emerġenzi kurrenti, wasal iż-żmien li nħejju bidla fundamentali fil-mod li nittrattaw l-applikazzjonijiet għall-ażil - u b’mod partikolari s-sistema ta’ Dublin li tistipula li l-applikazzjonijiet għall-ażil jiġu ttrattati mill-ewwel pajjiż ta’ dħul.

Neħtieġu aktar Ewropa fil-politika tagħna dwar l-asil. Neħtieġu aktar Unjoni fil-politika tagħna dwar ir-refuġjati.

Politika verament Ewropea dwar l-ażil u r-refuġjati teħtieġ solidarjetà biex tkun ankrata fl-approċċ ta’ politika tagħna u fir-regoli tagħna. Huwa għalhekk li, llum, il-Kummissjoni qed tipproponi wkoll mekkaniżmu permanenti ta’ rilokazzjoni, li se jippermettilna li nindirizzaw sitwazzjonijiet ta’ kriżi aktar malajr fil-futur.

Politika komuni dwar ir-refuġjati u l-ażil teħtieġ approssimazzjoni ulterjuri tal-politiki dwar l-ażil wara li jkun ingħata l-istatus ta’ refuġjat. L-Istati Membri jeħtiġilhom jagħtu t-tieni daqqa t’għajn lejn il-politiki ta’ sapport, integrazzjoni u inklużjoni tagħhom. Il-Kummissjoni hija lesta li teżamina kif il-fondi tal-UE jistgħu jappoġġaw dawn l-isforzi. U jien naqbel bi sħiħ li l-applikanti għal ażil jitħallew jaħdmu u jaqilgħu l-flus tagħhom stess filwaqt li l-applikazzjonijiet tagħhom ikunu qed jiġu pproċessati.

Politika dwar l-ażil u r-refuġjati tirrikjedi wkoll aktar sforzi konġunti biex intejbu s-sigurtà tal-fruntieri esterni tagħna. Fortunatament, ma għadniex nużaw il-kontrolli fuq il-fruntieri bejn l-Istati Membri taż-żona Schengen, biex niggarantixxu l-moviment liberu tal-persuni, simbolu uniku tal-integrazzjoni Ewropea. Iżda l-perspettiva l-oħra tal-moviment liberu hija li rridu naħdmu flimkien aktar mill-qrib biex nimmaniġġjaw il-fruntieri esterni tagħna. Dan huwa dak li ċ-ċittadini tagħna jistennew. F'Mejju li għadda l-Kummissjoni qalet, u jien għidtha waqt il-kampanja elettorali tiegħi li: Jeħtiġilna nsaħħu l-FRONTEX b’mod sinifikanti u li niżviluppawha għal sistema kompletament operazzjonali ta' gwardja Ewropea tal-fruntieri u tal-kosta. Din hija ċertament fattibbli Iżda se tiswa l-flus. Il-Kummissjoni temmen li dawn huma flus investiti sew. Din hija r-raġuni għalfejn aħna se nipproponu passi ambizzjużi lejn Gwardja Ewropea tal-Fruntieri u tal-Kosta qabel tmiem is-sena.

Politika Ewropea dwar il-migrazzjoni verament unita tfisser ukoll li għandna bżonn neżaminaw l-ftuħ ta’ mezzi legali għall-migrazzjoni. Ejja nkunu ċari: dan mhux ser jgħin fl-indirizzar tal-kriżi kurrenti tar-refuġjati. Iżda jekk ikun hemm aktar toroq sikuri u kkontrollati miftuħa lejn l-Ewropa, nistgħu nimmaniġġjaw il-migrazzjoni aħjar u nagħmlu x-xogħol illegali tat-traffikanti tal-bnedmin inqas attraenti. Ejja ma ninsewx, li ninsabu f'kontinent li qed jixjieħ u li għaddej minn tnaqqis demografiku. Aħna se nkunu neħtieġu talent. Maż-żmien, il-migrazzjoni trid tinbidel minn problema li trid tiġi indirizzata għal riżorsa ġestita tajjeb Għal dan l-għan, il-Kummissjoni se tressaq pakkett tal-migrazzjoni legali mfassal sew kmieni fl-2016.

Soluzzjoni dejjiema naslu għaliha biss jekk nindirizaw l-għeruq tal-problema, ir-raġunijiet għalfejn bħalissa qed naffaċċjaw din il-kriżi serja ta' refuġjati. Il-politika barranija Ewropea tagħna trid tkun aktar assertiva. Ma nistgħux nibqgħu fid-dlam jew mifruda fir-rigward tal-gwerra jew tal-instabbiltà li qed iseħħu proprju fil-viċinat tagħna.

Fil-Libja, l-UE u l-Istati Membri tagħna jridu jaħdmu aktar mas-sħab reġjonali sabiex jiżguraw it-twaqqif malajr ta' Gvern b'Kunsens Nazzjonali. Irridu nkunu lesti biex ngħinu lil dan il-gvern, permezz tal-istrumenti disponibbli tal-UE, sabiex iwassal sigurtà u servizzi lill-popolazzjoni hekk kif jitwaqqaf. L-għajnuna umanitarja u għall-iżvilupp tal-UE tagħna trid tkun immedjata u komprensiva.

Nixtieq nirrimarka wkoll illi l-kriżi Sirjana daħlet fil-ħames sena tagħha, u għad ma hemmx tama li tispiċċa. S'issa, il-komunità internazzjonali naqset lill-poplu Sirjan. L-Ewropa naqset lill-poplu Sirjan.

Illum nagħmel appell għal assalt diplomatiku Ewropew biex jindirizza l-kriżijiet fis-Sirja u fil-Libja. Għandna bżonn Ewropa aktar b'saħħitha fil-qasam tal-politika barranija. Ninsab kuntent ferm illi Federica Mogherini, ir-Rappreżentant Għoli determinata tagħna, wittiet it-triq għal din l-inizjattiva bis-suċċess diplomatiku tagħha fit-taħditiet nukleari mal-Iran. U li hija lesta taħdem mill-qrib flimkien mal-Istati Membri tagħna lejn il-paċi u l-istabbiltà fis-Sirja u l-Libja.

Sabiex tiffaċilità x-xogħol ta' Federica, illum il-Kummissjoni qed tipproponi li twaqqaf Fond Fiduċjarju ta' emerġenza, li se jibda b'valur ta' EUR 1,8 biljun mill-mezzi finanzjarji komuni tagħna tal-UE biex jindirizza l-kriżijiet fir-reġunijiet tas-Saħel u tal-Lag taċ-Chad, fil-Qarn tal-Afrika u fit-Tramuntana tal-Afrika. Nixtiequ ngħinu fil-ħolqien ta' stabbiltà dejjiema, pereżempju bil-ħolqien tal-impjiegi, opportunitajiet fil-komunitajiet lokali, u b'hekk nindirizzaw l-għeruq tal-problemi tad-distabilizzazzjoni, iċ-ċaqliq sfurzat tal-popolazzjoni u l-immigrazzjoni illegali. Qed nistenna illi l-Istati Membri kollha jgħinuna u li jaqsmu l-ambizzjonijiet tagħna.

Ma rridx nagħti l-illużjoni illi l-kriżi tar-refuġjati se tintemm fil-futur qrib. Mhijiex. Iżda li nimbuttaw lura d-dgħajjes mill-mollijiet, nagħtu n-nar lill-kampijiet tar-refuġjati, jew li ninjoraw lin-nies foqra u batuti: din mhix l-Ewropa.

L-Ewropea huwa l-furnar f'Kos li jqassam il-ħobż tiegħu lil dawn l-erwieħ bil-ġuħ u għajjenin. L-Ewropa hija l-istudenti fi Munich u f'Passau li jġibu ħwejjeġ għal dawk li jkunu għadhom kemm waslu fl-istazzjon tal-ferrovija. L-Ewropea huma dak il-pulizija fl-Awstrija li jilqa' lir-refuġjati mkissra bl-għejja hekk kif jaqsmu l-fruntiera. Din hija l-Ewropa li rrid ngħix fiha.

Din il-kriżi hija ċara u qawwija u l-ħidma hija twila. Qed inserraħ fuqkom, f'dan il-Parlament, u fuq l-Istati Membri kollha biex turu kuraġġ Ewropew aħna u nimxu 'l quddiem, skont il-valuri komuni tagħna u l-istorja tagħna.

 

Bidu ġdid għall-Greċja, għaż-żona tal-ewro u għall-ekonomija Ewropea

Sur President, Onorevoli Membri,

Kont għedt li nixtieq nitkellem dwar il-kwistjonijiet il-kbar illum. Għalhekk dan id-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni jrid jindirizza s-sitwazzjoni fil-Greċja, kif ukoll it-tagħlimiet usa' li ħadna mill-ħames sena tal-kriżi Griega, li l-impatt tagħha għadu jinħass fiż-żona tal-ewro u fl-ekonomija u fis-soċjetà Ewropea kollha kemm hi.

Sa mill-bidu tas-sena, it-taħdidiet dwar il-Greċja poġġew pressjoni kbira fuq il-paċenzja tagħna. Tlifna ħafna ħin u ħafna fiduċja. Qtajna l-kuntatti. Intqal kliem li mhux faċli li wieħed imur lura minnu.

Rajna li ttieħdu pożizzjonijiet politiċi, u l-illitikar u l-insulti tfajru qisu xejn mhu xejn.

Bil-wisq frekwenti, rajna nies li jaħsbu li jistgħu jimponu l-fehmiet tagħhom mingħajr ma jqisu l-fehma ta' ħaddieħor.

Rajna demokraziji fiż-żona tal-ewro jintlagħbu kontra xulxin. L-irkupru u l-ħolqien tal-impjiegi li rajna s-sena l-oħra fil-Greċja sparixxew f'dawn l-aħħar xhur.

Kollettivament, missejna l-qiegħ.

U għal darba oħra huwa biss meta wasalna fix-xifer illi konna kapaċi naraw l-istampa kollha u li nerfgħu r-responsabbiltajiet tagħna.

Fl-aħħar, intlaħaq ftehim, l-impenji ġew imħarsa u implimentati. Il-fiduċja reġgħet bdiet tinkiseb, anke jekk għadha fraġli ħafna.

M'iniex kburi b'kull aspett tar-riżultati miksuba. Madankollu, ninsab kburi bit-timijiet tal-Kummissjoni Ewropea li ħadmu bil-lejl u bi nhar f'Awwissu, mingħajr waqfien, biex innaqqsu d-distakk bejn il-pożizzjonijiet kuntrastanti mmens u biex insibu soluzzjonijiet fl-interess tal-Ewropa u tal-poplu Grieg.

Naf li mhux kulħadd huwa kuntent b'dak li wettqet il-Kummissjoni.

Ħafna politiċi Griegi ma kienux kuntenti li nsistejna li jsiru riformi fil-Greċja, l-aktar fir-rigward tas-sistema ta' pensjonijiet insostenibbli u r-reġim ta' taxxa inġust.

Ħafna aktar politiċi Ewropew ma setgħux jifhmu għalfejn il-Kummissjoni kompliet bin-negozjati. Uħud ma setgħux jifhmu għalfejn ma ħallejnix it-taħditiet kollha f'idejn il-persunal tekniku tal-Fond Monetarju Internazzjonali. Oħrajn ma fehmux għalfejn kultant aħna tkellimna wkoll dwar il-lat soċjali tal-impenji tal-programm u biddilnihom biex jiġu kkunsidrati wkoll l-effetti fuq l-aktar persuni vulnerabbli fis-soċjetà. Jew illi jien għedt u erġajt għedt personalment illi l-ewro, u s-sħubija fiż-żona tal-ewro, hija maħsuba biex tkun irriversibbli.

 

Sur President, Onorevoli Membri,

Il-mandat tal-Kummissjoni fin-negozjati ma' pajjiż tal-programm bħall-Greċja għandu bażi ċara ħafna: huwa t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea li jsejjaħ lill-Kummissjoni biex tippromwovi l-interess komuni tal-Unjoni u biex tħares il-liġi. L-istess ligi tinkludi l-klawżola tat-Trattat, mifthiema bejn l-Istati Membri kollha, illi tistabbilixxi s-sħubija fiż-żona tal-ewro bħala irriversibbli.

Minħabba l-fatt li s'issa l-Istati Membri għadhom ma emendawx it-Trattati, jiena nemmen li l-Kummissjoni u l-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE għandhom mandat ċar u dover li jagħmlu dak kollu li huwa possibbli biex jippreservaw l-integrità taż-żona tal-ewro.

Il-Kummissjoni ġiet espliċitament fdata mit-Trattat dwar il-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà (MES), irratifikat mill-Istati Membri taż-żona tal-ewro kollha, bit-tmexxija ta' negozjati dwar programmi ma' Stat Membru. Dan irridu nagħmluh flimkien mal-Bank Ċentrali Ewropew u, fejn ikun possibbli, flimkien mal-Fond Monetarju Internazzjonali. Iżda għandna mandat ċar biex nagħmlu hekk.

Fejn it-Trattati jitkellmu dwar il-Kummissjoni, dan jien ninterpretah li jfisser li l-Kummissjoni hija istituzzjoni politikament immexxija mill-President u mill-Kulleġġ ta' Kummissarji. Din hija r-raġuni għalfejn ma ħallejtx illi t-taħditiet mal-Greċja jsiru biss mill-burokrazija tal-Kummissjoni, minkejja l-esperjenza kbira tagħhom u x-xogħol siewi li qed jagħmlu. Iżda tkellimt personalment u regolarment mal-esperti tagħna, spiss diversi drabi kuljum, biex intihom direzzjoni jew biex norqom xogħolhom. Żgurajt ukoll illi kull ġimgħa kienet tiġi mitħaddta fit-tul u fuq livell politiku serju s-sitwazzjonijiet dwar in-negozjati fil-Greċja matul il-laqgħat tal-Kulleġġ.

Dan għaliex din mhix kwistjoni teknika dwar jekk għandhiex tiżdied il-VAT, mhux biss fuq ir-ristoranti, iżda wkoll fuq l-ikel proċessat. Hija kwistjoni politika u soċjali.

Mhijiex kwistjoni teknika, iżda kwistjoni profondament politika, jekk iżżidx il-VAT fuq il-mediċini f'pajjiż fejn 30 % tal-popolazzjoni ma għadhiex koperta mis-sistema tas-saħħa pubblika bħala riżultat tal-kriżi. Jew jekk għandekx minflok tnaqqas mill-ispejjeż militari- f'pajjiż li baqa' jkollu spiża militari mill-aktar għoljin fl-UE.

Ċertament mhix kwistjoni teknika jekk għandekx tnaqqas il-pensjonijiet tal-ifqar nies fis-soċjetà jew il-paga minima; jew jekk għandekx iddaħħal taxxa fuq il-propjetarji ta' bastimenti Griegi.

Ċertament, il-figuri f'dak li huwa issa t-tielet programm Grieg kellhom ikunu ċari. Iżda rnexxielna nagħmlu dan wkoll billi żammejna f'moħħna l-ġustizzja soċjali. Ir-rapport tat-Trojka tal-Parlament Ewropew qrajtu bir-reqqa. Nittama li tistgħu taraw li ħadna tagħlima minn dan, li għamilna għall-ewwel darba valutazzjoni tal-impatt soċjali tal-programm. Anke jekk ikolli nammetti illi l-Kummissjoni kellha ssib ukoll kompromess f'dawn in-negozjati.

Għalija dak li jgħodd huwa li, fl-aħħar mill-aħħar, instab kompromess li dwaru setgħu jiftiehmu d-19-il Stat Membru taż-żona tal-ewro, inkluża l-Greċja.

Wara ġimgħat ta' taħditiet, progressi żgħar, diversi passi lura, ħafna mumenti ta' kriżi, u kultant doża tajba ta' drammatiċità, irnexxielna niffirmaw Programm ta' Għajnuna għall-Istabbiltà ġdid għall-Greċja fid-19 ta' Awwissu.

Issa li twaqqaf il-programm il-ġdid, nixtieq illi jkun ta' bidu ġdid, għall-Greċja u għaż-żona tal-ewro kollha kemm hi.

Ejjew inkun onesti ħafna: Għadna biss fil-bidu ta' vjaġġ ġdid u twil.

Għall-Greċja, il-qofol issa huwa l-implimentazzjoni tal-ftehim li ġie miftiehem. Irid ikun hemm sjieda politika wiesgħa ta' dan.

Il-mexxejja tal-partiti politiċi ewlenin Griegi kienu kollha miġbura fl-uffiċċju tiegħi qabel ma ġie konkluż il-ftehim finali. Ilkoll wiegħdu illi jappoġġjaw dan il-ftehim, u taw l-ewwel prova tal-impenn tagħhom meta vvutaw għall-programm il-ġdid u għall-ewwel tliet fażijiet ta' riformi fil-Parlament Grieg. Nistenna illi jżommu kelmthom u li jħaddmu l-ftehim - ikun min ikun fil-gvern. Il-Greċja għandha bżonn appoġġ mifrux u t-twettiq fil-ħin tar-riformi, sabiex terġa' lura l-fiduċja kemm fost il-poplu Grieg u fl-ekonomija Griega.

Il-programm huwa għodda, iżda mhux biżżejjed biex jerġa' jqiegħed lill-Greċja fit-triq tat-tkabbir sostenibbli. Il-Kummissjoni se tappoġġa lill-Greċja sabiex tiżgura li r-riformi jseħħu. U se nassistu lill-Greċja sabiex tiżviluppa strateġija ta' tkabbir li tkun tal-Griegi u mmexxija minnhom.

Ibda mill-immodernizzar tal-amministrazzjoni pubblika u l-indipendenza tal-awtorità tat-taxxa, il-Kummissjoni se tipprovdi assistenza teknika mfassla apposta għaliha, flimkien mal-għajnuna tas-sħab internazzjonali u dawk Ewropej. Dan se jkun id-dmir ewlieni tas-Servizz ta' Appoġġ għar-Riforma Strutturali li waqqaft f'Lulju.

Fil-15 ta' Lulju, il-Kummissjoni ppreżentat ukoll proposta biex tillimita l-kofinanzjament nazzjonali fil-Greċja u biex tipprovdi minn qabel fondi għal proġetti ta' investiment nieqsa mil-likwidità: pakkett ta' EUR 35 biljun għat-tkabbir. Dan huwa urġenti għat-tkabbir wara xhur ta' nixfa finanzjarja. Dawn il-flus se jilħqu lill-ekonomija reali Griega, għan-negozji u għall-awtoritajiet biex jinvestu u biex jimpjegaw.

Il-Kummissjoni ħadmet kuljum biex tippreżenta dan ix-xogħol. Il-Parlamenti Nazzjonali ltaqgħu diversi drabi matul ix-xahar ta' Awwissu. Għalhekk nittama illi l-Parlament Ewropew se jagħmel il-biċċa tiegħu, skont l-impenji preċedenti. Il-programm tagħna għat-tkabbir fil-Greċja ilu xahrejn fuq il-mejda ta' dan il-Parlament. Jekk jiġi adottat, xorta jkollhom jgħaddu diversi ġimgħat sakemm l-ewwel ewro jasal fl-ekonomija reali Griega.

Nistedinkom biex issegwu l-eżempju tal-Kunsill li se jilħaq ftehim dwar dan il-programm ta' tkabbir sal-aħħar ta' dan ix-xahar. Il-Parlament Ewropew għandu mill-inqas ikun rapidu daqs il-Kunsill.

 

Iktar 'il quddiem għedt illi nixtieq illi l-programm il-ġdid ikun ta' bidu ġdid mhux biss għall-Greċja iżda wkoll għaż-żona tal-ewro kollha, għaliex hemm lezzjonijiet importanti li nistgħu nitgħallmu minn din il-kriżi li tefgħet dalma kerha fuqna għal wisq żmien.

Is-sitwazzjoni ekonomika u soċjali titkellem għaliha nfisha: 'il fuq minn 23 miljun ruħ għadhom bla xogħol illum fl-Unjoni Ewropea, b'aktar minn nofshom bla xogħol għal aktar minn sena jew aktar. Fiż-żona tal-ewro nfisha, aktar minn 17,5 miljun ruħ ma għandhomx xogħol. L-irkupru tagħna huwa mfixkel mill-inċertezzi globali. Id-dejn tal-gvern fl-UE laħaq aktar minn 88 % tal-PDG bħala medja, u bħalissa fiż-żona tal-ewro jilħaq it-93 %.

Il-kriżi għadha ma ntemmitx. Li ġara huwa biss li kien hemm pawża.

Dan ma jfissirx illi mhu qed jiġri xejn. Il-figuri tal-qagħad qegħdin jitjiebu, il-PDG qiegħed jogħla bl-ogħla rata tiegħu wara ħafna snin, u l-kundizzjonijiet għall-finanzjament tal-unitajiet domestiċi u l-kumpaniji rkupraw b'mod sinifikanti. U diversi Stati Membri li xi darba kienu milquta ferm - bħal-Latvja, l-Irlanda, Spanja u l-Portugall - li rċevew għajnuna finanzjarja Ewropea, issa qegħdin ikabbru bil-mod u jikkonsolidaw l-ekonomiji tagħhom.

Dan huwa progress iżda l-irkupru qed iseħħ bil-mod wisq, huwa fraġli wisq u qed jiddependi wisq mis-sħab esterni tagħna.

B'mod aktar fundamentali, il-kriżi ħallietna b'differenzi kbar ħafna fiż-żona tal-ewro u fl-UE kollha. Hija għamlet ħsara lill-potenzjal tat-tkabbir tagħna. Hija żiedet max-xejra fit-tul ta' inugwaljanzi li kull ma jmur qed jiżdiedu. Dan kollhu qajjem dubji dwar il-progress soċjali, il-valur tal-bidla u l-mertu li nkunu magħquda.

Dak li jeħtieġ nagħmlu huwa li nerġgħu noħolqu proċess ta' konverġenza, kemm bejn l-Istati Membri u fi ħdan is-soċjetajiet, bil-produttività, il-ħolqien tal-impjiegi u l-ġustizzja soċjali fil-qofol tagħhom.

Għandna bżonn aktar Unjoni fl-Ewropa tagħna.

Għall-Unjoni Ewropea, u għall-Kummissjoni tiegħi b'mod partikolari, dan ifisser żewġ affarijiet: l-ewwel nett, investiment fis-sorsi tal-impjiegi u t-tkabbir tal-Ewropa, b'mod partikolari fis-Suq Uniku tagħna; u t-tieni net, it-tlestija tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja tagħna, biex noħolqu l-kundizzjonijiet għal irkupru dejjiemi. Aħna qiegħdin naħdmu fuqhom it-tnejn.

Flimkien miegħek u mal-Istati Membri, implimentajna l-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa ta' EUR 315-il biljun, b'Fond Ewropew ġdid għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS).

Inqas minn sena wara li ħabbart dan il-pjan, issa qiegħdin fi stat fejn użud mill-ewwel proġetti għadhom kif bdew iseħħu:

40,000 unità domestika fi Franza se jirċievu kont tad-dawl imnaqqas u se jinħolqu 6,000 impjieg ġdid grazzi għall-effiċjenza mtejba tal-enerġija fil-bini, iffinanzjata mill-Fond ta' Investiment.

Fi kliniki tas-saħħa f'Barċellona, se jkun disponibbli trattament aqwa lill-pazjenti permezz ta' terapiji ġodda ġejjin mill-plasma, iffinanzjati mill-Fond ta' Investiment.

F'Limerick u postijiet oħra ġewwa l-Irlanda, il-familji se jkollhom aċċess imtejjeb għas-servizzi tas-saħħa primarja u soċjali permezz ta' erbatax-il ċentru primarju tas-saħħa ġdid. Dan huwa biss il-bidu, b'ħafna aktar proġetti ta' din ix-xorti għadhom ġejjin.

Fl-istess żmien li nkunu qed nimplimentaw il-Pjan ta' Investiment tagħna, qed naġġornaw is-Suq Uniku tagħna biex noħolqu aktar opportunitajiet għan-nies u n-negozju fit-28 Stat Membru. Bis-saħħa tal-proġetti tal-Kummissjoni bħas-Suq Uniku Diġitali, l-Unjoni tas-Swieq Kapitali u l-Unjoni tal-Enerġija, qed innaqqsu l-ostakli għall-attivitajiet transkonfinali u nużaw l-iskala tal-kontinent tagħna biex nixprunaw l-innovazzjoni, ngħaqqdu t-talenti u noffru għażla usa’ ta' prodotti u servizz.

Iżda se nkunu nqasna fl-isforzi tagħna biex nimxu 'l quddiem jekk ma nkunux tgħallimna lezzjoni iebsa: għadna ma kkonvinċejnix lill-poplu tal-Ewropa u lid-dinja illi l-Unjoni tagħna mhix qiegħda biss biex ngħixu, iżda nistgħu ukoll immorru 'l quddiem u ngawdu.

Ejja ma nidħkux bina nfusna: in-nuqqas ta' kapaċità kollettiva tagħna biex nagħtu risposta ta' malajr u ċara għall-kriżi Griega f'dawn l-aħħar xhur dgħajfitna lkoll. Ikkawżat ħsara fil-fiduċja fil-munita unika tagħna u r-reputazzjoni tal-UE madwar id-dinja.

Wieħed ma jistax jieħu azzjoni jekk ma jkunx jaf fejn sejjer - għandna bżonn inkunu nafu fejn sejrin.

Din huwa l-qofol tar-rapport li kont ippreżentajt f'Ġunju mal-Presidenti l-oħra tal-istituzzjonijiet Ewropej dwar it-tlestija tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja tagħna.

Għaliha huwa minnu li ninkludi lill-President Schultz f'din il-ħidma importanti. Wara kollox, il-Parlament huwa l-qalba tad-demokrazija fuq livell Ewropew, hekk kif il-Parlamenti nazzjonali huma l-qalba tad-demokrazija fuq livell nazzjonali. Il-Parlament Ewropew huwa u għandu jibqa' l-Parlament taż-żona tal-ewro. U l-Parlament Ewropew, fir-rwol tiegħu bħala koleġiżlatur, se jkun inkarigat mid-deċiżjoni dwar l-inizjattivi l-ġodda li se tipproponi l-Kummissjoni fix-xhur li ġejjin biex inkomplu nkabbru l-Unjoni Ekonomika u Monetarja tagħna. Għalhekk inħossni kuntent illi għall-ewwel darba, ktibna mhux "Rapport ta' Erba' Presidenti" iżda "Rapport ta' Ħames Presidenti".

Minkejja x-xhur ta' taħditiet sa tard filgħaxija biex nilħqu ftehim għall-Greċja, aħna ktibna dan ir-rapport f'Mejju u Ġunju biex inwittu t-triq għal futur aktar b'saħħtu. Il-Ħames Presidenti tal-istituzzjonijiet ewlenin tal-UE ftiehmu dwar pjan direzzjonali li għandu jippermettilna nistabbilizzaw u nikkonsolidaw iż-żona tal-ewro sal-bidu tal-2017; u mbagħad, fuq il-bażi tal-konverġenza mġedda tal-ekonomiji tagħna, niksbu aktar riformi fundamentali u mmorru fejn nistgħu nimxu minn reżiljenza għall-kriżi lejn perspettivi ta' tkabbir ġodda.

Kif stennejna, ir-Rapport tal-Ħames Presidenti qajjem dibatittu mqanqal madwar l-Ewropa. Uħud jgħidu illi għandna bżonn gvern tal-ewro. Oħrajn jgħidu illi għandna bżonn aktar dixxiplina u rispett tar-regoli. Jiena naqbel mat-tnejn li huma: għandna bżonn responsabbiltà kollettiva, sens akbar tal-ġid komuni u rispett sħiħ u implimentazzjoni ta' xi jkun ġie miftiehem b'mod kollettiv. Iżda ma naqbilx illi dan ikun ifisser il-multiplikazzjoni tal-istituzzjonijiet jew li l-ewro jitħalla jaħdem b'mod awtomatiku, bħal li kieku istituzzjonijiet ġodda jew regoli maġiċi jistgħu jwasslu għal aktar riżultati jew riżultati aqwa.

Ma tistax tmexxi munita unika abbażi ta' regoli u statistiċi biss. Il-munita għandha bżonn valutazzjoni politika kontinwa, bħala l-bażi tal-għażliet ġodda fil-politika ekonomika, fiskali u soċjali.

Ir-Rapport tal-Ħames Presidenti jinkludi aġenda mimlija xogħol għas-snin li ġejjin, u jien rrid li naġixxu malajr fuq kull qasam - l-Unjoni ekonomika, finanzjarja, fiskali u politika. Xi sforzi se jkollhom jiffukaw fuq iż-żona tal-ewro, filwaqt li oħrajn għandhom ikunu miftuħa għat-28 Stat Membru kollha, minħabba l-interazzjoni mill-qrib tagħhom mas-Suq Uniku tagħna.

Ippermettuli nindika ħames oqsma fejn il-Kummissjoni se tippreżenta rapidament proposti ambizzjużi fejn qed nistennew progress diġà fil-Ħarifa.

L-ewwel: il-Ħames Presidenti ftiehmu illi għandna bżonn sistema komuni biex niżguraw illi l-flus imfaddla l-bank taċ-ċittadini jkunu dejjem protetti sa limitu ta' EUR 100,000 għal kull persuna u għal kull kont. Din hija l-parti nieqsa fl-Unjoni Bankarja tagħna.

Illum, dawn l-iskemi ta' protezzjoni jeżistu, iżda huma kollha fuq livell nazzjonali. Għandna bżonn sistema aktar Ewropea, maqtugħa mill-portmoni tal-gvern sabiex iċ-ċittadini jistgħu jkunu assolutament ċerti illi l-flus imfaddla tagħhom huma mħarsa.

Ilkoll rajna x'ġara fil-Ġreċja matul is-sajf: Iċ-ċittadini kienu - u bir-raġun- qegħdin joħroġu flushom mill-bank għaliex kellhom ftit fiduċja u tama fil-kapaċità finanzjarja tal-Istat biex jappoġġja s-sistema bankarja. Dan irid jinbidel.

Hemm bżonn urġenti ta' sistema komuni ta' garanziji tad-depożiti, u l-Kummissjoni se tippreżenta proposta leġiżlattiva dwar l-ewwel passi f'din id-direzzjoni qabel l-aħħar tas-sena.

Naturalment konxju tal-fatt illi għad ma hemmx qbil f'dan ir-rigward. Iżda naf ukoll illi ħafna minnkom huma konvinti daqsi tal-bżonn li nimxu 'l quddiem. Lil dawk li huma aktar xettiċi ngħidilhom: il-Kummissjoni taf bis-sħiħ illi hemm differenzi fil-pożizzjonijiet tal-bidu tal-Istati Membri. Uħud żviluppaw u ffinanzjaw sew is-sistemi nazzjonali tagħhom ta' assigurazzjoni tad-depożiti. Oħrajn għadhom qed jibnuhom dawn is-sistemi. Għandna bżonn nikkunsidraw dawn id-differenzi. Għalhekk ir-Rapport tal-Ħames Presidenti jsejjaħ mhux għall-mutwalizzazzjoni sħiħa, iżda għal approċċ ġdid permezz ta' sistema ta' riassigurazzjoni Se nippreżentaw aktar dettalji f'dan ir-rigward fil-ġimgħat li ġejjin.

It-Tieni: Neħtieġu rappreżentazzjoni aktar b'saħħitha tal-ewro fix-xena globali. Kif inhuwa possibbli li ż-żona tal-ewro, li hija t-tieni l-akbar munita fid-dinja, għadha ma tistax titkellem b'vuċi waħda dwar affarijiet ekonomiċi fl-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali?

Immaġinaw lilkom infuskom għal mument fil-ħidma ta' kuljum tal-Fond Moneterju Internazzjonali. Ilkoll nafu kemm huwa importanti l-FMI. Madankollu, minflok jitkellmu b'vuċi waħda bħala ż-żona tal-ewro, il-Belġju u l-Lussemburgu jridu jiftiehmu dwar il-pożizzjoni tal-vot tagħhom mal-Armenja u l-Iżrael; u Spanja tinsab f'kostitwenza konġunta mal-pajjiżi tal-Amerika Latina.

Kif jista' jkun li aħna - Ewropej - flimkien aħna azzjonisti kbar ta' istituzzjonijiet globali bħall-FMI u l-Bank Dinji u xorta waħda nispiċċaw naġixxu bħala minoranza?

Kif jista' jkun li Bank tal-Investiment tal-Infrastruttura strateġikament importanti ġie maħluq fl-Asja, u l-gvernijiet Ewropej, minflok ma jikkoordinaw l-isforzi tagħhom, jinsabu f'tellieqa min minnhom se jkun l-ewwel wieħed li jsir membru?

Jeħtieġ li nsiru adulti u nibdew inpoġġu l-interessi komuni tagħna qabel dawk nazzjonali. Għalija, il-President tal-Grupp tal-Ewro jrid ikun il-kelliem newtrali taż-żona tal-ewro fl-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, bħall-FMI.

It-Tielet: neħtieġu sistema aktar effettiva u demokratika ta' sorveljanza ekonomika u fiskali. Irrid li dan il-Parlament, il-Parlamenti nazzjonali, kif ukoll is-sħab soċjali fil-livelli kollha, ikollhom rwol ewlieni fil-proċess. Irrid ukoll li l-interess taż-żona tal-ewro kollha kemm hi jkun rifless aħjar bil-quddiem fil-politiki tal-UE u nazzjonali: l-interess kollettiv mhuwiex biss is-somma tal-partijiet tiegħu. Dan se jkun rifless fil-proposti sabiex nissimplifikaw u nsaħħu aktar is-Semestru Ewropew tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika.

Fil-futur, ma rridx li r-rakkomandazzjonijiet tagħna għall-orjentazzjoni ekonomika għaż-żona tal-ewro kollha kemm hi jkunu kliem fieragħ.

Ir-Raba': jeħtieġ li nagħmlu l-politiki tat-taxxa tagħna aktar ekwi. Dan jitlob aktar trasparenza u ekwità, għaċ-ċittadini u l-kumpaniji. Ippreżentajna Pjan ta' Azzjoni f'Ġunju, li l-bażi tiegħu hija dan li ġej: il-pajjiż fejn kumpanija tiġġenera l-profitti tagħha jrid ikun ukoll il-pajjiż fejn tiġi intaxxata.

Pass wieħed lejn din il-mira tkun il-ħidma tagħna għal Bażi Komuni Konsolidata tat-Taxxa Korporattiva. Din is-simplifikazzjoni tagħmel l-evitar tat-taxxa aktar diffiċli.

Qegħdin ukoll naħdmu ħafna mal-Kunsill sabiex nikkonkludu ftehim dwar l-iskambju awtomatiku tal-informazzjoni dwar id-deċiżjonijiet tat-taxxa sa tmiem is-sena.

Fl-istess waqt, nistennew li l-investigazzjonijiet tagħna fl-iskemi nazzjonali differenti jagħtu r-riżultati malajr ħafna.

U qegħdin niġġieldu bil-qawwa biex l-Istati Membri jadottaw il-modalitajiet ta' Taxxa fuq it-Tranżazzjonijiet Finanzjarji sa tmiem is-sena.

Neħtieġu aktar Ewropa, neħtieġu aktar Unjoni, u neħtieġu aktar ġustizzja fil-politika tat-taxxa tagħna.

Il-Ħames: Irridu nżidu l-ħidma tagħna favur suq tax-xogħol ġust u tassew pan-Ewropew. Il-ġustizzja f'dan il-kuntest tfisser li nippromwovu u nħarsu l-moviment ħieles taċ-ċittadini bħala dritt fundamentali tal-Unjoni tagħna, filwaqt li nevitaw il-każijiet ta' abbużi u r-riskji ta' dumping soċjali.

Il-mobilità tal-ħaddiema hija tajba u meħtieġa sabiex iż-żona tal-ewro u s-suq uniku jkunu suċċess. Iżda l-mobilità tal-ħaddiema trid tkun ibbażata fuq regoli u prinċipji ċari. Il-prinċipju ewlieni jrid ikun li niżguraw l-istess paga għall-istess xogħol fl-istess post.

Bħala parti minn dawn l-isforzi, se nkun irrid niżviluppa pilastru Ewropew tad-drittijiet soċjali, li jqis il-bidla fir-realtajiet fis-soċjetajiet tal-Ewropa u fid-dinja tax-xogħol. U li jista' jservi bħala kumpass għall-konverġenza mġedda fiż-żona tal-ewro.

Dan il-pilastru Ewropew tad-drittijiet soċjali għandu jikkumplimenta dak li aħna ksibna flimkien rigward il-protezzjoni tal-ħaddiema fl-UE. Nistenna li l-partijiet soċjali jkollhom rwol ċentrali f'dan il-proċess. Nemmen li nagħmlu tajjeb li nibdew b'din l-inizjattiva fiż-żona tal-ewro, filwaqt li nippermettu lill-Istati Membri tal-UE l-oħra jingħaqdu magħha jekk ikunu jridu.

Kif intqal fir-Rapport tal-Ħames Presidenti, se nkunu neħtieġu wkoll li nħarsu 'l quddiem lejn passi aktar fundamentali fir-rigward taż-żona tal-ewro. Il-Kummissjoni se tippreżenta White Paper dwar dan fir-rebbiegħa tal-2017.

Iva, eventwalment se nkunu neħtieġu li nwaqqfu Teżor taż-Żona tal-Ewro li jkun responsabbli fil-livell Ewropew. U nemmen li dan irid jinbena fuq il-Mekkaniżmu Ewropew tal-Istabbiltà li ħloqna matul il-kriżi, li għandu volum ta' kreditu potenzjali ta' EUR 500 biljun, riżerva li hija importanti daqs dik tal-FMI. Il-MES irid progressivament jassumi funzjoni ta' stabbilizzazzjoni makroekonomika aktar wiesgħa sabiex ikun jista' jindirizza aħjar ix-xokkijiet li ma jistgħux jiġu mmaniġġati fil-livell nazzjonali biss. Se nħejju t-triq sabiex dan iseħħ fit-tieni nofs ta' dan il-mandat.

L-Unjoni Ewropea hija proġett dinamiku. Proġett maħsub biex iservi l-poplu tiegħu. Ma hemmx rebbieħa u telliefa. Ilkoll kemm aħna nieħdu lura aktar milli ħriġna. Huwa proġett wieħed komprensiv. Dan huwa wkoll messaġġ għas-sħab tagħna fir-Renju Unit, li jinsabu f'moħħi meta naħseb dwar l-isfidi politiċi l-kbar tax-xhur li ġejjin.

 

Arranġament ġust għar-Renju Unit

Minn meta ħadt il-kariga tiegħi, l-affarijiet saru aktar ċari fir-rigward tar-Renju Unit: qabel tmiem l-2017, se jkun hemm referendum dwar jekk ir-Renju Unit jibqax parti mill-Unjoni jew le. Din naturalment se tkun deċiżjoni għall-votanti fir-Renju Unit. Iżda ma jkun la onest u lanqas realistiku jekk ngħidu li din id-deċiżjoni mhix se tkun ta' importanza strateġika għall-Unjoni kollha kemm hi.

Dejjem għidt li nixtieq lir-Renju Unit jibqa' fl-Unjoni Ewropea. U li rrid naħdem flimkien mal-gvern tar-Renju Unit sabiex niksbu arranġament ġust għar-Renju Unit.

Ir-Renju Unit qiegħed jistaqsi mistoqsijiet fundamentali lill-UE u dwarha. Jekk l-UE tipprovdix prosperità għaċ-ċittadini tagħha. Jekk l-azzjoni tal-UE hijiex iffukata fuq dawk l-oqsma fejn tista' tagħti r-riżultati. Jekk l-UE hijiex miftuħa għall-bqija tad-dinja.

Dawn huma mistoqsijiet li l-UE għandha tweġibiet għalihom, u mhux biss minħabba r-Renju Unit. It-28 Stat Membru tal-UE kollha jridu li l-UE tkun moderna u ffukata għall-ġid taċ-ċittadini kollha tagħha. Ilkoll naqblu li l-UE trid tadatta u tinbidel fid-dawl tal-isfidi ewlenin u l-kriżi li qed niffaċċjaw bħalissa.

Huwa għalhekk li qegħdin inlestu l-ħidma fuq is-Suq Uniku, inneħħu l-burokrazija żejda, u ntejbu l-klima tal-investiment għan-negozji ż-żgħar.

Huwa għalhekk li qed noħolqu Suq Uniku Diġitali - sabiex naraw li fejn tkun qiegħed fl-UE ma jagħmilx differenza għall-prezz li tħallas meta tibbukkja karozza onlajn. Qed nimmodernizzaw ir-regoli tad-dritt tal-awtur tal-UE - sabiex inżidu l-aċċess tan-nies għall-kontenut kulturali onlajn filwaqt li niżguraw li l-awturi jirċievu remunerazzjoni ġusta. U kien biss xahrejn ilu li l-UE qablet li tabolixxi l-ħlas għal roaming sa mis-Sajf tal-2017, żvilupp li bosta turisti u vjaġġaturi, partikolarment mir-Renju Unit, ilhom jitolbu għal snin sħaħ.

Huwa għalhekk li qed ninnegozjaw ftehimiet ta' kummerċ, bħal ma hija s-Sħubija Trans-Atlantika ta’ Kummerċ u ta’ Investiment, ma' nazzjonijiet ewlenin. Huwa għalhekk li qegħdin nikkonkludu ftehimiet ta' kummerċ ma' pajjiżi ewlenin, niftħu s-swieq u nwaqqgħu l-ostakli għan-negozji u l-ħaddiema fit-28 Stat Membru tal-UE.

Huwa l-impenn personali ħafna tiegħi li ntejjeb il-mod li bih l-Unjoni taħdem mal-Parlamenti nazzjonali. Stabbilixxejt dmir li ninteraġixxu aktar mill-qrib mal-Parlamenti nazzjonali fl-ittri ta' missjoni tal-Membri kollha tal-Kummissjoni tiegħi. Ninsab konvint li t-tisħiħ tar-relazzjoni tagħna mal-Parlamenti nazzjonali se jressaq l-Unjoni aktar qrib tan-nies li hija sservi. Din hija ambizzjoni li naf li jikkondividi wkoll David Cameron. Ninsab kunfidenti li se nkunu nistgħu nsibu risposta komuni.

Aktar minn sena ilu, meta kont qiegħed fil-kampanja tiegħi biex insir President tal-Kummissjoni, għamilt wegħda li, bħala President, kont se naħdem għal arranġament ġust għar-Renju Unit. Arranġament li huwa ġust għar-Renju Unit. U li huwa ġust ukoll għas-27 Stati Membri l-oħra.

Irrid niżgura li nippreżervaw l-integrità ta' kull waħda mill-erba' libertajiet tas-Suq Uniku u li fl-istess ħin insibu modi sabiex nippromwovu l-integrazzjoni taż-Żona tal-Ewro sabiex insaħħu l-Unjoni Ekonomika u Moneterja.

Biex ikun ġust mar-Renju Unit, parti minn dan l-arranġament irid ikun li nirrikonoxxu r-realtà li mhux l-Istati Membri kollha jieħdu sehem fl-oqsma kollha tal-politika tal-UE. Protokolli speċjali jiddefinixxu l-pożizzjoni tar-Renju Unit, pereżempju fir-rigward tal-ewro u tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni. Biex inkunu ġusti mal-Istati Membri l-oħra, l-għażliet tar-Renju Unit ma jridux iwaqqfuhom milli jintegraw aktar fejn jidhrilhom li huwa xieraq.

Se nfittex arranġament ġust għar-Renju Unit. Se nagħmel dan għal raġuni waħda u waħda biss: għaliex nemmen li l-UE hija aħjar jekk ikollha lir-Renju Unit fiha u li r-Renju Unit huwa aħjar fl-UE.

F'oqsma ewlenin, nistgħu niksbu ħafna aktar billi naġixxu b'mod kollettiv, milli kieku naġixxu waħedna. Dan huwa partikolarment il-każ għall-isfidi kbar tal-politika barranija li l-Ewropa qegħda tiffaċċa bħalissa u li se nindirizza fil-parti li jmiss ta' dan id-diskors.

 

Magħqudin spalla ma' spalla mal-Ukrajna

L-Ewropa hija parti żgħira mid-dinja. Jekk għandna xi ħaġa x'noffru, dan hu l-għarfien u t-tmexxija tagħna.

Madwar seklu ilu, wieħed minn kull ħamsa tal-popolazzjoni tad-dinja kienu fl-Ewropa; illum dik iċ-ċifra hija wieħed minn kull disgħa; fi żmien seklu ieħor se tkun wieħed minn kull ħamsa u għoxrin.

Nemmen li nistgħu, u li għandna, inwettqu r-rwol tagħna fix-xena internazzjonali; mhux għall-vanità tagħna, iżda għaliex għandna xi ħaġa x'noffru. Nistgħu nuru lid-dinja s-saħħa li tiġi mill-għaqda u l-interess strateġiku f'li naġixxu flimkien. Qatt ma kien hemm żmien aktar urġenti jew importanti biex nagħmlu dan.

Għandna aktar minn 40 kunflitt attiv għaddej fid-dinja bħalissa. Filwaqt li jinsabu għaddejjin dawn il-kunflitti, filwaqt li familji qegħdin jitkissru u d-djar jitwaqqgħu, ma nistax niġi quddiemkom, kważi 60 sena wara t-twelid tal-Unjoni Ewropea u nħabbrilkom il-paċi. Għax id-dinja mhijiex fil-paċi.

Jekk irridu nippromwovu dinja aktar paċifika, neħtieġu aktar Ewropa u aktar Unjoni fil-politika barranija tagħna. Dan huwa l-aktar urġenti fir-rigward tal-Ukrajna.

L-isfida li ngħinu lill-Ukrajna sabiex tissopravvivi, tirriforma u timxi 'l quddiem hija waħda Ewropea. Fl-aħħar mill-aħħar, il-ħolma tal-Ukrajna, il-ħolma ta' Maidan hija Ewropea: li wieħed jgħix f'pajjiż modern, f'ekonomija stabbli, f'sistema politika b'saħħitha u ġusta.

Matul l-aħħar tnax-il xahar, sirt naf tajjeb lill-President Poroshenko, f'Summit, għall-ikel fid-dar tiegħu, waqt bosta laqgħat u telefonati. Huwa beda trasformazzjoni ta' pajjiżu. Qiegħed jiġġieled għall-paċi. Jistħoqqlu l-appoġġ tagħna.

Diġà għamilna ħafna, slifna EUR 3,41 biljun fi tliet programmi ta' Assistenza Makrofinanzjarja, għinna biex jiġi nnegozjat ftehim li se jiggarantixxi l-provvisti tal-gass tal-Ukrajna fix-xitwa u tajna pariri dwar ir-riforma tal-ġudikatura. L-UE u l-Istati Membri kollha tagħha jridu jikkontribwixxu jekk irridu nirnexxu.

Jeħtieġ ukoll li nżommu l-unità tagħna.

Neħtieġu għaqda f'dak li għandu x'jaqsam mas-sigurtà tal-Istati Membri tal-Lvant tagħna, b'mod partikolari il-Baltiċi. Is-sigurtà u l-fruntieri tal-Istati Membri tal-UE ma jintmessux. Irrid li dan jinftiehem b'mod ċar ħafna f'Moska .

Għandna bżonn aktar għaqda fir-rigward tas-sanzjonijiet. Is-sanzjonijiet li l-UE imponiet fuq ir-Russja kellhom prezz għal kull waħda mill-ekonomiji tagħna, u riperkussjonijiet f'setturi importanti, bħall-agrikoltura. Iżda s-sanzjonijiet huma għodda b'saħħitha sabiex tiġi kkonfrontata l-aggressjoni u l-ksur tad-dritt internazzjonali. Huma politika li jeħtieġ li titkompla sakemm il-Ftehimiet ta' Minsk jiġu rrispettati b'mod sħiħ. Jeħtieġ li nipperseveraw u nżommu l-unità tagħna.

Iżda rridu wkoll inkomplu nfittxu s-soluzzjonijiet.

Tkellimt mal-President Putin fi Brisbane fil-G20, f'laqgħa bilaterali li baqgħet għaddejja sas-sigħat bikrin ta' filgħodu. Ftakarna kemm kien ilna nafu lil xulxin, u kemm kienu nbidlu ż-żminijiet. Spirtu ta' kooperazzjoni bejn l-UE u r-Russja ġie sostitwit minn suspett u sfiduċja.

L-UE trid turi lir-Russja l-prezz tal-konfrontazzjoni iżda trid ukoll tagħmilha ċara li hija lesta tiddjaloga.

Ma rridx Ewropa li tibqa' lura milli twettaq ir-rwol tagħha fl-istorja. Irrid Ewropa li tmexxi. Meta l-Unjoni Ewropea tkun magħquda, nistgħu nibdlu d-dinja.

 

Magħquda fit-Tmexxija tal-Indirizzar tat-Tibdil fil-Klima

Eżempju wieħed ta' fejn l-Ewropa diġà qiegħda tmexxi huwa l-azzjoni tagħna dwar it-tibdil fil-klima.

Fl-Ewropa lkoll nafu li t-tibdil fil-klima huwa sfida globali maġġuri - u dan ilna nafuh għal perjodu ta' żmien.

Il-pjaneta li naqsmu flimkien - l-atmosfera u l-klima stabbli tagħha - ma tistax tlaħħaq mal-użu li qiegħed jagħmel minnha l-bniedem.

Xi partijiet tad-dinja qegħdin jgħixu lil hinn mill-mezzi tagħhom, u qed joħolqu d-dejn tal-karbonju u jgħixu minnu. Kif nafu mill-ekonomija u mill-ġestjoni tal-kriżijiet, li ngħixu lil hinn mill-mezzi tagħna mhuwiex komportament sostenibbli.

In-natura mhix se ddum ma tibgħatilna l-kont. F'xi partijiet tad-dinja, it-tibdil fil-klima qiegħed ibiddel is-sorsi ta' kunflitt - il-kontroll ta' diga jew ta' lag jistgħu jkunu aktar strateġiċi minn raffinerija taż-żejt.

It-tibdil fil-klima huwa saħansitra wieħed mill-kawżi ta' bażi ta' fenomenu ġdid tal-migrazzjoni. Ir-rifuġjati tal-klima se jsiru sfida ġdida - jekk ma niħdux azzjoni bla dewmien.

Id-dinja se tiltaqa' f'Pariġi fi żmien 90 jum sabiex tiftiehem dwar azzjoni sabiex it-temperatura globali ma titħalliex togħla b'aktar minn żewġ gradi Celsius. L-UE tinsab fit-triq it-tajba u għamlet impenn ċar f'Marzu li għadda: mira vinkolanti u li tapplika għall-ekonomija kollha ta' tnaqqis tal-emissjonijiet ta' mill-anqas 40% sal-2030, imqabbla mal-livelli tal-1990. Din hija l-aktar kontribuzzjoni ambizzjuża ppreżentata sa issa.

L-oħrajn qegħdin isegwu, xi wħud kontra qalbhom.

Irrid inkun ċar ħafna mas-sħab internazzjonali tagħna: l-UE mhijiex se tiffirma kwalunkwe ftehim, ikun xi jkun. Il-prijorità tiegħi, il-prijorità tal-Ewropa, hija li nadottaw ftehim globali dwar il-klima ambizzjuż, robust u vinkolanti.

Huwa għalhekk li l-Kummissjoni tiegħi u jien qattajna parti minn din l-ewwel sena naħdmu biex niksbu appoġġ għal din l-ambizzjoni f'Pariġi. F'Mejju li għadda kont f'Tokjo fejn stedint lill-Prim Ministru Abe sabiex jaħdem flimkien magħna biex niżguraw li Pariġi tkun suċċessur denju ta' Kjoto.

F'Ġunju fis-summit tal-G7, il-mexxejja qablu li jiżviluppaw strateġiji fit-tul dwar l-użu baxx tal-karbonju u jabbandunaw il-fjuwils fossili sa tmiem is-seklu.

Aktar tard, iltqajt mal-Prim Ministru Ċiniż Li Keqiang sabiex nippreparaw għal Pariġi u se nniedu sħubija sabiex niżguraw li l-ibliet ta' llum ikunu mfassla biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-enerġija u l-klima ta' għada.

U, f'koordinazzjoni mar-Rappreżentant Għoli, il-membri tal-Kulleġġ kienu impenjati fi sforzi ta' diplomazija tal-klima. Illum, il-Kummissarju Arias Cañete jinsab f'Papua New Guinea biex jiddiskuti l-pjanijiet għal Pariġi mal-mexxejja tal-Forum tal-Gżejjer tal-Paċifiku. Jekk ma titteħidx azzjoni korrettiva biex tindirizza t-tibdil fil-klima, il-livell tal-baħar se jogħla u dawk il-gżejjer se jkunu l-ewwel vittmi.

Madankollu, jekk f'Pariġi niksbu r-riżultati, l-umanità għall-ewwel darba se jkollha sistema internazzjonali sabiex tiġġieled it-tibdil fil-klima b'mod effiċjenti.

Pariġi se tkun il-waqfa li jmiss imma mhux l-aħħar waħda. Hemm Triq lejn Pariġi; imma hemm ukoll Triq minn Pariġi.

Il-Kummissjoni tiegħi se taħdem sabiex tiżgura li l-Ewropa tkompli tkun fuq quddiem fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Se nipprattikaw dak li nippridkaw.

Ma għandniex xi arma sigrieta biex nindirizzaw it-tibdil fil-klima. Imma l-liġijiet tagħna, bħall-Iskema tal-Kummerċ tal-Emissjonijiet, u l-azzjonijiet tagħna ppermettewlna li nnaqqsu l-emissjonijiet tal-karbonju filwaqt li nkomplu nkabbru l-ekonomija tagħna.

Il-politika dwar it-tibdil fil-klima tagħna li tħares 'il quddiem qiegħda wkoll tagħti r-riżultati fir-rigward tal-miri tal-Unjoni tal-Enerġija tant meħtieġa tagħna: qiegħda tagħmilna mexxej dinji fis-settur tal-enerġija li tiġġedded, li llum jimpjega aktar minn miljun persuna madwar l-UE u jiġġenera fatturat ta' EUR 130 biljun, inkluż EUR 35 biljun f'esportazzjonijiet. Il-kumpaniji Ewropej illum għandhom 40% tal-privattivi kollha għat-teknoloġiji li jiġġeddu u l-pass tat-tibdil teknoloġiku jżid il-potenzjal għal kummerċ globali ġdid fit-teknoloġija ekoloġika.

Huwa għalhekk li qed ikun hemm enfasi strateġika fuq l-innovazzjoni u biex ngħaqqdu is-swieq tagħna fl-implimentazzjoni tal-Unjoni tal-Enerġija.

Huwa dan li wegħidtkom is-sena li għaddiet u huwa dan li l-Kummissjoni wettqet u se tkompli twettaq.

Il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima mhix se tintrebaħ jew tintilef fid-diskussjonijiet diplomatiċi fi Brussell jew Pariġi. Se tintrebaħ jew tintilef fit-territorju u fl-ibliet fejn il-biċċa l-kbira tal-Ewropej jgħixu, jaħdmu u jużaw madwar 80% tal-enerġija prodotta fl-Ewropa.

Huwa għalhekk li tlabt lill-President Schulz sabiex jospita l-Laqgħa tas-Sindki li se tiltaqa' fil-Parlament ix-xahar id-dieħel, u li se tlaqqa' flimkien aktar minn 5,000 sindku Ewropew. Dawn kollha impenjaw ruħhom li jilħqu l-objettiv tal-UE għat-tnaqqis tas-CO2. Nittama li l-membri kollha ta' din il-Kamra se jagħtu l-appoġġ tagħhom għall-azzjoni li l-komunitajiet u l-lokalitajiet madwar l-Ewropa qed jieħdu sabiex jagħmlu lil Pariġi u s-segwitu tagħha suċċess.

 

Konklużjoni

Sur President, Onorevoli Membri,

Kien hemm ħafna affarijiet oħra li ma semmejtx u li ma stajtx insemmi llum. Pereżempju, xtaqt inkellimkom dwar Ċipru u t-tama, l-ambizzjoni u x-xewqa tiegħi li nara l-gżira magħquda s-sena d-dieħla. Wara li ltqajt għal taħdidiet twal mal-Presidenti Nikos Anastasiades u Mustafa Akinci f'nofs il-Linja l-Ħadra f'Lulju, jien kunfidenti li, bil-viżjoni u r-rieda politika neċessarji miż-żewġ mexxejja, dan huwa fattibbli fil-kundizzjonijiet preżenti u bit-tkomplija ta' koordinazzjoni tajba bejn l-isforzi tan-NU u tal-UE. Se noffri l-appoġġ u l-assistenza kollha tiegħi sabiex ngħin biex jinkiseb dan l-objettiv. Għaliex nemmen li l-ħitan u ċ-ċnut ma għandhomx post fi Stat Membru tal-UE.

Ma tkellimtx dwar il-bdiewa tal-Ewropa li kienu qed jipprotestaw din il-ġimgħa fi Brussell. Naqbel magħhom li hemm xi ħaġa ħażina fis-suq meta il-prezz ta' litru ħalib huwa irħas minn kemm jiswa litru ilma. Però ma naħsibx li nistgħu jew li għandna nibdew il-mikrommaniġġjar tas-suq tal-ħalib minn Brussell. Għandna nikkumpensaw il-bdiewa li qed isofru mill-effetti tas-sanzjonijiet kontra r-Russja. U huwa għalhekk li l-Kummisjoni qed tpoġġi fuq il-mejda pakkett ta' solidarjetà ta' EUR 500 miljun għall-bdiewa. U l-awtoritajiet nazzjonali u Ewropej tal-kompetizzjoni għandhom jagħtu ħarsa mill-qrib lejn l-istruttura tas-suq. Hemm xi ħaġa li mhix tiffunzjona fis-suq tal-ħalib. L-impressjoni tiegħi hija li hemm bżonn li nkissru xi oligopolji fil-kummerċ.

Hemm ħafna aktar x'jingħad iżda meta nħares lejn il-kwistjonijiet ewlenin, l-isfidi ewlenin li qed nikkonfrontaw illum, għalija hemm ħaġa waħda li hija ċara: kemm jekk qed nitkellmu dwar il-kriżi tar-refuġjati, kif ukoll jekk qed nitkellmu dwar l-ekonomija jew il-politika barranija: nistgħu niksbu suċċess biss bħala Unjoni.

Min hi l-Unjoni li tirrappreżenta l-507 miljun ċittadin tal-Ewropa? L-Unjoni mhijiex biss Brussell jew Strażburgu. L-Unjoni hija l-Istituzzjonijiet Ewropej. L-Unjoni hija wkoll l-Istati Membri. Hija l-gvernijiet nazzjonali u l-Parlamenti nazzjonali.

Huwa biżżejjed li xi ħadd minna jonqos li jagħmel il-parti tiegħu biex kollha kemm aħna nbatu.

L-Ewropa u l-Unjoni tagħna jridu jagħtu r-riżultati. Filwaqt li jien niddefendi bil-qawwa l-metodu Komunitarju fi żminijiet normali, m'iniex purist fi żminijiet ta' kriżi - mhuwiex importanti għalija kif nimmaniġġaw kriżi, jekk dan ikunx b'soluzzjonijiet intergovernattivi jew bi proċessi mmexxija mill-Komunità. Sakemm insibu soluzzjoni u nwettqu l-affarijiet fl-interess taċ-ċittadini Ewropej.

Madankollu, meta naraw id-dgħufija ta' metodu, ikollna nbiddlu l-approċċ tagħna.

Ħarsu lejn il-mekkaniżmu ta' rilokazzjoni għar-refuġjati li poġġejna fuq il-mejda għall-Greċja u l-Italja f'Mejju: il-Kummissjoni pproponiet skema ta' solidarjetà komunitarja vinkolanti. L-Istati Membri għażlu minflok approċċ volontarju. Ir-riżultat: iċ-ċifra ta' 40,000 qatt ma ntlaħqet. L-ebda persuna li teħtieġ protezzjoni ma għadha ġiet rilokata u l-Italja u l-Greċja għadhom qegħdin jiffaċċjaw is-sitwazzjoni waħedhom. Dan mhux tajjeb biżżejjed.

Ħarsu lejn soluzzjonijiet intergovernattivi bħall-Patt Fiskali tal-2011 għat-tisħiħ tad-dixxiplina fiskali jew il-Ftehim tal-2014 li jwaqqaf fond komuni għar-riżoluzzjoni tal-banek. Illum naraw li l-ebda Stat Membru ma implimenta b'mod sħiħ il-Patt Fiskali. U biss erba' minn 19-il Stat Membru rratifikaw il-ftehim dwar il-fond tar-riżoluzzjoni tal-banek, li huwa intenzjonat li jitnieda fl-1 ta' Jannar 2016.

Dan mhux tajjeb biżżejjed jekk irridu nlaħħqu mal-isfidi immensi li għandna bħalissa.

Irridu nibdlu l-mod kif qed naħdmu.

Irridu nkunu aktar veloċi.

Irridu nkunu aktar Ewropej fil-metodu tagħna.

Mhux għax irridu l-poter fil-livell Ewropew. Imma għax neħtieġu b'urġenza riżultati aħjar u aktar veloċi.

Neħtieġu aktar Ewropa fl-Unjoni tagħna.

Neħtieġu aktar Unjoni fl-Unjoni tagħna.

Tul ħajti kollha, emmint fl-Ewropa. Għandi r-raġunijiet tiegħi, li bosta minnhom naf li ma jħossuhomx direttament il-ġenerazzjonijiet ta' llum, u ninsab kuntent b'dan.

Meta dħalt fil-kariga, għidt li rrid nerġa' nibni l-pontijiet li kienu bdew jitfarrku. Fejn is-solidarjetà kienet bdiet tiddgħajjef. Fejn il-perikli l-antiki kienu bdew jerġgħu jitfaċċaw.

Għad baqgħalna triq twila x'nimxu.

Iżda meta, ġenerazzjonijiet mil-lum, in-nies jaqraw dwar dan il-mument fil-kotba tal-istorja tal-Ewropa, irrid li jaqraw li lkoll flimkien urejna kumpassjoni u ftaħna djarna għal dawk li kienu jeħtieġu l-protezzjoni tagħna.

Li għaqqadna l-forzi tagħna flimkien biex nindirizzaw l-isfidi globali, inħarsu l-valuri tagħna u nsolvu l-kunflitti.

Li żgurajna li l-kontribwenti ma jkollhom għalfejn qatt aktar iħallsu għar-regħba tal-ispekulaturi finanzjarji.

Li id f'id ksibna t-tkabbir u l-prosperità għall-ekonomiji tagħna, għan-negozji tagħna, u fuq kollox għal uliedna.

Irrid li jaqraw li bnejna Unjoni aktar b'saħħitha minn qatt qabel.

Irrid li jaqraw li flimkien għamilna l-istorja tal-Ewropa. Storja li ulied uliedna jirrakkuntawha bi kburija.

SPEECH/15/5614


Side Bar

Videos





Photos