Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

[Check Against Delivery]

José Manuel Durão Barroso

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea

Id-Diskors Aħħari tal-President Barroso

Sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew

Strasburgu, il-21 ta' Ottubru 2014

Sur President, Onorevoli Membri,

Qabelxejn, nixtieq inrodd ħajr tal-opportunità li tajtuni billi stedintuni nindirizza lil dan il-Parlament għall-aħħar darba. Tabilħaqq wasal fi tmiemu t-tieni mandat tiegħi bħala l-President tal-Kummissjoni Ewropea u llum inħossni tassew kuntent li erġajt iltqajt magħkom u mal-kollegi tiegħi biex naqsam magħkom l-aħħar ħsibijiet u, billi din hija t-tieni Kummissjoni li jien ippresedejt, nista' nirriferi wkoll għall-aħħar għaxar snin.

Irrid naqsam magħkom dak li nħoss u nifhem dwar il-mod kif l-Unjoni Ewropea mxiet waqt l-isfidi li għaddejna minnhom u dwar l-sfidi kbar li jidhirli li se jkollna fil-ġejjieni.

Naħseb li lkoll naqblu li għaddejna minn waqtiet ibsin li qatt ma konna ġarrabna qabel: kienu għaxar snin ta' mwieġ u l-Unjoni Ewropea tħabtet bosta. Miniex qed nirreferi biss għall-kriżi finanzjarja u tad-dejn sovran, u ma rridx inħalli barra l-kriżi kostituzzjonali li għexna fl-ewwel mandat tiegħi meta żewġ membri fundaturi tal-Unjoni Ewropea ma laqgħux b'referendum it-Trattat Kostituzzjonali. Hekk hu, għaddejna minn kriżi kostituzzjonali, ġarrabna l-kriżi finanzjarja u tad-dejn sovran, u biex tkompli tgħaxxaq issa għaddejjin minn kriżi ġeopolitika minħabba l-kunflitt bejn ir-Russja u l-Ukraina.

Imma t-tajjeb hu li l-kriżi kostituzzjonali rnexxielna nsolvuha permezz tat-Trattat Kostituzzjonali ta' Liżbona, minkejja li għadni niftakar qisu lbieraħ li bosta persuni kienu qed jarawha impossibbli li l-Unjoni ssib struttura istituzzjonali ġdida. Fil-fatt kellna mumenti ta' ambigwità u dubji, iżda bażikament stajna nżommu l-acquis tal-Unjoni Ewropea filwaqt li żidna ħafna mill-elementi l-ġodda tat-Trattat Kostituzzjonali ta' Liżbona. Dan irratifikawh l-Istati Membri kollha, u anki dawk li llum donnhom insewha din ir-ratifikazzjoni tat-Trattat ta' Liżbona.

Dan l-aħħar – għax tgħallimt inħalli l-kwistjonijiet ekonomiċi għall-aħħar għax dawn jibqgħu magħna – kellna sfida tassew iebsa li thedded l-istabbiltà fl-Ewropa minħabba l-imġiba xejn xierqa tar-Russja fil-konfront tal-Ukraina. Aħna ħadna pożizzjoni ta' prinċipju, u lill-Ukraina offrejnielha ftehim ta' assoċjazzjoni u ftehim ta' kummerċ ħieles, u llum tassew kuntent li minkejja d-diffikultajiet kollha, l-Ukraina resqet tiffirma u tirratifika l-ftehim ta' assoċjazzjoni. Irrid naħtaf l-opportunità biex nifraħ lil dan il-Parlament għax fl-istess mument tar-ratifikazzjoni, intom ilkoll kontu qed tirratifikaw il-ftehim li jagħti xaqq ta' dawl lill-Ukraina bħala parti mill-familja ta' nazzjonijiet Ewropej.

Bħalma tafu – f'dan il-mument li għaddej nitħaddet magħkom, din il-kriżi għadha ma ssolvietx. Madankollu jidhirli li nistgħu nkunu kburin li żammejna pożizzjoni ta' prinċipju, li kkundannajna bla tlaqliq l-azzjonijiet tar-Russja, u li ġie rratifikat il-ftehim ta' assoċjazzjoni, mhux biss mal-Ukraina, iżda anki mal-Ġeorġja u mal-Moldova, għaliex nemmen li aħna għandna obbligu lejn dawk il-pajjiżi li jħarsu lejn l-Ewropa bir-rieda tagħhom u bit-tama li jaqsmu magħna l-istess futur, u għax huma wkoll iridu jaqsmu magħna l-istess valuri.

Sal-lum għadna għaddejjin bil-medjazzjoni, u fil-fatt illum hemm laqgħa ta' medjazzjoni mmexxija mill-Kummissjoni mal-gvern Russu u l-gvern Ukren dwar l-enerġija għax nemmnu li tista' tinstab soluzzjoni politika u qed nagħmlu ħilitna kollha biex din tinstab. Huwa fl-interess ta' kulħadd li jintlaħaq ftehim politiku, ftehim li jkun jirrispetta l-prinċipji tal-liġi internazzjonali, li jirrispetta d-dritt li dan il-pajjiż ġar tagħna jiddeċiedi l-ġejjieni tiegħu, u li jirrispetta wkoll is-sovranità, l-indipendenza tiegħu. U allura rridu nkunu sodisfatti b'ħidmitna waqt din il-kriżi ġeopolitika tant iebsa.

Semmejt il-kriżi finanzjarja u tad-dejn sovran. Ngħiduha kif inhi, dik il-kriżi ma nibtitx fl-Ewropa iżda billi ma konniex imħejjijin u billi ż-żona tal-ewro kienet għadha nieqsa minn xi strumenti meħtieġa, irnexxielha tolqotna bis-saħħa – mhux biss mil-lat finanzjarju iżda anki mil-lat ekonomiku, soċjali u politiku. Jidhirli li aktarx dik kienet l-akbar kriżi minn meta beda l-proċess tal-integrazzjoni Ewropea fil-ħamsinijiet tas-seklu l-ieħor. Ħa nixħet kollox f'perspettiva.

Għeżież Membri tal-Parlament Ewropew,

Tajjeb niftakru sewwasew x'kienet l-opinjoni ewlenija fost il-biċċa l-kbira tal-analisti fil-midja ekonomika u finanzjarja, jew saħansitra ta' bosta pajjiżi minn fostna jew minn barra l-Ewropa, dwar x'kien se jiġri: kulħadd kien qed ibassar li l-Greċja se tħallina, li l-Greċja se toħroġ miż-żona tal-ewro u bla dubju dan ikun ifisser li minnufih il-bqija tal-pajjiżi jbatu l-konsegwenzi ta' dan kollu, effett li kien diġà qed jinħass f'xi pajjiżi bħall-Irlanda u l-Portugall. Ma rridux ninsew ukoll li Spanja, bħall-Italja, kienet qed iġġarrab pressjoni qawwija ħafna. Konna sibna ruħna fid-dagħbien. U niftakar qisu lbieraħ x'ġara fl-2011 waqt diskussjonijiet fil-marġnijiet tal-G20 f'Cannes: l-analisti kważi għalenija kienu qed ibassru li l-Greċja se toħroġ u li mill-anqas nofshom kienu qed isostnu li l-ewro se timplodi. Iżda fil-fatt x'ġara? Bi pjaċir infakkar li mhux talli l-Greċja ma ħarġitx miż-żona tal-ewro, iżda daqt se nilqgħu fostna lid-dsatax-il membru tal-ewro għax il-Litwanja se tingħaqad fl-1 ta' Jannar 2015. U bħalma qed tikber iż-żona tal-ewro, qed tikber ukoll l-Unjoni Ewropea. Meta konna qed nanalizzaw, dan il-fatt qatt ma bsarnieh.

Fl-2004, is-sena li tatni l-pjaċir u l-unur li nieħu t-tmexxija tal-Kummissjoni Ewropea, konna biss 15-il membru. Illum ingħaqdu 28 pajjiż. Jiġifieri matul din il-kriżi, l-għadd ta' Stati Membri fl-Unjoni Ewropea kważi rdoppja. Allura tistgħu taħsbu f'xi prova aħjar tar-reżiljenza u tal-kapaċità ta' adattament tal-Unjoni Ewropea? Jidhirli li l-fatt li waqt il-kriżi bqajna magħqudin u miftuħin, joħroġ fid-dieher ir-reżiljenza u s-saħħa enormi li għandha l-Unjoni Ewropea u dan m'għandux jiġi sottovalutat.

Naf li għal xi wħud dawn il-fatti mhumiex daqstant importanti. Dawn b'xi mod għadhom jidealizzaw il-passat, aktarx joħolmu b'Ewropa magħluqa, u jidhrilhom li l-Ewropa kienet ferm aħjar meta kienet in-nofs li hi llum taħt komuniżmu totalitarju. Jien ma naqbilx, għax naħseb l-Ewropa fi żmienna hi aħjar milli meta nofs il-kontinent kien iddominat mill-komuniżmu. Il-fatt li waqt din il-kriżi l-Unjoni Ewropea rnexxielha tibqa' miftuħa, tisseddaq u tingħaqad bħala kontinent wieħed bi kważi l-pajjiżi Ewropej kollha, ilkoll iħaddnu l-valuri tal-paċi, tal-libertà u tal-ġustizzja, jidhirli li għandna nibqgħu nfakkruh għax ma jħammrilniex wiċċna, kif jaħsbu xi wħud.

Fi ftit kliem din hi raġuni oħra għaliex għandna nikkommemoraw. Bħalma jiftakar kull min kien qed isegwi l-ġrajjiet dak iż-żmien, xi wħud kienu qed ibassru li l-Unjoni Ewropea mhux se jirnexxilha taħdem b'25, 27 jew 28 membru u minflok kienet se tiġġammja. L-istorja ġrat bil-kontra u t-tkabbir tal-Unjoni Ewropea baqa' għaddej; għax ngħidilkom il-verità, fir-realtà xi drabi kien ferm aktar diffiċli biex inqarrbu lill-membri fundaturi tal-Unjoni milli lill-pajjiż kollha tal-Ewropa.

U allura lkoll flimkien għandna nkunu kburin b'dan kollu għax l-Unjoni Ewropea baqgħet magħquda u miftuħa waqt il-kriżi. Meta ngħid miftuħa, inkun qed nitħaddet f'kull sens tal-kelma fosthom b'attitudni miftuħa għad-dinja, bħal meta wara li fallew iċ-Ċiklu ta' Doha għall-Iżvilupp u t-taħdidiet kummerċjali ta' Doha, aħna ħdimna qatigħ favur aġenda proattiva dwar il-klima. U issa qed inwittu t-triq f'din id-direzzjoni għax nemmen li l-kummerċ jista' jkun wieħed mill-aqwa modi kif jitwieżen it-tkabbir globalment u fl-Unjoni Ewropea. Jew bħal meta l-Unjoni Ewropea ħadet l-inizjattiva tavviċina lill-eks President tal-Istati Uniti tal-Amerika biex tistiednu u tikkonvinċih jorganizza l-ewwel laqgħa tal-G20 għall-Kapijiet tal-Istat u tal-Gvern għax b'hekk seta' jinkiseb approċċ koperattiv globali u stajna nevitaw milli nerġgħu lura għall-protezzjoniżmu tant mistkerrah. Dan tal-aħħar jaf ikun tentazzjoni waqt kriżi. U allura mhux biss irnexxielna nżommu lill-Ewropa magħquda waqt il-kriżi u nżidu l-membri tagħha, iżda saħansitra ninfetħu għall-bqija tad-dinja.

Iżda llum, issaħħaħna jew iddgħajjifna? M'hemmx dubju li x-xettiċi se jgħidu li sirna aktar dgħajfin. Iżda dan minnu?

Meta faqqgħet il-kriżi ma kellna l-ebda strument biex nilqgħulha. Konna qed nitħabtu ma' kriżi li ġiet fuqna bħal sajjetta fil-bnazzi. Ma kellna l-ebda mekkaniżmu, lanqas biex inwieżnu lill-pajjiżi li minnufih sfaw fl-inkwiet ta' theddida ta' inadempjenza. Nafu li sar ħafna xogħol. Ilkoll flimkien, il-Kummissjoni u l-Istati Membri dejjem bl-għajnuna kbira tal-Parlament, bnejna sistema ġdida ta' governanza, u llum ksibna sistema ta' governanza ferm aktar b'saħħitha minn qabel b'setgħat bla preċedenza lill-istituzzjonijiet tal-komunità, filwaqt li għamilna kollox biex naraw kif inżommu l-metodu komunitarju dejjem fil-qalba tal-politika tagħna ta' integrazzjoni. Ngħidu aħna, illum il-Kummissjoni għandha aktar setgħat ta' governanza taż-żona tal-ewro milli kellha qabel il-kriżi. Fi żmienna l-Bank Ċentrali Ewropew jista' jagħmel superviżjoni diretta tal-banek fl-Ewropa, ħaġa li kienet titqies impossibbli fil-passat; u li qatt ma konna noħolmu li sseħħ qabel il-kriżi. U niftakar sew li meta tħadditna dwar l-unjoni bankarja u kont semmejtha waqt intervista, wasluli għadd ta' telefonati minn bosta bliet kapitali jistaqsuni għalfejn qed nitkellem dwar l-unjoni bankarja, peress li ma tissemmiex fit-Trattati. U jien kont inwieġeb li għalkemm ma tinsabx fit-Trattati, xorta waħda neħtiġuha jekk irridu nilħqu l-għan tat-Trattati bħalm'hu l-għan tal-istabbiltà u t-tkabbir. Issa l-unjoni bankarja twaqqfet ukoll.

Onorevoli Membri,

Jekk nixħtu kollox f'perspettiva u nqabblu fejn konna għaxar snin ilu ma' fejn wasalna llum, se naslu nifhmu ċar u tond u nagħrfu l-verità li fi żmienna l-Unjoni Ewropea, għallinqas fiż-żona tal-ewro, hi ferm aktar integrata u b'kompetenzi aktar b'saħħithom, filwaqt li permezz tal-metodu komunitarju ksibna iżjed modi biex negħlbu l-kriżi, l-aktar fiż-żona tal-ewro. Mhux biss fis-sistema ta' governanza fl-unjoni bankarja, iżda anki fil-leġiżlazzjoni tal-istabbiltà finanzjarja, tal-regolazzjoni finanzjarja u tas-superviżjoni finanzjarja.

Ressaqna 40 att leġiżlattiv ġdid li lkoll ġew approvati mill-Parlament Ewropew. U ntenni r-ringrazzjament tiegħi lilkom għax fid-dibattiti li kellna, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea kważi dejjem kienu fuq l-istess naħa tad-diskussjoni u kienu favur ambizzjoni msaħħa u mhux mnaqqsa għall-Ewropa. U għalhekk illum, nikkonferma li ssaħħaħna għax għandna sistema ta' governanza aktar integrata, għax għandna leġiżlazzjoni li tiġġieled l-abbużi fis-swieq finanzjarji u għax inħaddmu sistema aktar ċara ta' superviżjoni u ta' regolazzjoni. Għalhekk persważ li llum jekk qatt terġa' tfaqqa' kriżi oħra bħal dawk li kellna, ninsabu imħejjijin aħjar għall-kriżi milli konna qabel.

Naturalment wieħed jista' jgħid li għad jonqos ħafna diffikultajiet x'jingħelbu. Iva, u rrid nikkummenta dwar dan u dwar il-prospetti għat-tkabbir, iżda agħdruni, tinsewx minn fejn tlaqna. Konna ninsabu f'xifer l-irdum, jew bħalma kien fuq fomm xi wħud, xi Stati Membri kienu waslu qrib li jfallu. Issa qabblu dan kollu ma' fejn wasalna llum. Minn fost il-pajjiżi li kellhom jitolbu programmi ta' aġġustament, il-Portugall u l-Irlanda temmew il-programm b'suċċess. Fil-fatt, l-Irlanda saret waħda mill-aktar pajjiżi fl-Ewropa li qed tikber b'pass mgħaġġel. U l-bqija tal-pajjiżi li kienu bdew jogħtru, illum irnexxielhom jerġgħu lura fuq saqajhom. Anke Spanja li talbet programm għall-banek, irnexxielha timxi 'l quddiem. Minn fost il-pajjiżi kollha li talbu programm ta' aġġustament, tnejn biss baqgħalhom itemmuh – għax ma rridux ninsew il-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Ewropa tal-Lvant li kellhom programmi ta' aġġustament ukoll minkejja li kienu għadhom ma daħlux fiż-żona tal-ewro.

Illum fiż-żona tal-ewro, l-iżbilanċ jinsab fil-medja ta' 2.5%, jiġifieri ferm inqas milli hu fl-Istati Uniti tal-Amerika u fil-Ġappun. Allura mil-lat ta' stabbiltà, imxejna ħafna 'l quddiem. U ma ninsewx li ż-żona tal-ewro għandha eċċess kummerċjali. L-Unjoni Ewropea inġenerali issa kisbet eċċess fl-oġġetti, fis-servizzi, u għall-ewwel darba wara bosta snin, fl-agrikoltura.

Dan qed ngħidu għax ħafna drabi xi wħud mis-setturi politiċi jkunu tal-fehma li qed nitilfu l-ġlieda mal-globalizzazzjoni, u dan mhux minnu. Għalkemm xi Stati Membri tal-Unjoni mhumiex jegħlbu l-ostakli, bħala medja nistgħu ngħidu li mil-lat ta' kompetizzjoni, l-aktar fejn jidħlu l-kummerċ u l-investiment l-Ewropa qed titħabat tajjeb mal-bqija tad-dinja.

Iżda ovvjament, it-tkabbir għadu kalm. Ma nistgħux ngħidu li l-kriżi għaddiet għalkollox għax it-theddid għadu magħna iżda l-battalja għall-istabbiltà rnexxielna nirbħuha. Daż-żmien ħadd m'għadu jbassar b'onestà li l-ewro se tisfaxxa, għax l-ewro wriet li hi munita soda ħafna, kredibbli u tassew stabbli. Il-verità hi iżda, li t-tkabbir qed isir bil-mod wisq u ferm inqas milli mistenni.

Għaldaqstant, x'nistgħu nagħmlu biex inżidu t-tkabbir? Din hi mistoqsija importanti. U biex inweġibha jeħtieġli nerġa' nfakkar okkażjoni. Naf fis-sew li ħafna drabi l-politika tal-Unjoni Ewropea, l-aktar dik tal-Kummissjoni Ewropea, ġiet ippreżentata li dejjem tisħaq għalkollox fuq l-awsterità. Din hi idea fittizja.

Dejjem konna nisħqu li għallinqas ningħataw tliet garanziji importanti – mingħajr dubju l-konsolidazzjoni fiskali, għal dawk il-pajjiżi li qed ibatu l-pressjoni tas-swieq. Ikun żgur irresponsabbli jekk il-pajjiżi ma jkunux kapaċi jħaddmu programm rigoruż biex jibbilanċjaw il-finanzi pubbliċi tagħhom, iżda daqstant ieħor konna nisħqu wkoll – aktarx ma kinitx tinżel għasel ma' xi pajjiżi – fuq il-ħtieġa ta' riformi strutturali għall-kompetittività, għax fir-realtà anki qabel il-kriżi, it-tkabbir kien inqas mill-potenzjal tagħna u wħud mill-pajjiżi membri kellhom nuqqas serju ta' kompetittività, u għal din ir-raġuni kellna bżonn riformi strutturali aktar ambizzjużi.

Madankollu konna nisħqu wkoll favur l-investiment u dejjem sostnejt il-ħtieġa li jiżdied l-investiment kemm pubbliku kif ukoll privat. Aktar ma nuru li għandna ekonomiji kompetittivi, aktar nattiraw investiment privat, u allura dan jiżdied. Nammetti li tassew ferħan li llum ħafna mill-pajjiżi membri, ilkoll ċertament bil-pass tagħhom, qed jirnexxilhom jimxu mar-riformi strutturali ambizzjużi li fasslu u li qabel il-kriżi kienu jitqiesu impossibbli li jitwettqu.

U jekk nixtħu idna fuq qalbna u ngħarblu liema kienu l-aktar pajjiżi li tħabtu waqt il-kriżi, nagħrfu li huma l-istess pajjiżi li qabel il-kriżi kienu diġà qed jitilfu l-kompetittività tal-prezzijiet. Madankollu llum ir-riformi li għamlu xi pajjiżi bħal Spanja, l-Irlanda, il-Portugall u l-Greċja huma ta' barra minn hawn.

Apparti l-konsolidazzjoni politika u r-riformi strutturali, dejjem għarafna l-ħtieġa li jiżdied l-investiment: l-investiment privat, iżda anki l-investiment pubbliku. Ilkoll niftakru d-dibattitu dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (il-QFP), għallinqas il-President Schultz jiftakru żgur. Konna qed niltaqgħu flimkien f'bosta laqgħat biex nitolbu lill-Istati Membri jaħdmu aktar fejn jidħol l-investiment, u fil-fatt l-aktar strument importanti fil-livell Ewropew għall-investiment hu l-Qafas Finanzjarju Pluriennali, li jalloka madwar EUR 3 triljun.

U għaldaqstant jekk mhux qed isir investiment aktar ambizzjuż, żgur li mhux minħabba nuqqas ta' ħeġġa min-naħa tal-Kummissjoni jew min-naħa tal-Parlament, iżda minħabba l-oppożizzjoni ta' xi pajjiżi. Din hija r-realtà... aħna qed infittxu investiment sod, investiment immirat għal tkabbir, u dan mhux bil-QFP biss. Pereżempju rrid infakkarkom fil-proposti li ressaqt hawnhekk quddiemkom waqt id-diskorsi tal-Istat tal-Unjoni, bħal ngħidu aħna ż-żieda fil-kapital għall-Bank Ewropew tal-Investiment li fl-aħħar ġiet miftiehma; il-bonds tal-proġetti li l-Istati Membri aċċettaw bħala bonds tal-proġetti fil-fażi tal-prova; il-faċilità li ħloqna għall-SMEs b'self mill-Bank Ewropew tal-Investiment u finanzjamenti mill-baġit tagħna tal-Fondi Strutturali, u li b'dispjaċir tħaddmet biss minn żewġ pajjiżi; jew pereżempju il-programm maħsub għaż-żgħażagħ, tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ li l-Kummissjoni pproponiet u li l-Istati Membri aċċettaw. Insemmi wkoll l-Inizjattiva favur l-Impjiegi taż-Żgħażagħ li qed titħaddem biss minn żewġ pajjiżi permezz ta' programm apposta għall-impjiegi taż-żgħażagħ.

U allura għeżież kollegi, ħa nkunu ċari: qed nagħmlu minn kollox għall-investiment. Nixtieq nawgura lill-Kummissjoni l-ġdida u lill-kollega ħabib tiegħi Jean-Claude Juncker li jkollhom l-appoġġ tal-Istati Membri għal programm ta' investiment aktar ambizzjuż għas-snin li ġejjin. Nemmen li fi żmienna dan hu possibbli li jseħħ għax jeżisti ħafna aktar għarfien f'dan il-qasam. Mill-ġdid, dan il-programm għandu jkun parti minn strateġija usa' li tgħaqqad il-konsolidazzjoni fiskali mar-riformi strutturali u l-investiment, kif ukoll il-miżuri li ħadna aħna fejn jidħlu l-unjoni bankarja u r-regolamentazzjoni finanzjarja għall-istabbiltà.

Fid-diskors tiegħi qed nagħti importanza lil dan kollu għax jidhirli li jkun żball li naqtgħu qalbna wara tant ħidma sfiqa, jew li nitilfu l-ħeġġa u nagħtu l-ġenb l-isforz li sar għal riforma strutturali. Naħseb li wettaqna parti mill-ħidma: l-istabbiltà nfirxet sew iżda t-tkabbir qed isir ftit aktar bil-mod milli nixtiequ. Madankollu bid-determinazzjoni nistgħu ntemmu r-riformi ħalli niksbu tkabbir sostenibbli, mhux tkabbir mifni bid-djun eċċessivi pubbliċi jew privati – għax dan ikun tkabbir taparsi, u fil-futur qrib jew aktar tard ikollna nħallsu prezz qares – iżda tkabbir sostenibbli, li nemmen li jista' jsir jekk naħdmu qatigħ u b'kuraġġ għar-riformi u l-governanza soda fl-Unjoni Ewropea.

M'għandix ċans nidħol f'kull waħda mill-politiki li tfasslu matul is-snin, iżda jixraq li nsemmi waħda jew tnejn minnhom għax bħalissa qed jittieħdu deċiżjonijiet li nqishom importanti.

Tassew kburi li fl-2007, matul l-ewwel Kummissjoni li ppresedejt, ħriġna bl-aktar programm ambizzjuż għall-protezzjoni tal-klima fid-dinja u sal-lum bqajna fuq quddiem nett mil-lat ta' aġenda klimatika.

Infatti, stajna nissieħbu fl-aġenda klimatika permezz tal-aġenda tas-sigurtà enerġetika. Qed insemmi dan kollu għax dil-ġimgħa se jitlaqqgħu l-Kapijiet tal-Istat u tal-Gvern għal diskussjoni importanti fi Brussell u nittama li l-Unjoni Ewropea tibqa' fuq quddiem nett f'dan ir-rigward, u li bla dubju ma taħdimx għal rasha iżda jingħaqdu magħha pajjiżi oħrajn għax ilkoll għandna responsabbiltà x'nerfgħu għall-ġid tal-pjaneta tagħna. Dan kien wieħed mill-avvanzi ta' dawn l-aħħar snin li matulhom l-Unjoni Ewropea rnexxielha tagħmel l-aktar passi ta' ġgant importanti kontra t-tibdil fil-klima.

Fatt ieħor li nsemmi b'wiċċi minn quddiem – minkejja l-limitazzjonijiet minħabba l-qagħda finanzjarja tagħna – hu li bil-QFP irnexxielna nżidu l-baġit tal-programm Orizzont 2020 bi 30%, programm maħsub apposta għar-riċerka u t-teknoloġija. B'hekk għandna opportunità tad-deheb biex inżidu ħidmitna f'dan il-qasam u anki fil-qasam kulturali permezz tal-programm Ewropa Kreattiva.

Ir-realtà hi li minkejja l-kriżi ekonomika u finanzjarja, fil-livell Ewropew stajna nibqgħu nżidu l-investiment f'ċerti oqsma.

Madankollu jien kburi wkoll li minkejja li konna magħfusin bil-baġits, dejjem bqajna disponibbli bl-għajnuna għall-iżvilupp u bil-politika tal-viċinat; għax kull fejn seħħet xi traġedja kbira fid-dinja, insemmi t-tsunami fl-Indoneżja, il-kriżi riċenti tal-Ebola, il-kriżi tar-refuġġjati mis-Sirja jew dik f'Darfur, dejjem konna minn tal-ewwel biex inwieżnu. Nemmen li aħna l-Ewropej għandna nkunu kburin b'dan kollu, għax flimkien mal-Istati Membri bqajna l-aktar donatur importanti ta' għajnuna għall-iżvilupp fid-dinja, u dan jintrabat ferm mal-valuri li nħaddnu. Kuntent li meta dħalna fit-tiġrib, xorta ma nsejniex l-obbligi tagħna fejn tidħol il-koperazzjoni għall-iżvilupp.

Diġà tħadditt dwar il-kummerċ, u jidhirli li hu tassew importanti li nibqgħu b'aġenda ambizzjuża għall-kummerċ, biex l-Ewropa tkun miftuħa għal kummerċ ħieles u ġust. Il-Kummissjoni rnexxielha tagħmel għadd ġmielu ta' ftehimiet, fosthom mal-Korea t'Isfel, ma' Singapore, mal-Amerika Ċentrali – l-ewwel reġjun li sar ftehim miegħu – mal-Peru, mal-Ekwador, dan l-aħħar mal-Kanada, u mal-Afrika tal-Punent, tal-Lvant u t'Isfel. Insemmi wkoll ftehimiet li qed isiru u mxew sew fosthom mal-Ġappun, mal-Istat Uniti tal-Amerika u ftehim ta' investiment maċ-Ċina.

Dan kollu jagħmilna l-aktar blokk importanti tal-kummerċ fid-dinja, u l-akbar ekonomija fid-dinja.

Dan qed insostnih għax daż-żmien xeqlibna wisq lejn il-pessimiżmu, lejn id-disfattiżmu għall-Ewropa... dak li jiena nsejjaħlu l-faxxinu intellettwali tal-pessimiżmu. Madankollu nemmen li kellna bosta kisbiet u li flimkien nistgħu nibqgħu nissaħħu aktar u nistgħu niddefendu aħjar l-interessi tagħna u nħarsu l-valuri tagħna.

Għeżież kollegi – insejħilkom kollegi mhux biss għax jidhirli li kemm-il darba konna flimkien waqt xi diskussjonijiet iżda għax ħdimna flimkien bħala kollegi f'din l-intrapriża kbira li tissejjaħ il-proġett Ewropew, u naħseb li politikament tgħallimna ħafna.

Tagħlima minnhom hi r-reżiljenza li wrejna: nemmen li l-forzi tal-għaqda huma akbar mill-forzi tal-firda u dan emmintu dejjem, anki waqt mumenti drammatiċi meta kelli nagħmel talbiet urġenti lil ċerti pajjiżi: lil dawk għonja tlabthom iħennu u juru aktar solidarjetà, u lill-pajjiżi ifqar tlabthom juru aktar responsabbiltà.

Xi drabi dan kollu għamilnieh fis-satra, vera, imma l-Kummissjoni aktarx taħdem aktar fis-sikta mill-bqija. Ma ridtx lill-Kummissjoni żżid mal-istorbju u l-għajat ta' bosta ilħna waqt il-mumenti ibsin tal-kriżi għax f'dik is-sitwazzjoni, is-suq kien ferm sensittiv . Iżda b'idi fuq il-kuxjenza llum nistqarr li għamilna kulma stajna bl-għodod li kellna biex nevitaw il-frammentazzjoni tal-ewro jew xi qasma fl-Unjoni Ewropea. Għal dan il-għan ħafna drabi kelli nsejjaħ lil xi Kapijiet tal-Istat u tal-Gvern fil-Kunsill Ewropew biex juru l-etika tar-responsabbiltà Ewropea.

Tagħlima oħra li nieħdu hi li fl-aħħar mill-aħħar irnexxielna naslu għal deċiżjonijiet, għalkemm xi drabi bi tbatija u b'diffikultà. U dan ħadilna l-ħin. Għax bħalma għedna kemm-il darba, ilkoll naqblu li d-demokrazija ma tiġrix daqs is-swieq.

Il-Kummissjoni, u bla dubju anke l-Parlament, xtaqet li d-deċiżjonijiet ikunu aktar kuraġġużi, aktar komprensivi u aktar mgħaġġlin. Madankollu aħna Unjoni ta' Stati demokratiċi, m'aħniex super-stat, u allura rridu nirrispettaw l-elementi sensittivi differenti ta' xulxin.

Konklużjoni li niġbor minn dawn l-għaxar snin ta' esperjenzi hi l-ħtieġa ta' koperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet. Naf li xi drabi hu aktar popolari li nressqu ideat impossibbli u li nikkritikaw lill-oħrajn, iżda nemmen bis-sħiħ li jeħtiġilna naħdmu id f'id ma' istituzzjonijiet varji għax mhix soluzzjoni li nżommu lill-pajjiżi barra mill-Unjoni Ewropea. Għall-kuntrarju irridu nuru lill-pajjiżi membri li jkunu aktar b'saħħithom jekk iħossuhom parti mill-Unjoni Ewropea. B'dal-mod ma tkunx qed tiddgħajjef l-identità nazzjonali tagħhom iżda bil-maqlub, ikunu qed jaqsmu magħna s-sovranità tagħhom biex iwasslu aħjar l-interessi tagħhom fil-livell globali. Dan nemmnu b'moħħi u b'qalbi kollha u qabel intemm il-kariġa tiegħi rrid inwasslu lilkom: l-uniku interess li għandi hu li nitgħallmu mill-iżbalji tagħha biex ma nerġgħux nagħmluhom. Filwaqt li l-għanijiet nilħquhom bil-koperazzjoni u mhux bil-konfrontazzjoni.

Issa qed inħejji biex inħalli posti għall-ħabib tiegħi Jean-Claude Juncker, se jkollu għadma iebsa iżda interessanti. U għalhekk irrid naħtaf l-opportunità, f'ismi u f'isem il-kollegi tiegħi kollha tal-Kummissjoni biex nawgura kull suċċess lill-Kummissjoni l-ġdida, li lkoll ikollhom sfida interessanti u li jsibukom ta' spalla meta jkun hemm bżonn. Jien ċert mill-appoġġ li dan il-Parlament se jagħti lill-Kummissjoni.

Għax ngħiduha kif inhi Sur President, ir-relazzjonijiet ma kinux dejjem ward u żahar. Madankollu dejjem irnexxielna nżommu relazzjoni tajba bejn il-Kummissjoni u l-Parlament li ssarrfet f'ġid.

Dan il-Parlament dħalt fih aktar minn mitt darba; infatti l-ebda Kummissjoni ma ġet rappreżentata fih daqs il-Kummissjoni li mexxejt jien darbtejn. Tassew li rnexxielna nsawru din il-koperazzjoni u nħossni sodisfatt għax dan il-Parlament bit-talbiet kbar tiegħu, dejjem appoġġa l-metodu komunitarju u dejjem wieżen lill-istituzzjonijiet tal-komunità. Jidhirli li dan hu importanti ferm għall-futur tal-Ewropa.

Għeżież kollegi tiegħi fil-proġett Ewropew,

il-mod kif insolvu l-problemi tal-Ewropa, la hu b'rivoluzzjoni u wisq anqas b'ritaljazzjoni. Dawn insolvuhom b'kompromess madwar il-medja u bir-riformi. Evoluzzjoni u riformi. Jeħtiġilna nagħmlu r-riformi biex nadattaw għall-isfidi l-ġodda, u dan ma jsirx b'firdiet bejn l-istituzzjonijiet jew kontra xi pajjiż jew ieħor. Nemmen li jekk din l-idea ta' koperazzjoni soda titwettaq u l-ġid komuni Ewropew jingħata preferenza, il-kollega u l-ħabib tiegħi l-President Jean-Claude Juncker ikollu suċċess bil-Kummissjoni l-ġdida, bla dubju mwieżna bl-appoġġ tagħkom.

Għax l-Unjoni Ewropea hi unjoni ta' valuri. Matul l-aħħar jiem bosta ġurnalisti staqsewni liema kien l-aktar mument emozzjonali għalija, u liema mument jibqa' f'qalbi. Nammetti li għandi bosta mumenti li ngħożż, imma niftakar oħrajn li kienu ferm diffiċli. Wieħed mill-aktar mumenti emozzjonali kien meta jien flimkien ma' Martin Schulz u mal-President tal-Kunsill Ewropew, Herman Van Rompuy, ksibna l-Premju Nobel għall-Paċi f'isem l-Unjoni Ewropea.

Din it-tifkira qawwija li tatna l-komunità dinjija turi li għandna sehem fid-dinja u li ħidmitna hija siewja. Il-valuri li minnhom tnisslet l-Unjoni Ewropea, l-aktar il-paċi, għadhom il-fulkru tagħna sal-lum, u rridu niddefenduhom.

Dan hu l-mument li rrid naqsam ma' dawk fl-istituzzjonijiet differenti, inkluż il-Parlament, li ħadmu bla heda għal Ewropa magħquda, miftuħa u aktar b'saħħitha. Se nitlaq minn hawn bil-ħsieb li jien u l-kollegi tiegħi tal-Kummissjoni ma ksibniex kulma ħlomna jew xtaqna iżda ħdimna fuq in-naħa tas-sewwa, għax xħittna l-interess globali tal-Unjoni Ewropea ferm qabel interessi speċifiċi. U se nħallu kundizzjonijiet biex tissokta l-ħidma għal Ewropa magħquda, miftuħa u aktar b'saħħitha.

Nirringrazzjakom tal-attenzjoni tagħkom.

Auf wiedersehen, goodbye, au revoir, adeus.

Muito obrigado, grazzi ħafna u nsellmilkom.

Wara d-dikjarazzjonijiet tal-Membri tal-Parlament, il-President Barroso għamel dawn il-kelmiet tal-aħħar:

Sur President,

Nixtieq inwieġeb xi mistoqsijiet li qajmu l-kelliema ta' qabli. L-ewwel nett, nemmen li l-prova li aħna, il-Kummissjoni li kelli l-unur nippresedi, ninsabu fit-triq it-tajba hija li l-kritika stess ġejja miż-żewġ naħat tal-Kamra, ħafna drabi bl-istess ton, jiġifieri li dawn kategorikament jirrifjutaw id-diffikultajiet u l-isfidi enormi li għandna quddiemna u ma jurux reazzjoni konsistenti.

Il-verità hija li aħna aktarx għexna l-akbar kriżi ekonomika u finanzjarja mill-anqas sa mill-bidu tal-integrazzjoni Ewropea u l-verità hi wkoll li la kienet l-Unjoni Ewropea u lanqas l-Ewropa li ħolqot il-kriżi. Dan hu dak li ma jifhmux xi partiġġjani tas-sovranità, biex nuża l-espressjoni tagħhom stess, jew li ma jridux jifhmu. Ma kinitx l-Ewropa li ħolqot id-dejn privat eċċessiv u n-nuqqas ta’ responsabbiltà fil-qasam finanzjarju, iżda għall-kuntrarju għax dak kollu seħħ taħt is-superviżjoni jew in-nuqqas ta’ superviżjoni nazzjonali. L-Ewropa hija t-tweġiba. Illum għandna waħda mill-akbar, jekk mhux l-aktar sistema regolatorja u superviżorja ambizzjuża fid-dinja. Għalhekk, li jgħidu li l-Ewropa hija agħar minħabba l-Unjoni Ewropea hija gidba. Huwa għalkollox nuqqas ta’ rispett u nuqqas ta’ rigorożità intellettwali għax mhux l-UE ħolqot il-kriżi finanzjarja: din twieldet fl-Istati Uniti. Ċertament, id-dgħjufijiet fl-Ewropa kienu jeżistu imma l-Unjoni Ewropea kienet kapaċi tegħlibhom. L-Unjoni Ewropea ma kinitx il-kawża u nemmen li din hija xi ħaġa li dawk kollha li jaqsmu l-ideal Ewropew, tal-lemin, tax-xellug jew taċ-ċentru, irid ikollhom il-kuraġġ jammettu, għax inkella se nsaħħu l-populiżmu tax-xellug estrem jew tal-lemin estrem.

Smajt b’attenzjoni lil xi wħud minnkom jgħidu li l-populiżmu huwa aktar b’saħħtu u jattribwixxu r-responsabbiltà lill-Unjoni Ewropea. Għeżież ħbieb, dan mhux minnu. Bla dubju, il-populiżmu u l-ksenofobija huma kunċetti esterni għall-Unjoni Ewropea. Araw x’ġara l-Iżvizzera kontra l-immigranti. Araw x’ġara n-Norveġja meta terrorist qatel ma nafx kemm-il żagħżugħ għax kien kontra Ewropa multikulturali. Araw daqsxejn it-Tea Party fl-Istati Uniti. Allura kien it-tort tal-Ewropa, it-Tea Party fl-Istati Uniti?

Li għandna llum fid-dinja huwa populiżmu aggressiv, xi drabi msaħħaħ minn argumenti xellugin, kultant minn argumenti tal-lemin u xi drabi jkun diffiċli li wieħed jagħmel differenza. Għalhekk jekk wieħed jasal jgħid li dan ġara minħabba l-Unjoni Ewropea jkun nuqqas ta’ rigorożità intellettwali u nuqqas ta’ integrità politika. Minflok, bħala Ewropej irridu nuru li l-Ewropa la ħolqot il-kriżi u lanqas id-dejn pubbliku tal-Istati Membri. L-Ewropa ftit tista’ tagħmel meta Stat Membru pereżempju jiffalsifika l-kontijiet tiegħu iżda mbagħad l-Ewropa kellha sseffaq wiċċha. L-ewwel inizjattiva tat-tieni Kummissjoni tiegħi kienet li nitlob lill-Istati Membri jagħtuna aktar setgħa superviżorja tal-istatistika nazzjonali peress li fl-ewwel Kummissjoni li ppresedejt din kienet ġiet miċħuda. U ma kinitx ġiet miċħuda mill-Greċja iżda mill-Istati Membri l-kbar li ma ridux jagħtu aktar responsabbiltajiet lill-Unjoni Ewropea. Għalhekk biex isir dibattitu tassew, ejjew inkunu preċiżi u rigorużi f’termini tal-onestà intellettwali u tar-rigorożità politika.

Għeżież ħbieb, minħabba f'hekk irrid naqsam magħkom dan il-ħsieb b'tant konvinzjoni. It-tim li kelli l-unur immexxi, ħadem b’ħafna dedikazzjoni u bl-ikbar determinazzjoni billi l-interess Ewropew dejjem poġġieh fuq quddiem nett. Dan il-ħsieb nixtieq ngħaddilkom, għax aħna assemblea politika b’diversi forzi politiċi, li dejjem qegħedna il-ġid komuni Ewropew qabel kollox. Fil-Kummissjoni tiegħi ma kellniex kollegi mill-PPE, mis-Soċjalisti jew mil-Liberali iżda kien hemm nies li qed jaħdmu favur l-Ewropa. Il-PPE huwa l-partit tiegħi, u ta' dan jiena kburi, iżda bħala President tal-Kummissjoni l-partit tiegħi hu l-Ewropa u dan huwa l-messaġġ li nixtieq naqsam magħkom, speċjalment lil dawk il-forzi ta’ saħħa taċ-ċentru xellugi u taċ-ċentru lemin, favur l-Ewropa. Naturalment jeħtieġ li nesprimu d-differenzi tagħna iżda dawn id-differenzi ma għandhomx idgħajfu l-kamp favur l-Ewropa. Altrimenti nkunu qed naqdu mill-koxxa lill-partiti tal-lemin estrem u tax-xellug estrem. Jeħtieġ li l-forzi favur l-Ewropa jingħaqdu. Huma għandu jkollhom il-kuraġġ jiddefendu lill-Ewropa. Huma jridu jiktbu dan b’ittri kbar, mhux biss hawnhekk, iżda anki fi Strasburgu. Jeħtieġ li jkollna din il-Gran Koalizzjoni għall-Ewropa għax jiena nemmen li għandna biżżejjed enerġija biex nirbħu l-battalji tal-preżent u tal-ġejjieni.

Grazzi.


Side Bar