Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

[Id-Diskors Proprju Jitqies Bħala Awtentiku]

Jean-Claude Juncker

Kandidat għall-President tal-Kummissjoni Ewropea

Bidu ġdid għall-Ewropa: L-aġenda tiegħi għall-Impjiegi, it-Tkabbir, il-Ġustizzja u t-Tibdil Demokratiku

Is-seduta plenarja tal-Parlament Ewropew

Strasburgu, il-15 ta' Lulju 2014

Illum, Jean-Claude Juncker ġie elett bħala l-President tal-Kummissjoni Ewropea b'maġġoranza qawwija ta' 422 vot fis-seduta plenarja tal-Parlament Ewropew. Wara li kien ġie propost bħala kandidat għall-President tal-Kummissjoni mill-Kunsill Ewropew tas-27 ta' Ġunju 2014, Jean-Claude Juncker kellu bżonn ta' maġġoranza ta' 376 vot fil-Parlament Ewropew. Fid-diskors tiegħu qabel il-vot, huwa ppreżenta l-linji gwida politiċi għall-Kummissjoni Ewropea li jmiss kif stipulat fid-dokument bit-titolu "Bidu ġdid għall-Ewropa: L-aġenda tiegħi għall-Impjiegi, it-Tkabbir, il-Ġustizzja u t-Tibdil Demokratiku". Dawn il-linji gwida huma l-bażi li Jean-Claude Juncker ġie elett fuqha llum. Dawn huma l-kwotazzjonijiet ewlenin mill-intervent tal-Kandidat għall-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker:

"Irrid naħdem għal Unjoni li jkollha impenn għad-demokrazija u r-riforma; li ma tkunx tindaħal imma taħdem għaċ-ċittadini tagħha u mhux kontrihom. Irrid naħdem għal Unjoni li tirnexxi."

"L-ewwel prijorità tiegħi u l-parti li tgħaqqad kull proposta se tkun li l-Ewropa terġa' tibda tikber u li n-nies imorru lura għax-xogħol. Biex dan isir, fl-ewwel tliet xhur tal-mandat tiegħi, se nippreżenta Pakkett ta' Impjiegi, Tkabbir u Investiment li jiġġenera EUR 300 biljun f'investiment tul it-tliet snin li ġejjin."

"L-SMEs huma s-sinsla tal-ekonomija tagħna, u joħolqu 85 % tal-impjiegi ġodda fl-Ewropa - ma nistgħux nidfnuhom bil-burokrazija. Jeħtieġ neħilsuhom mir-regolamentazzjoni li tkun ta' piż żejjed."

"Huwa fl-interess ta' kulħadd li l-enerġija ma tintużax bħala ballun politiku. Wasal iż-żmien li l-Ewropa tqum fuq saqajha, billi ngħaqqdu r-riżorsi tagħna, l-infrastrutturi tagħna u l-qawwa tagħna fl-innegozjar."

"Is-salvataġġ tal-ewro kien neċessarju imma kien dgħajjef fuq in-naħa soċjali. Mhux aċċettabbli għalija li l-ħaddiema u l-pensjonanti kellhom jerfgħu l-piż tal-programmi ta' riforma strutturali, filwaqt li s-sidien tal-vapuri u l-ispekulaturi finanzjarji komplew jistagħnew. Fil-futur jeħtieġ li nissostitwixxu t-Trojka bi struttura aktar demokratikament leġittima u valutazzjonijiet tal-impatt soċjali profondi għal kull programm ġdid ta' sostenn."

"Irrid ftehim kummerċjali raġonevoli u bbilanċjat mal-Istati Uniti. Però m'iniex se nissagrifika l-istandards tas-sikurezza, tas-saħħa, dawk soċjali u tal-protezzjoni tad-dejta jew id-diversità kulturali fuq l-altar tal-kummerċ ħieles."

"Neħtieġu iktar solidarjetà fil-politika tagħna dwar l-immigrazzjoni. Se nżid il-kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi biex il-migrazzjoni irregolari tiġi ttrattata b'mod iktar b'saħħtu u se nippromwovi politika Ewropea dwar il-migrazzjoni legali biex tpoġġi l-Ewropa fuq il-mappa bħala destinazzjoni favorita għat-talent."

"Il-konvinzjoni soda tiegħi hija li rridu nimxu 'l quddiem bħala Unjoni imma mhux bilfors kulħadd bl-istess pass. Xi wħud jafu jkunu diġà laħqu d-destinazzjoni finali tagħhom. Jien dejjem kont u nibqa' lest li nisma' u ngħin biex jinstabu soluzzjonijiet għat-tħassib ta' kull Stat Membru."

"Il-bilanċ bejn is-sessi mhux xi lussu imma bżonn politiku u għandu jkun awtoevidenti għal kulħadd - partikolarment għall-mexxejja nazzjonali meta jiġu biex jipproponu kandidat bħala Kummissarju. Dan huwa fih innifsu eżami għall-impenn tal-gvernijiet nazzjonali lejn approċċ iktar demokratiku fi żminijiet ta' bidla."

"Il-motto tal-kampanja tal-Parlament kien "Din id-darba differenti" - illum għinuni biex inżomm dik il-wegħda. Għinuni nuri lid-dinja li flimkien nistgħu nagħtu lill-Ewropa bidu ġdid."


Side Bar