Navigation path

Left navigation

Additional tools

Dwar l-Ewropa Kunsiderazzjonijiet dwar il-preżent u l-ġejjieni tal-Unjoni Ewropea

European Commission - SPEECH/14/355   08/05/2014

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO GA HR

Il-Kummissjoni Ewropea

[Id-Diskors Proprju Jitqies Bħala Awtentiku]

José Manuel Durão Barroso

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea

Dwar l-Ewropa

Kunsiderazzjonijiet dwar il-preżent u l-ġejjieni tal-Unjoni Ewropea

Diskors tal-President tal-Kummissjoni Ewropea, José Manuel Durão Barroso

L-Università ta' Humboldt, Berlin, it-8 ta' Mejju 2014

'Nós estamos na Europa e é na Europa que nós nos salvamos ou nos perdemos todos.'1

Eduardo Lourenço

L-ewwel nett, xtaqt nirringrazzjakom ħafna talli stedintuni hawn, f'din l-istituzzjoni Ġermaniża u Ewropea tant kbira u importanti li hi l-Università ta' Humboldt. Inħossni veru eċitat li ninsab fl-università ta' Hegel, ta' Max Planck u ta' Albert Einstein. U nirringrazzjakom ukoll talli tajtuni din l-opportunità biex inwasslilkom dan id-diskors tiegħi dwar l-Ewropa. Dan id-diskors m'għamiltux qabel għaliex deherli li kien xieraq li nagħmlu bħala diskors li jiġbor dak li se nħalli warajja issa li se nkun għaddejt l-għaxar snin ta' esperjenza tiegħi fil-Kummissjoni Ewropea. U anki minħabba li tarrfuli li l-istudenti ta' din l-università huma mdorrijin jattendu klassijiet ta' tul ta' siegħa u nofs. Jien se nipprova nikkonkludi d-diskors tiegħi fi ftit ħin inqas minn hekk. Iżda nemmen li dan huwa l-mument, u li din hija l-istituzzjoni fejn nista' niddeskrivi, f'termini diretti ħafna, l-esperjenza tiegħi u l-proposti tiegħi għall-futur tal-Ewropa.

Sinjuri,

Ili involut fil-proċess tal-integrazzjoni Ewropea b'mod attiv għal dawn l-aħħar 30 sena. U dan mhux biss tul dawn l-aħħar għaxar snin bħala President tal-Kummissjoni Ewropea, iżda wkoll bħala Ministru tal-Affarijiet Barranin u bħala Prim Ministru ta' pajjiżi, il-Portugall. Inħoss li huwa d-dmir tiegħi li, qabel inħalli l-kariga tiegħi bħala President tal-Kummissjoni, naqsam l-esperjenzi u l-ħsibijiet tiegħi dwar kif nistgħu nkomplu nibnu fuq dak li ksibna s'issa, u nibqgħu mexjin 'il quddiem.

Jiena din ir-responsabbiltà nħossha - iżda fl-aħħar mill-aħħar din mhijiex biss responsabbiltà: jien inqisha bħala passjoni, għaliex jiena tassew għandi passjoni għall-Ewropa. U naħseb li dan huwa mument tajjeb biex naħsbu u niddeċiedu dwar il-futur tal-kontinent tagħna.

L-iżviluppi li għaddejna minnhom tul dawn l-aħħar għaxar snin, kemm dawk pożittivi kif ukoll dawk negattivi, kienu ta' importanza kbira.

L-aħħar għaxar snin ta' integrazzjoni Ewropea kienu tabilħaqq immarkati minn kisbiet storiċi, ibda mit-tkabbir ta' wara l-2004, li involva l-Istati tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, kif ukoll pajjiżi oħra tal-Mediterran. Iżda kienu wkoll għaxar snin li raw ukoll kriżijiet li qatt ma rajna bħalhom qabel. L-ewwel nett, insemmu l-kriżi li bdiet fl-2005 bħala riżultat tal-fatt li t-Trattat Kostituzzjonali ma setax jiġi ratifikat. Din is-sitwazzjoni setgħet titranġa biss fl-2009, wara li ddaħħal fis-seħħ it-Trattat ta' Lisbona. Barra minn hekk, fl-2008 rajna l-iżvilupp ta' kriżi finanzjarja li evolviet f'maltempata grotteska, u li komplew jikkontribwixxu għaliha l-kriżi tad-dejn sovran, il-kriżi ekonomika u dik soċjali. Dan kien test tal-istress importanti ħafna, li ttestja s-saħħa u s-solidità tal-Unjoni Ewropea u, b'mod partikolari, tal-munita unika. Biex nindirizzawh kellna nirrikorru għal miżuri eċċezzjonali, inkluż billi noħolqu strumenti għalkollox ġodda.

Apparti hekk, issa qed inħabbtu wiċċna ma' sfidi ġodda bħala riżultat tal-iżviluppi li seħħew dan l-aħħar fl-Ukraina u fir-Russja - din probabbilment hija l-ikbar sfida għas-sigurtà u l-paċi fl-Ewropa minn żmien il-waqgħa tal-Purtiera tal-Ħadid u tal-Ħajt ta' Berlin.

Il-lezzjonijiet li tgħallimna matul dawn l-aħħar għaxar snin se jagħtu perspettiva qawwija lid-dibattitu dwar il-futur tal-Unjoni Ewropea, u huwa għalhekk li nixtieq nistimola dan id-dibattitu permezz tal-kunsiderazzjonijiet li ġejjin.

Jien qiegħed insejħilhom kunsiderazzjonijiet dwar il-preżent u l-ġejjieni tal-Unjoni Ewropea minħabba li ninsab konvint li l-Unjoni Ewropea għandha bżonn tiżviluppa aktar, u li żvilupp f'din id-direzzjoni għandu jkun wieħed ta' tip organiku, u mhux wieħed li jsir f'daqqa.

Riformi, mhux rivoluzzjoni.

Evoluzzjoni, mhux antirivoluzzjoni.

Sinjuri,

L-istorja ma twittix triqitha f'linja dritta, nieqsa mill-kumplikazzjonijiet. Fil-pass tagħha hija ssegwi perkors kollu tidwir u dawrien. U, kultant żmien, taraha saħansitra tgħaġġel il-pass mingħajr ebda twissija ta' xejn. Bħalissa għaddejjin minn żmien ikkaratterizzat minn żviluppi dejjem aktar mgħaġġla, li diversi Stati u atturi oħra, kemm fl-Ewropa kif ukoll fix-xena internazzjonali, qed jitħabtu biex ilaħħqu magħhom.

Sa mill-bidu, l-integrazzjoni Ewropea dejjem kienet mod biex dawn il-bidliet jiġu indirizzati, jiġifieri mod kif l-Istati jiġu megħjuna jadattaw għall-isfidi storiċi li jafu jegħlbu s-setgħa individwali tagħhom.

Għal darb'oħra, l-avvenimenti li seħħew tul dawn l-aħħar għaxar snin huma xhieda tal-adattabilità u l-flessibilità straordinarji tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea. Din ir-reżiljenza nistgħu forsi nsejħulha l-'plastiċità' tagħhom: huma jaġġustaw u jadattaw il-forma tagħhom mingħajr ma jitilfu s-sustanza.

Mela allura x'inhi s-sustanza, jew aħjar, l-essenza tal-proġett Ewropew?

Fl-ewwel fażi tiegħu, li nistgħu nsejħulha "Ewropa 1.0", u li ġiet imfassla wara t-Tieni Gwerra Dinjija, il-proġett Ewropew kien iffukat fuq is-salvagwardja tal-paċi u l-prosperità fil-parti ħielsa tal-Ewropa permezz tal-integrazzjoni ekonomika, u fuq il-bażi ta' rikonċiljazzjoni bejn Franza u l-Ġermanja.

Dak li nistgħu nirreferu għalih bħala l-proġett "Ewropa 2.0", li ġie mfassal mill-ġdid wara l-waqgħa tal-Purtiera tal-Ħadid u wara l-waqgħa tal-Ħajt ta' Berlin, kien iffukat fuq l-estensjoni tal-benefiċċji tas-swieq miftuħa u tas-soċjetajiet miftuħa għal Ewropa mkabbra u magħquda mill-ġdid.

Wara li nħassu l-effetti tal-kriżi finanzjarja u ekonomika, u wara li rajna d-dinja taqbad it-triq lejn sitwazzjoni politika bbażata fuq ir-relazzjonijiet multipolari tal-globalizzazzjoni, għaddejna għat-tielet fażi tal-integrazzjoni Ewropea. Il-pass li jmiss hu li naġġornaw il-miri tagħna skont din il-fażi l-ġdida, li nistgħu nsejħulha "Ewropa 3.0".

Kull pass f'dan il-proċess wassal għal Unjoni Ewropea aktar interattiva u aktar kumplessa, u kull pass kellu impatt iktar profond minħabba li l-isfidi kienu akbar u aktar diffiċli biex tiddefinixxihom, u kienu jeħtieġu forom aktar elaborati ta' kooperazzjoni biex wieħed jindirizzahom.

Issa, it-tielet fażi tikkonċerna primarjament – jew għandha tikkonċerna primarjament – is-is-setgħa u l-influwenza meħtieġa biex il-paċi u l-prosperità tal-Ewropa jiġu salvagwardjati fil-kuntest tal-kundizzjonijiet tal-globalizzazzjoni. Il-kriżi ekonomika u finanzjarja wriet, b'mod partikolari, li t-titjib fil-governanza taż-Żona tal-Euro kien indispensabbli għas-sostenibbiltà fit-tul tal-munita unika. Hemm possibbiltà li jistgħu jsiru indispensabbli wkoll passi istituzzjonali ulterjuri ta' natura aktar politika. Naturalment, l-isfida tikkonsisti f'li nsibu kif infassluhom u nimplimentawhom b'mod li jippreżerva l-integrità kemm tas-suq intern, kif ukoll tal-Unjoni tagħna kollha kemm hi. Jista' jkun li se niġi bżonn ta' kooperazzjoni Ewropea aktar b'saħħitha, waħda sostnuta minn ritmidifferenti. Iżda dejjem evitajna li jkollna, u tassew dejjem għandna nevitaw li jkollna, Ewropa ta' klassijiet differenti - u dan akkost ta' kollox. Jiġifieri: flessibbiltà iva, stratifikazzjoni le.

Qabel nidħlu iktar fid-dettall dwar dawn l-isfidi istituzzjonali, u speċjalment dwar il-kwistjoni tas-setgħa u l-influwenza tal-Ewropa fix-xena dinjija, għandna nfakkru lilna nfusna li l-għanijiet ewlenin li l-Ewropa ħaddnet minn mindu nħolqu l-Komunitajiet Ewropej - jiġifieri l-paċi u l-prosperità - għadhom ta' importanza kardinali għalina anki llum il-ġurnata. Prova ta' dan huma l-iżviluppi li seħħew dan l-aħħar.

Il-paċi u l-istabbiltà, minħabba li t-theddidiet għas-sisien ekonomiċi tal-Ewropa wasslu biex jipperikolaw il-kunfidenza tagħna fina nfusna, u wasslu għal paniku kważi surreali u li kien kapaċi jkattar lilu nnifsu sal-punt li qiegħed f'periklu xejn inqas mit-tessut stess tal-unità Ewropea. Il-prospett li jisfaxxa l-euro beda jitqies bħala sinjal tal-bidu tal-isfaxxar tal-Ewropa. Li kieku din il-possibbiltà saret realtà, żgur li kienet twassal biex l-Ewropa terġa' tinqasam f'ekonomija tal-ewwel klassi u f'ekonomija tat-tieni klassi, u b'hekk, f'żewġ soċjetajiet ta' klassi differenti. Huwa żgur ukoll li kienet twassal biex tintemm il-viżjoni ta' kontinent ta' Stati ndaqs, magħquda f'unjoni dejjem aktar unifikata.

Issa qed naraw li tassew tfaċċaw tensjonijiet bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar, bejn is-sinjuri u l-foqra, bejn il-pajjiżi debituri u l-pajjiżi kredituri u bejn iċ-ċentru u l-periferija. Iżda m'aħniex se nippermettu li dawn it-tensjonijiet jifframmentaw l-Ewropa. Għall-kuntrarju, aħna ninsabu fi triqitna, aktar minn qatt qabel fl-istorja reċenti, lejn approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja tagħna, filwaqt li niddefendu l-prinċipji li jippreżervaw l-integrità tal-Unjoni Ewropea b'mod ġenerali. Tant hu hekk li l-kompetenzi u s-setgħat tal-Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, mill-Kummissjoni Ewropea sal-Bank Ċentrali Ewropew, komplew jissaħħew. Xi wħud minn dawn il-kompetenzi kienu inkonċepibbli ftit tas-snin ilu, qabel il-kriżi. Ir-rilevanza tal-livell Ewropew kompliet żdiedet. Rigward is-sustanza ekonomika, din kienet l-akbar trasformazzjoni istituzzjonali minn meta nħoloq l-euro.

Min qal li l-narrattiva tal-paċi għall-integrazzjoni Ewropea hija xi ħaġa tal-passat, jeħtieġlu biss iħares lejn l-Ukraina. Il-paċi mhix garanzija, mhix ċertezza assoluta. Il-paċi trid tintrebaħ mill-ġdid permezz tal-ġenerazzjonijiet ġodda, permezz tal-Unità Ewropea, permezz ta' azzjonijiet uniti min-naħa tal-Ewropa fir-reġjun usa' u fil-livell internazzjonali. L-idea tal-paċi hija aktar importanti minn qatt qabel għall-integrazzjoni Ewropea.

Waqt il-kriżi finanzjarja u ekonomika ġiet mhedda wkoll il-prosperità, dik li sa mill-bidu tal-integrazzjoni Ewropea għamlet mill-Unjoni Ewropea proġett tant attraenti. Din kienet kriżi ta' mudelli tat-tkabbir, li fiha nkixfu tentattivi biex it-tkabbir ekonomiku jintefaħ artifiċjalment permezz ta' illużjonijiet finanzjarji u biex it-tkabbir jiġi appoġġjat permezz tad-dejn pubbliku jew privat, kif kien hemm min qed jipprova jagħmel fl-ekonomija tal-Amerika u tal-Ewropa rispettivament.

Issa erġajna ġejna f'tagħna u qed nirrikorru għall-metodu ferm inqas ħafif, jiġifieri dak ibbażat fuq l-innovazzjoni u r-riformi strutturali għall-kompetittività globali. Il-pajjiżi l-aktar milquta qed jirreaġixxu b'mod pożittiv ħafna. L-Irlanda, Spanja u l-Portugall qed jagħmlu progress tajjeb. Din il-ġimgħa stess, pajjiżi, jiġifieri l-Portugall, ħabbar li se joħroġ mill-programm mingħajr ma jitlob assistenza ulterjuri mill-Unjoni Ewropea. Minkejja d-diffikultajiet kollha li qed jiffaċċjaw, anki l-Greċja u Ċipru jinsabu fit-triq it-tajba. B'mod kuntrarju għal dak li ġie mbassar, mhux biss ħadd ma ħareġ miż-Żona tal-Euro, iżda ssieħbet fiha l-Latvja wara li għamlet sforzi impressjonanti. Il-pajjiżi Ewropej qed japplikaw il-lezzjonijiet meħuda mill-kriżi biex jindirizzaw id-dejn u l-iżbilanċi makroekonomiċi. L-ekonomiji qed jiffurmaw ruħhom mill-ġdid, avolja wħud minnhom, inkluż xi wħud mill-ekonomiji l-kbar, għandhom bżonn jgħaġġlu l-pass. Inżid ngħid li dawn l-isforzi m'għadhomx ta' natura individwali, iżda qed jiġu addattati dejjem aktar għall-politiki u għall-effetti osservati bejn il-fruntieri.

L-Ewropa teħtieġ leġittimazzjoni bħal din permezz tal-ksib ta' riżultati, u dawn jistgħu jinkisbu biss billi titqiegħed enfażi kontinwa fuq ir-riformi: ir-riformi fl-istrutturi ekonomiċi tagħna, fl-amministrazzjonijiet pubbliċi, fis-swieq tax-xogħol, fis-suq intern, fil-politiki tal-enerġija u tal-klima, u l-bqija. Il-ksib ta' dawn ir-riżultati jiddependi mill-approċċ komuni li ma nistgħux ngħaddu mingħajru.

Ovvjament, xi wħud minn dawn l-aġġustamenti kienu ta' skumdità kbira. U rajna sitwazzjoni ta' emerġenza soċjali fi wħud mill-pajjiżi tagħna. Iżda huwa importanti wkoll li wieħed jinnota li dawk l-aġġustamenti xorta waħda kellhom iseħħu, bil-euro jew mingħajru, u bl-Unjoni Ewropea jew mingħajrha. Irridu ngħidu wkoll li d-diffikultajiet ma ġewx ikkawżati mill-euro jew mill-Unjoni Ewropea. Fil-fatt l-Ewropa ma kenitx il-kawża tal-problema - l-Ewropa hija parti mis-soluzzjoni.

L-ekonomija tas-suq soċjali Ewropew hija bbażata fuq mudell soċjali uniku. Anki b'varjazzjonijiet nazzjonali, is-sistema soċjali tagħna tiddistingwina mill-ekonomiji u mis-soċjetajiet ewlenin kollha l-oħra, mill-ekonomiji żviluppati sal-ekonomiji emerġenti. Iċ-ċittadini tagħna jqisuha prezzjuża. Hija mudell li jinkorpora l-valuri li jħaddnu dawn l-istess ċittadini - il-kombinament uniku ta' responsabbiltà għall-individwu nnifsu u s-solidarjetà mas-soċjetà u fost il-ġenerazzjonijiet. Mudell li jikseb l-għanijiet li jixtiequ jiksbu - bħas-sigurtà fix-xjuħija u fiż-żminijiet diffiċli. U huwa biss permezz tal-kooperazzjoni u tal-adattament li se nissalvagwardjaw l-ekonomija tas-suq soċjali tagħna.

Iżda mmorru lura għall-kwistjoni prinċipali ta' dik li sejjaħnielha t-tielet fażi ta' integrazzjoni Ewropea, jiġifieri l-kwistjoni tal-influwenza u s-setgħa. F'dan ir-rigward irridu nagħrfu sew illi sabiex nissalvagwardjaw il-paċi u l-prosperità fl-Ewropa għandna bżonn Unjoni Ewropea li hija ħafna aktar lesta li twassal dik is-setgħa u influwenza fid-dinja. Matul il-kriżi, il-fiduċja fl-influwenza globali tal-Ewropa ddgħajfet b'mod gravi fil-livell internazzjonali. Globalment, il-mudell ekonomiku Ewropew ma baqax attraenti daqs qabel, anki jekk biss temporanjament. U ma' din tqajmu dubji anki dwar il-valuri u l-awtorità tagħna bħala attur globali. Issa għandna bżonn nerġgħu nqumu fuq saqajna u niksbu mill-ġdid ir-rwol u l-influwenza tagħna. L-isfida tal-globalizzazzjoni tinvolvi aktar aspetti minn dik tal-ekonomija. Jeħtieġ li l-istrateġija diplomatika tagħna tiġi fformulata mill-ġdid. Jeħtieġ li l-kapaċitajiet tagħna ta' difiża jinġabru flimkien. Jeħtieġ li niddefendu l-valuri tagħna aktar minn qatt qabel.

Is-sistema dinjija qed tadatta ruħha wkoll, billi toħloq ordni dinji ġdid. Jekk ma nagħtux kontribuzzjoni lejn l-iffurmar mill-ġdid tagħha nkunu qed nonqsu milli ninvestu fil-futur. Anki f'dan il-każ, l-iżviluppi li qed iseħħu b'rabta mal-Ukraina qed juru li jeħtieġ li nibqgħu attenti ħafna, u qed jindikawlna li hemm bżonn li nibqgħu magħquda. L-Ewropa jew se timxi 'l quddiem fil-koerenza u fir-rieda tagħha li twassal is-setgħa u l-influwenza tagħha, jew inkella tirriskja li ssir irrilevanti.

Dan jeħtieġ li nsaħħu l-istat intern tal-Unjoni Ewropea b'mod li jkun aktar stabbli.

Għandna bżonn nindirizzaw tliet tipi ta' distakki. Hemm distakk fil-governanza, minħabba li l-Istati Membri weħidhom m'għadx għandhom dak li jeħtieġu biex iċ-ċittadini jingħataw dak li għandhom bżonn, filwaqt li l-istituzzjonijiet Ewropej għad m'għandhomx it-tagħmir kollu meħtieġ biex jagħmlu dan. Hemm distakk fil-leġittimità, minħabba li ċ-ċittadini għandhom il-perċezzjoni li d-deċiżjonijiet jittieħdu f'livell li qiegħed wisq 'il bogħod minnhom. U jeżisti wkoll distakk fl-aspettattivi, minħabba li li mis-sistema politika n-nies jistennew ħafna aktar minn dak li fil-fatt tista' tagħti. M'hemm l-ebda awtomatiċità biex l-Istati Membri jiftiehmu dwar l-għodod meħtieġa biex dawn id-distakki jiġu rimedjati fil-livell Ewropew. B'hekk hemm ħtieġa ċara li tiġi definita l-komunalità li nixtiequ, u li fuqha jiddependi r-rwol tagħna fid-dinja.

L-istabbiltà se tinkiseb biss permezz ta' ekwilibriju ġdid stabbilit fuq livell ogħla ta' komunalità.

Sinjuri,

Madankollu, ħadd qatt ma qal li l-aġġustament għal sitwazzjonijiet ġodda huwa ħaġa faċli - anki jekk ma jkun hemm ebda dubju li huwa meħtieġ.

Il-bidliet profondi huma partikolarment ta' sfida għall-pajjiżi Ewropej li, bħala demokraziji, għandhom bżonn jaħsbu mhux biss dwar dak li għandhom bżonn jagħmlu, iżda wkoll dwar kif għandhom jagħmlu dan. Mhuwiex biżżejjed li nikkonformaw mar-realtajiet il-ġodda - jeħtieġ li dawn ir-realtajiet il-ġodda nħaddnuhom b'mod deċiż, u li niżguraw li huma ta' benefiċċju għal kulħadd. Qed niftakar fil-laqgħat tal-Kunsill Ewropew, fejn kont nisma' lill-Prim Ministri jgħidu: "Aħna nafu x'għandna nagħmlu. L-unika problema hi li jekk nagħmlu hekk, nitilfu l-elezzjonijiet li jmiss."

Din ma tistax tintuża bħala skuża biex ma jsirx dak li hemm bżonn isir, biex ma jsirx ix-xogħol iebes li r-raġuni stess tinkoraġġina nagħmluh. Il-kunċett ta' 'rendre possible ce qui est nécessaire' huwa l-kondizzjoni għal governanza responsabbli.

Dan mhuwiex prova għall-Unjoni Ewropea biss. Il-gvernijiet ta' diversi pajjiżi tad-dinja qed jiffaċċjaw sfidi simili bħalissa, anki jekk forsi f'modi differenti. Għal darb'oħra, id-demokrazija qed turi li hija l-aħjar mod, u l-aktar mod stabbli biex dawn l-isfidi jiġu indirizzati. Iżda fl-istess ħin id-demokrazija teħtieġ ħila politika u tmexxija kuraġġuża, u dan aktar minn kull sistema oħra.

L-ispinta għall-fażijiet preċedenti ta' integrazzjoni Ewropea - b'mod kuntrarju għall-perċezzjoni li hija popolari f'ċerti oqsma - dejjem imxiet kemm minn isfel għal fuq kif ukoll minn fuq għal isfel.

Dan seħħ fil-każ tal-movimenti ta' reżistenza, tat-trejdjunjins u tal-intraprendituri li ngħaqdu flimkien wara l-kruhat tal-gwerra. U seħħ ukoll fil-każ taż-żgħażagħ Ġermaniżi u Franċiżi li tant kienu ħerqana li jaqsmu l-fruntieri psikoloġiċi u fiżiċi fil-ħamsinijiet. Dan seħħ fil-każ tal-Griegi, tal-Portugiżi u tal-Ispanjoli li fis-snin sebgħin ħelsu lilhom infushom mid-dittatorjati sabiex iħossuhom parti mill-Ewropa, li raw li r-reġimi li fihom kienu qed jgħixu ma setgħux u ma ridux jadattaw għal realtà ġdida filwaqt li d-dinja kienet għaddejja ddur mingħajrhom. Dan seħħ fil-każ tal-popli tal-Ewropa Ċentrali u tal-Ewropa tal-Lvant, mis-Solidarność fil-Polonja sar-Rivoluzzjoni tal-Bellus fi Praga, mill-movimenti Baltiċi għall-indipendenza sal-Ungeriżi li kienu l-ewwel li fetħu l-Purtiera tal-Ħadid fit-tmeninijiet u fid-disgħinijiet. Mill-biċċa l-kbira, huma raw ir-ritorn għad-demokrazija bħala ekwivalenti ma' appartenenza fl-Unjoni Ewropea. Il-ġenerazzjoni tiegħi fil-Portugall ħasset li xi ġenerazzjonijiet ġarrbu l-istess ħaġa fil-partijiet tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant aktar tard. Kienu jafu li, bħalma qal Vaclav Havel, "l-Ewropa hija l-patrija tal-patriji tagħna".

F'diskors li ta f'Londra fl-1951, Konrad Adenauer semma' kif għarfien wiesa' dwar il-kwistjonijiet involuti għamel mill-Ġermanja attur daqshekk determinat fil-fażijiet bikrin tal-integrazzjoni Ewropea. Huwa kien stqarr: "Mhijiex biss biża' mill-Bolxeviżmu li ġġegħelna nieħdu azzjoni, iżda wkoll l-għarfien... li l-problemi li rridu niffaċċjaw f'dawn iż-żminijiet, jiġifieri l-preżervazzjoni tal-paċi u l-ħarsien tal-libertà, nistgħu nsolvuhom biss f'dik il-komunità akbar. Il-parti l-kbira tal-poplu Ġermaniż hija tal-istess fehma... F'dan ir-rigward, ippermettuli ngħid li fis-26 ta' Lulju 1950, il-Bundestag Ġermaniż iddikjara l-pożizzjoni unanima tiegħu favur il-ħolqien ta' Federazzjoni Ewropea."

Illum, appoġġ politiku u soċjali wiesa' ta' dan it-tip huwa essenzjali daqs kemm kien qatt qabel. Ma nistgħux nimxu 'l quddiem mingħajr momentum. Ma nistgħux, u m'għandniex, ninfluwenzaw l-opinjoni pubblika billi nisfurzawha. Iżda nistgħu nippruvaw insawru l-kunsens li għandna bżonn. U hawn niġu għall-kwistjoni tat-tmexxija politika. It-tmexxija tinvolvi t-teħid tar-responsabbiltà. It-tmexxija mhijiex ibbażata fuq li wieħed isegwi xejriet popolari jew populisti. Għaliex l-Unjoni Ewropea m'għadhiex li kienet. Issa kibret u evolviet f'sistema demokratika ta' governanza aktar sħiħa, l-aktar permezz tat-Trattat ta' Lisbona - f'sistema demokratika li l-impatt tagħha fuq il-ħajja tan-nies hu ferm aktar mifrux minn dak ta' verżjonijiet preċedenti. Tabilħaqq, konna u għadna qed nibnu dik it-tip ta' unjoni li qabel ma kienet xejn ħlief aspirazzjoni.

B'riżultat ta' dan, id-deliberazzjoni burokratika, id-deliberazzjoni teknokratika u d-deliberazzjoni diplomatika weħidhom m'għadhomx biżżejjed. Anki s-samits donnhom laħqu l-limiti tagħhom. Għandna bżonn dibattitu ġdid, djalogu ġdid biex inkomplu niżviluppaw din l-idea – sens reali ta' appartenenza fil-proġett Ewropew kemm f'livell nazzjonali kif ukoll f'livell transnazzjonali.

Dan huwa proprju l-qalba tal-kwistjoni: il-politika u l-proċessi ta' governanza jistgħu jiffunzjonaw sew biss jekk ikun hemm kunsens dwar il-komunalità miftiehma, u dwar il-mod kif għandna naslu s'hemm.

Il-karattru sui generis u 'ta' xogħol fl-idejn' tal-proġett Ewropew huwa rifless f'serje ta' diskussjonijiet dwar it-trattati minn żmien it-trattat ta' Maastricht sal-lum, u li okkupaw pożizzjoni ewlenija fid-dibattitu. Minn dak iż-żmien, il-kriżi finanzjarja u ekonomika reġgħet qajmet serje ta' kwistjonijiet relatati mat-trattati. Intlaħaq qbil dwar il-kwistjoni kostituzzjonali għall-Ewropa.

Min-naħa tiegħi, jiena ngħid li ma hemmx risposta definittiva għal din il-kwistjoni, jew għall-inqas waħda li tista' tingħata bħalissa.

Dawk li jsegwu mudell ultra-integrazzjonista ma jistgħux jinjoraw il-fatt li l-biċċa l-kbira tan-nies ma jridux li l-unità Ewropea tikiseb għad-detriment tal-istat nazzjon. Dawk li għandhom perspettiva purament nazzjonali jew intergovernattiva ma jistgħux jinjoraw il-fatt li l-istati nazzjon m'għadhomx biżżejjed biex joffru liċ-ċittadini dak li jistennew. Huwa inutli li nippruvaw nidentifikaw punt aħħari kunċettwali għall-integrazzjoni Ewropea - nippruvaw kemm nippruvaw.

Il-mod l-aktar raġonevoli u li għandna nsegwu huwa ieħor. F'kull fażi, l-integrazzjoni Ewropea kienet ibbażata fuq sens ċar ta' skop, idea ċara tal-ħtieġa għall-Ewropa. Il-mezzi biex dan ikun jista' jsir, jiġifieri t-trattati u l-istituzzjonijiet, dejjem segwew ir-rieda politika.

Mela issa, qabel niddiskutu d-dettalji tekniċi ta' trattat ieħor, irridu nsibu risposta għal din id-domanda: liema tip ta' komunalità nistgħu nirrikonoxxu bħala meħtieġa, indispensabbli u inevitabbli bejn il-bliet kapitali u Brussell? Liema huma l-affarijiet li rridu nqisu bħala affarijiet li rridu niddeċiedu li nagħmlu flimkien, jiġri x'jiġri? X'inhu l-għan miftiehem, kostanti u konġunt tal-Unjoni tagħna? Sa liema punt għandna ngħaqqdu flimkien id-destini tagħna, b'mod irrevokabbli u bis-sħiħ? Fi ftit kliem: x'inhi l-viżjoni tagħna?

Il-kriżi wasslet biex iż-żmien tal-"kunsens impliċitu" jintemm - din kienet in-natura kważi intwittiva tal-integrazzjoni Ewropea. Issa jeħtieġ li l-kunsens isir espliċitu. Issa huwa l-ħin li jsir dibattitu politiku u soċjali dwar liema tip ta' komunalità rridu fl-UE; dwar kemm irridu li l-integrazzjoni tmur 'il bogħod u fil-fond; dwar min irid jipparteċipa, u fiex; u għal liema għan.

Sinjuri,

ippermettuli niddeskrivi l-politika, il-prinċipji u l-oqsma ta' politika li jiena nemmen li għandna nqiegħdu fil-qalba tal-isforzi tagħna biex nibnu kunsens bħal dan.

F'April 1978, Roy Jenkins, li dak iż-żmien kien il-President tal-Kummissjoni Ewropea, sab ruħu f'pożizzjoni li jien stess spiċċajt sibt ruħi fiha għexur ta' snin wara.

Huwa kien qal li "L-ekonomija tal-Komunità tinvolvi lill-impjiegi u lill-industriji li sejrin lura, l-istabbiltà monetarja, il-politika reġjonali u l-għażliet ta' enerġija. Dawn kollha huma s-sustanza tal-politika, u mhux tal-burokrazija."

U għalkemm deher li kien qed jistqarr idea ovvja, wasal għal konklużjoni interessanti: "għalkemm jista' jkun hemm xi wħud li jemmnu l-kontra, l-istituzzjonijiet tal-Komunità ġew mibnija b'attenzjoni, u tabilħaqq ġew adattati maż-żmien, biex jippermettu li jkun hemm interazzjoni bejn l-argumenti u r-riżoluzzjoni tagħhom, kemm f'livell tekniku kif ukoll f'livell politiku. Mhumiex perfetti... iżda l-qafas għad-deċiżjonijiet qiegħed hemm."

Tabilħaqq, ħafna drabi feġġet it-tentazzjoni li d-diskussjoni dwar il-"qafas għat-teħid tad-deċiżjonijiet" tingħata prijorità fuq dik li Roy Jenkins sejħilha s-"sustanza tal-politika".

Iżda ta' spiss jiġri li d-dibattiti Ewropej dwar il-politiki jsiru biss f'termini istituzzjonali jew kostituzzjonali. Fissazzjoni fuq il-proċessi ta' governanza wasslet biex l-attenzjoni ġiet iddevjata mill-politiki u mill-politika li kellhom bżonn. Minflok nieħdu d-deċiżjonijiet, sirna niddiskutu kif għandhom jittieħdu d-deċiżjonijiet, u min għandu joħodhom.

Illum xtaqt inwissi kontra din il-prassi, proprju kif għamel Jenkins madwar erbgħin sena ilu.

L-isfidi li għandna quddiemna f'din it-tielet fażi tal-integrazzjoni Ewropea għandhom l-ewwel u qabel kollox jiġu eżaminati mill-perspettiva tal-politika meħtieġa; it-tieni, il-politiki meħtieġa, u t-tielet, il-proċessi ta' governanza meħtieġa biex jinkisbu l-ewwel żewġ elementi li semmejt. U dan irridu nagħmluh f'din l-ordni.

Dan ifisser li d-dibattitu dwar il-futur tal-Ewropa għandu l-ewwel nett ikun dibattitu dwar il-politika u l-politiki, u mhux dibattitu dwar l-istituzzjonijiet u t-trattati. Dan għandu jkun dibattitu dwar dak li rridu nagħmlu flimkien, u dwar ir-raġunijiet għal dan l-isforz. Mingħajr kunsens f'dan ir-rigward, nistgħu niddibattu mingħajr waqfien dwar il-klawżoli tas-sussidjarjetà u dwar l-esklużjonijiet fakultattivi mingħajr ma nikkonvinċu jew nissodisfaw lil ħadd. Irridu niddeċiedu, kemm f'livell individwali kif ukoll b'mod kollettiv, dwar dak li rridu nagħmlu flimkien - u dwar dak li m'għandniex bżonn, jew li ma rridux, nagħmlu flimkien.

Il-qafas għad-deċiżjonijiet fl-Unjoni Ewropea kompla jevolvi bil-kbir matul is-snin, mhux biss minn żmien il-Kummissjoni ta' Jenkins, iżda anki illum, fi żmieni. Meta tqabbel fejn konna għoxrin sena ilu ma' fejn ninsabu llum, tara li l-evoluzzjoni li seħħet hija waħda impressjonanti.

U dan mhux qed ngħidu biss f'termini ta' kompetenzi, iżda prinċipalment fir-rigward tal-modi u d-dinamiki tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Jiena kelli l-privileġġ li nieħu sehem fil-laqgħat tal-Kunsill mill-1987 'l quddiem, u fil-laqgħat tal-Kunsill Ewropew mill-1992 sal-1995. U nista' nixhed li dawn id-differenzi huma importanti ħafna. F'ċerti każijiet il-kultura tal-istituzzjonijiet stess kellha tgħaddi minn bidliet ta' natura fundamentali.

Fil-bidu tas-snin disgħin, il-Komunità Ewropea kienet għadha tqis il-Kunsill bħala ċ-ċentru tagħha. Veru - il-Kummissjoni kellha d-dritt ta' inizjattiva, iżda l-biċċa l-kbira tas-setgħat ta' teħid tad-deċiżjonijiet kienu f'idejn l-Istati Membri. Minn dak iż-żmien 'l hawn, is-sistema u l-proċess tagħna inbidlu b'mod deċiżiv.

U dan seħħ, fuq kollox, permezz ta' żieda fis-setgħa tal-Parlament Ewropew,'il bogħod minn assemblea konsultattiva għall-koleġiżlatur indispensabbli. Anki jekk il-Parlament innifsu ta' spiss għadu juri li jbati minn element ta' eżitazzjoni bejn ir-"rôle tribunitien" tiegħu, b'kuntrast mar-"rôle décisionnel" l-ieħor tiegħu. Il-tentazzjoni li jsiru talbiet mingħajr ma titqies il-fattibbiltà - jiġifieri l-valutazzjoni żbaljata tal-kondizzjonijiet politiċi għal ċerti deċiżjonijiet - mhijiex qed tiġi megħluba bis-sħiħ mill-atturi kollha fil-Parlament Ewropew. U rajna li xi wħud jippreferu funzjoni ta' protesta, jew saħansitra waħda li tmur kontra s-sistema, minflok rwol li hu aktar konformi mal-ħtieġa li jinkisbu riżultati prammatiċi flimkien ma' istituzzjonijiet oħra. Dan probabbilment iseħħ ukoll minħabba li l-Parlament ma jgawdix minn dritt ta' inizjattiva. Iżda għandna nirrikonoxxu li, f'livell ġenerali, il-kontribuzzjoni tal-Parlament kienet waħda kostruttiva. Fl-aħħar, matul l-aħħar għaxar snin, il-Parlament aġixxa b'mod li juri li fil-mira tiegħu kellu għanijiet kbar, iżda anki li fl-aħħar mill-aħħar lagħab il-logħba li kellu jilgħab - mill-adozzjoni tal-baġit tal-Unjoni Ewropea sal-konklużjoni tal-Unjoni Bankarja.

Ir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri huma wkoll differenti ħafna b'riżultat tad-dinamika differenti li teżisti llum bejn 28 Stat Membru, meta mqabbel ma' dik li kienet teżisti bejn 12-il Stat Membru fl-1992 jew fl-1994. Għall-kuntrarju tal-mit li jeżisti dwar Brussell, din ma tantx hija kwistjoni ta' daqs u setgħa. Hija kwistjoni ta' viżjoni u ta' aġenda. Nista' nqabbel id-dinamika tal-Kunsill Ewropew kif kienet fl-1992 jew fl-1994, meta konna 12-il membru u meta l-ministri għall-affarijiet barranin kienu jieħdu sehem f'dawk il-laqgħat, mad-dinamika tal-lum. Niftakar sew il-preżenza ta' Helmut Kohl, ta' François Mitterrand u ta' Felipe González waqt dawk il-laqgħat. B'hekk inħossni kapaċi li nistabbilixxi d-differenza bejn id-dinamika tal-Kunsilli Ewropej ta' dak iż-żmien u d-dinamika ta' dawk tal-lum.

Hemm ċertu gvernijiet li jressqu l-opinjonijiet tagħhom billi jadottaw approċċ difensiv. Stati Membri oħra jressqu biss kwistjonijiet individwali, filwaqt li oħrajn iressqu l-opinjonijiet tagħhom mingħajr ma juru interess evidenti u li jinħass. Huwa biss għadd żgħir ta' mexxejja li joħorġu b'viżjoni li tinkludi kollox, jiġifieri b'metodu komprensiv. Dawn juru li jħossu grad ta' responsabbiltà għall-Ewropa. Iżda mhux kulħadd iħoss l-istess grad ta' responsabbiltà. U hija tabilħaqq din ir-responsabbiltà li tagħti l-vantaġġ fi proċess politiku bħal dak tal-UE.

Għaldaqstant, iċ-ċentru tal-gravità fuq in-naħa tal-Kunsill inbidel ħafna wkoll. Fil-passat, bħala parti mill-kunċett tat-trattat, il-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali magħmul mill-Ministri tal-Affarijiet Barranin kien meqjus bħala l-quċċata politika tan-naħa tal-Kunsill. Din il-perċezzjoni issa ċċaqilqet bis-sħiħ lejn in-naħa tal-Kunsill Ewropew. L-Ewropa saret "Chefsache". Il-korp li jgħaqqad flimkien lill-kapijiet nazzjonali, jiġifieri l-Kunsill Ewropew, kien beda jiżdied fl-importanza saħansitra qabel ma t-Trattat ta' Lisbona għamlu aktar operattiv u stabbli permezz tal-ħolqien tal-kariga tal-President permanenti tiegħu. Huwa veru li xi wħud mid-dinamiċi tal-Kunsill Ewropew huma dovuti għall-ispeċifiċità tal-kriżi ekonomika u finanzjarja: il-ħtieġa li jiġu mobilizzati malajr mezzi finanzjarji li l-Istati Membri biss jistgħu jikkmandaw. Jista' jkun li dan jonqos biż-żmien. Il-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern se jkollhom iqisu r-rwol tagħhom mhux biss bħala wieħed f'livell nazzjonali, iżda wkoll bħala rwol f'livell Ewropew.

Madankollu, ix-xaqliba mill-Kunsill lejn il-Kunsill Ewropew ġabet magħha ċertu distakk fl-implimentazzjoni. Pereżempju, il-volontarjat inizjali ta' talbiet ripetuti għal Kunsilli Ewropej jew għal samits taż-Żona tal-Euro għal kull żvilupp ġdid individwali li wassal għal sensiela ta' samits, u li kellu l-vantaġġ li setgħet titqiegħed pressjoni fuq il-mexxejja biex dawn jieħdu d-deċiżjonijiet li kellhom jittieħdu. Iżda dan waqqa' lis-samits f'livell ta' banalità, u saħħaħ il-perċezzjoni li d-deċiżjonijiet kienu dejjem ftit wisq, u li l-implimentazzjoni kienet qed isseħħ dejjem tard wisq ukoll. Dan minħabba li spiss id-deċiżjonijiet meħuda mill-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern ma ġewx segwiti kif xieraq f'livell nazzjonali. Kien hemm livell eċċessiv ta' pressjoni, kif ukoll nuqqas ta' preċiżjoni.

Minn dan kollu, il-Kummissjoni toħroġ bħala l-punt fokali indispensabbli u msaħħaħ. Id-dritt tal-Kummissjoni għall-inizjattiva inżamm tul il-kriżi kollha. U t-talent tagħha għall-inizjattiva, jekk nista' ngħid hekk, kif inbeda minn Walter Hallstein u kif ġie żviluppat minn Jacques Delors, qatt ma naqas u kien tassew l-oriġini tal-kunċetti deċiżivi: mill-ħolqien tal-EFSM, tal-EFSF u aktar tard tal-MES, li finalment kienu bbażati fuq il-proposti tal-Kummissjoni, sal-Unjoni Bankarja2; mill-inizjattiva biex tniedi bonds tal-proġetti sal-proposti leġiżlattivi tal-Kummissjoni dwar ir-riforma tal-governanza ekonomika, inkluż patt ġdid ta' stabbiltà u tkabbir. Il-Kummissjoni dejjem segwiet approċċ purament Ewropew kull darba li eżerċitat id-dritt tagħha ta' inizjattiva.

Hija osservazzjoni interessanti li l-aqwa eżempju tal-inevitabilità tar-rwol tal-Kummissjoni huwa t-Trattat Fiskali intergovernattiv. Matul il-proċess tagħha ta' negozjar, il-Kummissjoni wriet li kienet sors indispensabbli ta' għarfien u ta' tekniki leġiżlattivi kreattivi madwar il-mejda. U fl-aħħar, anki f'dan il-kuntest, jiġifieri l-kuntest intergovernattiv, kienet il-Kummissjoni li sabet ruħha fuq quddiem nett meta kien hemm bżonn ta' garanzija ta' implimentazzjoni qawwija. Il-fatt li l-Kummissjoni kultant tagħżel li ma tiħux il-mertu kollu ma għandux jiġi interpretat bħala li r-rwol tagħha qed jonqos fl-importanza. Fil-fatt, hija tagħmel biex tara li tikseb ir-riżultati mixtieqa. M'hemm ebda post ieħor fl-Unjoni li jġib flimkien il-perspettiva orizzontali, jiġifieri l-għarfien dwar il-pluralità tas-sitwazzjonijiet tal-Istati Membri, u l-perspettiva vertikali, jiġifieri l-kompetenza tal-politiki Ewropej.

Iżda sabiex wieħed jifhem bis-sħiħ dak li ġara bejn dak iż-żmien u llum, wieħed irid jagħti wkoll ħarsa lejn l-iskrutinju tal-midja. Din saret aktar profonda, aktar mgħaġġla, u ħafna aktar komprensiva u kritika. Is-samits u d-diskorsi tal-mexxejja l-kbar tilfu mill-glorja tagħhom. Is-suċċess illum sar jitkejjel skont ir-riżultati li jinkisbu - u ħafna drabi skont riżultati immedjati. Jekk dawn ma jirnexxilhomx jibqgħu sħaħ u kredibbli wara d-dissett tal-midja, donnhom jisfaw fix-xejn, bħalma ġara darba jew darbtejn b'mod pubbliku ħafna waqt il-kriżi. Dan jispjega wkoll sa ċertu punt il-"proċess ta' tlaqliq", jiġifieri n-natura sinkopata tar-reazzjoni għall-kriżi.

Din hija waħda mir-raġunijiet għaliex il-bini tal-Unjoni Ewropea ġie mqabbel ma' scaffolding, jew struttura ta' pontijiet għall-bennejja. L-Unjoni donnha entità li tinsab il-ħin kollu fi stat ta' kostruzzjoni u ta' tiswija, iżda l-pontijiet għall-bennejja ta' spiss jgħattu l-'ġmiel' tal-bini proprju li jinsab warajhom.

Tabilħaqq, nissuġġerixxi li jkun fin-natura stess tal-proġett Ewropew li dan jibqa' jixbah sitwazzjoni fejn ix-xogħol jibqa' għaddej b'mod permanenti. U jkun aħjar li kieku dawk li jinsabu mħassba dwar in-nuqqas ta' koerenza u simetrija jadattaw ruħhom għal kunċett ta' arkitettura li, jekk verament jixtieq jikseb funzjonijiet ġodda, jeħtieġ jiżviluppa forom u disinji ġodda. Ġeneralment, "l'èsprit de système" ma tantx jiffunzjona sew fl-UE.

Nistgħu ngħidu li l-proċess ta' integrazzjoni ssupera t-test taż-żmien u t-tensjoni tal-kriżijiet minħabba li dejjem kien hemm ‘obligation de résultat’ marbuta ma' riżultati effettivi. Aħna żviluppajna l-arti tal-governanza b'mod li lħaqna livell ta' maturità li jippermettilna naslu għal deċiżjonijiet ibbażati fuq kunsens wiesa'. Dak li rajna, u dak li naraw fuq kollox, hu li t-tmexxija tgħodd.

Għaliex huwa biss permezz ta' tmexxija bbażata fuq il-bini tal-kunsens li tista' tiġi evitata l-frammentazzjoni.

Huwa għalhekk li żgurajt li l-Kummissjonijiet li mexxejt fir-rwol tiegħi ta' President dejjem ħadu r-responsabbiltà għad-deċiżjonijiet tagħhom b'mod kollettiv. Il-President tal-Kummissjoni huwa l-garanti tal-kolleġjalità, li tevita li jkun hemm 'mentalità sajlo' u viżjoni ristretta. Bħala regola, bdejna b'differenzi fl-opinjonijiet li ħassejniehom f'livell ġenwin, kif ukoll b'dibattiti reali. Iżda fl-aħħar mill-aħħar, kważi d-deċiżjonijiet kollha li ttieħdu f'dawn l-għaxar snin ittieħdu fuq il-bażi ta' kunsens. Eżekuttiv politiku mhuwiex verżjoni ta' parlament fuq skala żgħira. U bħala entità eżekuttiva, il-Kummissjoni għandha tieħu r-responsabbiltà tagħha għall-inizjattivi li tqis li huma meħtieġa f'livell kollettiv. Huwa għalhekk li, skont it-trattati, it-teħid tad-deċiżjonijiet fil-Kummissjoni huwa ta' natura kolleġjali u mhux ta' natura individwali. Huwa possibbli li kulleġġ ta' 28 membru jiffunzjona sew. Fuq kollox, din hija kwistjoni ta' kultura Komunitarja ġenwina, kif ukoll ta' ġestjoni effiċjenti tal-istituzzjoni.

Minħabba li l-bidu tat-terminu tal-ewwel Kummissjoni tiegħi kważi ħabat mal-akbar tkabbir li qatt seħħ fl-Unjoni Ewropea, jiġifieri dak tal-2004, kont partikolarment konxju tal-ħtieġa li tiġi evitata kwalunkwe frammentazzjoni fuq il-bażi ta' linji ġeografiċi, ideoloġiċi jew ta' tip ieħor. Jiena nemmen bis-sħiħ li filwaqt li huwa importanti li wieħed jagħraf il-karattru politiku tal-Kummissjoni, daqstant ieħor huwa importanti li jiġi evitat li l-Kummissjoni tingħata natura partiġġjana.

Il-Kummissjoni ma taqdix biss funzjonijiet politiċi, iżda wkoll funzjonijiet amministrattivi u dawk li nħobb insejħilhom funzjonijiet "kważi ġuriżdizzjonali". Dan jeħtieġ għerf u bilanċ kbir fil-livell tat-teħid tad-deċiżjonijiet, sabiex il-kredibilità tal-Kummissjoni, fir-rwoli differenti tagħha, ma tiġix mhedda, u sabiex l-indipendenza u l-professjonaliżmu tagħha ma jitqiegħdux fil-periklu.

Tul dawn l-aħħar żewġ deċennji, l-Unjoni Ewropea mxiet lejn livell ħafna ogħla ta' maturità politika u istituzzjonali. U dan huwa l-qafas politiku li sibna l-għajnuna tiegħu waqt il-kriżi. Iżda dak li għandna llum irid jiġi konsolidat, jekk irridu li jibqa' magħna għat-tul.

Huwa l-mod li bih għandna nikkonsolidaw u nimxu 'l quddiem li għandu jiġi diskuss illum. Dan minħabba li dan id-dibattitu huwa l-kondizzjoni meħtieġa għal dak li għandna bżonn niksbu: tkabbir u impjiegi permezz tal-iffurmar ulterjuri tas-suq intern u tal-munita komuni tagħna, tal-kummerċ tagħna, tal-enerġija u tal-klima tagħna, tal-infrastruttura, tax-xjenza u tal-innovazzjoni tagħna, tal-industrija tagħna, u tal-politiki tagħna dwar l-ekonomija diġitali. irridu niksbu l-libertà u s-sigurtà permezz tal-politika barranija u ta' sigurtà komuni tagħna, u permezz dik tal-ġustizzja u tal-affarijiet interni komuni tagħna; irridu niksbu l-benesseri soċjali tagħna permezz ta' sforzi konġunti fl-oqsma tal-edukazzjoni, tal-kultura u taż-żgħażagħ, u billi nindirizzaw l-isfidi komuni tas-sistemi demografiċi u tas-sigurtà soċjali tagħna.

Sinjuri,

Jekk il-qafas għat-teħid tad-deċiżjonijiet hu stabbilit, irridu nirrikonoxxu wkoll li fil-politika Ewropea jeżistu għadd ta' elementi li ma jiffunzjonawx tajjeb u li jfixklu l-kapaċità tagħna li nagħmlu użu minn dan il-qafas.

Din hija problema kbira għad-demokrazija tal-Ewropa.

Hemm nuqqas ta' sjieda fil-politika Ewropea, li l-aġġustamenti istituzzjonali qatt ma jistgħu jirrimedjawhom.

Kull darba li l-persuni li jieħdu d-deċiżjonijiet jirrifjutaw li jirrikonoxxu, jiddefendu u japprovaw id-deċiżjonijiet komuni tagħhom, il-leġittimità Ewropea tbati.

Aktar iva milli le, il-kontroversji politiċi jitqiesu bħala nuqqasijiet sistemiċi. Minflok nillimitaw dibattitu strettament għas-suġġett - jista' jkun li hemm soluzzjoni aħjar, pereżempju, għall-kwistjoni dwar il-bozoz jew dwar il-laned taż-żejt taż-żebbuġa? - ir-riżultati kontroversjali jiġu ppreżentati bħala r-riżultat assurd u inevitabbli tas-sistema difettuża ta' "Brussell". Dan minkejja l-fatt li kemm id-dibattiti kif ukoll ir-riżultati jkunu simili, jekk mhux identiċi, li kieku kellhom isiru f'livell nazzjonali. Mhuwiex primarjament iċ-"ċentraliżmu ta' Brussell" waħdu li joħloq il-ħtieġa li twassal għal regolamentazzjoni ta' kwistjonijiet relatati mas-saħħa, mal-istandards tal-prodotti, mad-drittijiet tal-ħaddiema, mar-regoli dwar l-ambjent jew mas-sigurtà tat-trasport - f'dan kollu għandhom rwol ukoll id-dibattitu soċjali, u l-appelli min-naħa taċ-ċittadini biex tittieħed azzjoni dwar il-kwistjonijiet li jħassbuhom. Bħala regola, l-inizjattivi regolatorji ma jibdewx Brussell. Dawn jibdew bl-interessi soċjali, l-interessi tan-negozju jew tal-ħaddiema, bid-dibattiti pubbliċi u bi proċessi politiċi. Pereżempju, l-ideat dwar ir-regolamentazzjoni tal-bozoz u tal-laned taż-żejt taż-żebbuġa kienu ideat li nħolqu f'livell nazzjonali. Fil-fatt, imxejna mal-idea tal-bozoz għaliex l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija tagħmel sens. Iżda ma komplejniex bl-inizjattiva tar-regolamentazzjoni tal-laned taż-żejt taż-żebbuġa, għaliex nemmnu li din il-kwistjoni ma teħtieġx soluzzjoni f'livell Ewropew.

U hemm ukoll nuqqas ta' simetrija bejn id-djalettika politika nazzjonali u d-djalettika politika Ewropea. Fil-livell nazzjonali, teżisti loġika tat-tip "il-gvern kontra l-oppożizzjoni", hekk li f'kull kwistjoni ssib li hemm "partit kontra" u "partit favur". Din it-tip ta' loġika mhijiex preżenti fil-livell tal-Ewropa, u b'hekk m'inti se ssib ebda "partit favur" dak kollu li tagħmel l-Ewropa. Hija prinċipalment il-Kummissjoni, li nħolqot bis-saħħa tat-trattati sabiex tkun l-entità li tiddefendi l-interess ġenerali Ewropew, dik mistennija li tiddefendi u tinforza d-deċiżjonijiet kollettivi li jkun sar ftehim dwarhom. Iżda l-Kummissjoni ta' spiss titħalla mingħajr appoġġ effettiv minn sistema li fiha kulħadd jista' jippermetti lilu nnifsu li jopera ftit min-naħa tal-gvern, u ftit bħala oppożizzjoni.

Dan ifisser li hemm "dissonanza konjittiva" bejn il-proċessi politiċi fil-livelli nazzjonali u Ewropej. U dan iwassal għall-ħolqien ta' mġiba politika kważi skiżofrenika. Fil-livell Ewropew, il-politiċi nazzjonali jistgħu jitolbu għal ħafna aktar milli jistgħu jitolbu f'pajjiżhom, mingħajr il-bżonn li jieħdu r-responsabbiltà għall-adozzjoni u għall-implimentazzjoni sussegwenti. It-tentazzjonijiet u l-opportunitajiet biex wieħed jiskansa r-responsabbiltajiet tiegħu huma ħafna. U mill-esperjenza tiegħi, nista' ngħidilkom li huwa komuni li wieħed jara l-istess partit jistqarr xi ħaġa fil-kapitali ta' pajjiżu biex imbagħad jgħid eżattament l-oppost, u mhux ħaġa biss ftit differenti, fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu.

U, fl-aħħar, is-sanzjonijiet politiċi għall-atturi kollha jibqgħu fid-dinamika elettorali nazzjonali. M'hemm ebda sanzjoni politika pan-Ewropea reali, separata mil-livell nazzjonali, li tingħata fuq il-merti tagħha stess.

Fl-aħħar mill-aħħar, il-problema hija din: il-pajjiżi kollha jixtiequ jaraw l-Ewropa bħala projezzjoni tal-aspirazzjonijiet tagħhom stess fuq skrin kbir, u huma lesti jgħidu li "l-Ewropa" għandha problema meta ħaddieħor ma jsegwix l-inizjattivi tagħhom. Ħafna mill-Istati Membri jittamaw jew jippretendu li eventwalment l-Ewropa ssir verżjoni akbar tagħhom stess - iżda dan qatt mhu se jkun il-każ.

Bl-istess mod, ħafna politiċi jgħożżu l-mikroregolamentazzjoni tagħhom stess, filwaqt li jmaqdru l-ħidma ta' ħaddieħor li jkun qed jagħmel l-istess u jgħodduha mhux ġustifikata u żejda. Xejn ma jagħmel aktar ħsara lill-Unjoni tagħna minn dawk li jwaħħlu fin-"nuqqasijiet tal-Ewropa" għan-nuqqas ta' suċċess tagħhom, u dan minflok jaċċettaw li l-problema hi n-nuqqas fil-kapaċità tagħhom li jassiguraw maġġoranza għall-ideat tagħhom. U dan jgħaddina għad-dilemma ħarxa li tinsab fil-qalba tad-diskussjoni dwar il-futur: meta l-poplu ma togħġbux deċiżjoni nazzjonali, jivvota kontra min jieħu d-deċiżjonijiet. Jekk ma togħġobhomx deċiżjoni Ewropea, għandhom tendenza li jduru kontra l-Ewropa stess.

Il-kwistjoni politika hija tabilħaqq dik li għandha tiġi indirizzata l-ewwel. Min jistaqsini "mela x'inhi l-problema proprja?", jiena ngħidlu "It's the politics, stupid!"

Fl-istati nazzjon, fil-prinċipju l-kwistjoni tal-leġittimità hija solvuta. Normalment, in-nuqqas ta' qbil dwr xi politika ma jinbidilx fi sfida għall-proċessi ta' governanza, għas-sistema politika. Iżda fl-Unjoni Ewropea l-leġittimità għadha tiddependi fuq il-ksib ta' riżultati konkreti. Dan jispjega għaliex, filwaqt li n-nuqqas ta' appoġġ lill-istituzzjonijiet nazzjonali jew lill-partiti politiċi b'mod ġenerali ma jsirx theddida għall-unità nazzjonali, in-nuqqas ta' appoġġ lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jista' jsir theddida għall-integrazzjoni Ewropea nnifisha. Fil-fatt, kull proġett politiku jeħtieġ imqar livell minimu ta' appoġġ sostnut, kemm jekk espliċitu kif ukoll jekk impliċitu. Lil hinn mill-"Angst" jew mis-sens ta' dubju ġenerali taċ-ċittadini komuni fir-rigward tal-perċezzjonijiet tagħhom dwar ħafna mill-istituzzjonijiet u mill-elit fi żmien il-globalizzazzjoni, l-isfida speċifika li l-Unjoni Ewropea qed tiffaċċja dan l-aħħar hija din: wara li kellhom iħabbtu wiċċhom ma' numru dejjem akbar ta' ilħna li jippromwovu l-ewroxettiċiżmu u saħansitra l-ewrofobija, kien hemm forzi politiċi dominanti li waslu biex internalizzaw l-argumenti populisti minflok irribattewhom. Jiena ngħid li l-forzi u l-atturi politiċi, kemm dawk taċ-ċentru xellug kif ukoll dawk taċ-ċentru lemin, iridu joħorġu mill-fosdqa. Minflok jabbandunaw id-dibattitu għalkollox, imisshom jerġgħu jibdew jieħdu l-inizjattiva. Għandhom jippromwovuaġenda pożittiva għall-Ewropa, kemm f'livell ta' Unjoni kif ukoll f'livell nazzjonali.

Ebda bidla fit-trattati, u ebda inġinerija istituzzjonali, ma tista' tissostitwixxi r-rieda politika għall-Ewropa. Ninsab kuntent ħafna mill-fatt li din l-idea diġà bdiet miexja. Kif kien qal Friedrich Hölderlin: 'Wo die Gefahr ist, wächst das Rettende auch.'

Jeħtieġ li diffikultajiet politiċi bħal dawn jiġu indirizzati, l-aktar sabiex jiġu msaħħa kemm il-leġittimità kif ukoll l-effettività tal-Ewropa.

Biex din is-sitwazzjoni titranġa għandna bżonn ta' tmexxija, azzjoni u sjieda tal-proġett tal-Unjoni Ewropea, mifhum bħala parti mill-komponenti li jsawru l-politika u s-soċjetà tal-Istati Membri tagħha. Jeħtieġ li nifhmu li l-politiki Ewropej m'għadhomx politiki barranin. Illum, il-politika Ewropea hija politika interna fl-Istati Membri tagħna.

Għandna bżonn niżviluppaw relazzjoni ġdida ta' kooperazzjoni, jew aħjar 'Kooperationsverhältnis' bejn l-Unjoni, l-istituzzjonijiet tagħha u l-Istati Membri. B'"relazzjoni ta' kooperazzjoni" rrid infisser prinċipju li bih l-istituzzjonijiet u l-Istati Membri jmorru lil hinn mill-kooperazzjoni leali li diġà tinsab imnaqqxa fit-trattati, b'mod partikolari fl-Artikolu 4 tat-Trattat UE, u jaħdmu b'mod li jżid kemm jista' jkun il-livell tal-kompatibbiltà tad-deċiżjonijiet li jittieħdu f'livelli differenti.

Għal ħafna żmien, l-aspettattiva - għall-inqas fl-isfera ta' Brussell - kienet li l-istituzzjonijiet Ewropej kienu dejjem se jagħmlu aktar milli t-trattati kienu jippermettulhom li jagħmlu, filwaqt li l-aspettattiva fost l-Istati Membri kienet li jimbuttawhom lura sabiex jagħmlu inqas. Din l-imġiba immatura trid tiġi megħluba.

Għandna bżonn immaniġġjar b'mod matur ta' mandati ċari lill-atturi differenti u lil-livelli differenti tal-Unjoni tagħna, mill-ambitu lokali sa dak reġjonali, u mill-ambitu nazzjonali sa dak Ewropew. Mandati li kemm l-estensjoni kif ukoll il-limiti tagħhom jiġu rispettati bis-sħiħ minn kulħadd.

Biex inkunu nistgħu nimxu minn approċċ kompetittiv għal approċċ kooperattiv bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u bejn l-istituzzjonijiet Ewropej u l-Istati Membri, jeħtieġ li r-rwol tal-partiti politiċi fil-livell tal-Unjoni jiġi msaħħaħ u dan sabiex jitlaqqgħu flimkien l-interessi politiċi, jiġu strutturati l-prijoritajiet politiċi u jiġi żgurat li jkun hemm koerenza politika tul il-proċessi kollha.

Huwa għalhekk li jista' jkun li d-dinamika elettorali li nħolqot bħala riżultat tan-nominazzjoni ta' 'Spitzenkandidaten' tal-partiti politiċi għall-kariga ta' President tal-Kummissjoni huwa pass fid-direzzjoni t-tajba.

Filwaqt li nirrikonoxxu l-limiti tal-eżerċizzju li għaddej bħalissa, nemmen li dan jista' jsaħħaħ in-natura Ewropea ta' dawn l-elezzjonijiet. Huwa mod kif tingħata għajnuna lill-partiti li jixtiequ jadottawh sabiex jiffurmaw sfera pubblika Ewropea b'mod progressiv. Hija ħaġa stramba - jew forsi mhijiex, wara kollox - li l-forzi politiċi li ilhom jikkritikaw il-fatt li hemm nuqqas ta' responsabbiltà demokratika fl-Ewropa issa qed jirrifjutaw il-miżuri l-ġodda li ġew maħsuba proprju biex isaħħu din ir-responsabbiltà. Bla ebda dubju, id-demokrazija nazzjonali hija essenzjali għal-leġittimità tal-Unjoni Ewropea, iżda nkunu qed niżbaljaw jekk infixklu l-progress tad-demokrazija Ewropea. Veru, din hija sistema li għadha qed tiġi żviluppata, iżda jekk nippruvaw inwaqqfuha nistgħu biss immorru lura.

Din id-dinamika għandha tiġi segwita minn fehim postelettorali mhux biss fir-rigward tal-personalitajiet, iżda anki fir-rigward tal-prijoritajiet politiċi. Mhux biss f'kull istituzzjoni. Iżda anki bejn l-istituzzjonijiet. F'livell aktar konkret, dan ifisser ftehim bejn il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar il-prijoritajiet, kemm pożittivi kif ukoll negattivi, ta' leġiżlatura ġdida. Dan jista' jiġi segwit ukoll minn ftehim interistituzzjonali ġdid dwar regolamentazzjoni aħjar, sabiex jitrażżnu l-piżijiet amministrattivi żejda.

Inkella qatt mhu se jkollna ftehim konvinċenti u kredibbli dwar il-kwistjonijiet li fihom l-Unjoni trid bilfors tieħu l-passi li hemm bżonn, u l-kwistjonijiet li dwarhom l-Unjoni għandha tintervjeni mill-inqas.

Sinjuri,

Huwa fuq din il-bażi li jista' jsir aktar mill-adattamenti kirurġiċi inevitabbli li jridu jsiru fil-qafas legali attwali tal-Unjoni.

Ma nemminx li fil-futur prevedibbli se jkun hemm xi "konvenzjoni ta' Filadelfja" Ewropea, fejn se noħolqu kostituzzjoni mill-ġdid. Il-metodu ta' żvilupp tal-Unjoni se jkompli jkun dak ta' "riforma permanenti" aktar milli wieħed ta' "rivoluzzjoni permanenti".

Fil-fehma tiegħi, biex din ir-riforma permanenti tirnexxi, u biex kull pass ikun konformi mal-viżjoni globali warajh, jeħtieġ li jiġu rispettati dawn il-prinċipji:

L-ewwel nett, kwalunkwe żvilupp ieħor fl-Unjoni għandu jkun ibbażat fuq it-trattati eżistenti u fuq il-metodu Komunitarju, peress li t-tbegħid minn dan il-qafas jista' jwassal għal frammentazzjoni, għal strutturi li jirkbu fuq oħrajn u finalment għal Unjoni inkoerenti u li ma tiksibx ir-riżultati mixtieqa.

It-tieni nett, qabel ma jsiru żidiet oħra jeħtieġ li l-kumplessitajiet żejda fit-trattati jiġu eliminati, kif għandhom jiġu eliminati wkoll il-kontradizzjonijiet bejn it-trattati u strumenti oħra eżistenti. Bażikament, dan ifisser li l-istrumenti intergovernattivi bħall-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà u t-Trattat Fiskali għandhom jiġu integrati fit-trattati mill-aktar fis possibbli.

It-tielet, soluzzjonijiet intergovernattivi ġodda għandhom jiġu kkunsidrati fuq bażi eċċezzjonali u tranżitorja biss, sabiex jiġi evitat li jinħolqu problemi relatati mar-responsabbiltà u mal-koerenza.

Ir-raba', illum l-Unjoni għandu dejjem ikollha quddiemha l-għan li tevolvi kemm jista' jkun bħala entità sħiħa, bi 28 Stat Membru. Fejn tkun meħtieġa b'mod indispensabbli integrazzjoni aktar profonda f'formazzjonijiet oħra, jiġifieri bejn il-membri attwali tal-munita unika u dawk li se jingħaqdu fiha fil-ġejjieni, din għandha tibqa' miftuħa għal dawk kollha li huma lesti li jieħdu sehem. Il-metodu ta' għażla għal integrazzjoni aktar magħquda fost grupp ta' Stati Membri huwa dak tal-kooperazzjoni msaħħa kif stipulata fit-trattati.

Il-ħames, kull żvilupp ulterjuri tal-Unjoni għandu jkun ibbażat fuq sistema ċara ta' eliminazzjoni u introduzzjoni gradwali u ta' sekwenzjar, li permezz tagħha l-azzjonijiet li jinħolqu primarjament permezz tal-użu tal-possibbiltajiet kollha offruti mit-trattati kif inhuma bħalissa, mingħajr riżervi mhux previsti minn dawn it-trattati, b'mod li l-bidliet fit-trattati jsiru biss meta l-leġiżlazzjoni sekondarja ma tkunx stipulata mit-trattati.

Is-sitt prinċipju jispjega li l-pass tal-iżvilupp m'għandux jiġi ddettat minn dawk li huma l-aktar retiċenti. Ir-ritmu li bih timxi l-Ewropa m'għandux ikun dak ta' min jimxi l-aktar bil-mod.

U s-seba', meta jiġi deċiż li hemm bżonn li ssir xi bidla fi trattat, il-każ favur il-bidla għandu jiġi spjegat u diskuss b'mod sħiħ u eżawrjenti, inkluż fl-isfera pubblika, qabel ma jkun jista' jiġi nnegozjat u ppreżentat biex jiġi ratifikat.

Bħalissa, huwa tassew veru li qed niffaċċjaw sfida partikolari meta niġu għar-relazzjoni bejn il-munita unika, iż-Żona tal-Euro u l-UE kollha kemm hi. Iżda nemmen li l-loġika tat-trattati toffri gwida utli f'dan ir-rigward.

Skont it-trattati, il-munita unika hija maħsuba għall-Istati Membri kollha, ħlief għal dawk li għażlu li jibqgħu barra miż-Żona tal-Ewro fuq bażi permanenti. U l-verità hi li Stat Membru wieħed biss, jiġifieri r-Renju Unit, għażel esklużjoni fakultattiva ta' dan it-tip.

Anki l-istatus tad-Danimarka jista' jiġi deskritt aħjar bħala wieħed bil-possibbiltà ta' "inklużjoni fakultattiva" aktar milli bħala wieħed ta' esklużjoni fakultattiva fuq bażi permanenti. L-oħrajn kollha impenjaw ruħhom li jissieħbu fl-euro. Dan se jieħu ż-żmien, u żgur li se jeħtieġ aktar tħejjija bir-reqqa milli kien hemm bżonn fil-passat.

Iżda nkunu qed niżbaljaw jekk niżviluppaw loġika ta' konverġenza fi struttura ta' diverġenza. U dan aktar u aktar minħabba li l-esperjenza prattika miksuba matul l-iżvilupp tar-rispons għall-kriżi wriet li l-linji ta' diviżjoni fid-diskussjonijiet ma jinsabux bejn il-membri attwali tal-euro u dawk li mistennija jissieħbu fiż-Żona tal-euro fil-ġejjieni. Mill-Patt Euro Plus sal-Patt Fiskali, mill-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku sal-Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni: kull meta s-17 jew it-18 bdew jaħdmu fuq proġett aktar ambizzjuż, kważi l-Istati kollha l-oħra tħajru u effettivament ħadu sehem u kkontribwixxew. Jidher li, tabilħaqq, il-forzi ċentripeti huma aktar b'saħħithom mill-forzi ċentrifugi.

It-tendenza li wħud minna għandhom li joħolmu dwar fondazzjoni mill-ġdid tal-Unjoni permezz ta' Żona tal-Euro iżgħar u aktar limitata mill-UE ta' 28 mhijiex reazzjoni għal nuqqasijiet sistematiċi jew għal nuqqas ta' potenzjal fost it-28. Hija l-espressjoni ta' sens ta' nostalġija għal arranġament aktar komdu, għal ritorn lejn il-kumdità, jew għall-inqas għal dik li b'mod żbaljat hija pperċepita bħala kumdità, taż-żminijiet iżgħar, inqas diffiċli u allegatament aktar koerenti ta' integrazzjoni aktar intima. Iżda ż-żmien ma jistenna lil ħadd, u l-istorja kompliet timxi 'l quddiem. Il-paragunar ta' xi Kerneuropa ma' xi periphery jista' biss idgħajjef lit-tnejn.

Naħseb li dan hu mument tajjeb biex nikkummenta dwar ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit. Jiena nemmen b'qalbi kollha li l-Ewropa hija aktar b'saħħitha bir-Renju Unit fost il-membri tagħha, u nemmen ukoll li r-Renju Unit huwa aktar b'saħħtu bħala membru tal-Unjoni Ewropea milli waħdu. Iżda nirrikonoxxi l-fatt li, minħabba raġunijiet storiċi, ġeopolitiċi u ekonomiċi, il-każ tar-Renju Unit jista' jitqies bħala wieħed speċjali. Huwa preċiżament minħabba din is-sitwazzjoni li jkun żball li eċċezzjoni għar-Renju Unit tiġi ttrasformata f'regola għall-bqija tal-Istati Membri. Aħna nistgħu, u għandna, insibu modi kif nissodisfaw u naqdu l-ispeċifiċità tar-Renju Unit, ovvjament sal-punt fejn ma tinħoloqx theddida għall-koerenza globali tal-Unjoni.

Iżda ma nistgħux inħawdu din l-ispeċifiċità - anki jekk f'ċerti kwistjonijiet din kultant tinqasam fost diversi gvernijiet - mas-sitwazzjoni ġenerali tal-Unjoni.

Sinjuri,

Fuq il-bażi ta' dawn il-prinċipji, jispikkaw għadd ta' oqsma politiċi li jeħtieġ b'mod partikolari li jsir dibattitu dwarhom, u li jittieħdu azzjonijiet u deċiżjonijiet b'konnessjoni magħhom fil-kuntest ta' titjib istituzzjonali konkret fis-snin li ġejjin: (1) L-approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, b'konformità mal-pjan ta' azzjoni tal-Kummissjoni; (2) Rappreżentanza esterna tal-Unjoni aktar effettiva; (3) It-tisħiħ tal-valuri tal-Unjoni u t-tisħiħ taċ-ċittadinanza; (4) Diviżjoni regolatorja aħjar tax-xogħol; u (5), Il-ħtieġa li nipperfezzjonaw l-unjoni politika tagħna.

Il-Pjan ta’ Azzjoni għal Unjoni Ekonomika u Monetarja profonda u ġenwina tal-Kummissjoni għadu jirrappreżenta l-viżjoni valida għall-approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja. Din tgħaqqad flimkien ambizzjoni sostanzjali u sekwenzjar xieraq. L-ewwel, jeħtieġ li l-governanza ekonomika riformata tiġi implimentata bis-sħiħ. Ladarba din tinkiseb, għandu jiġi kkontemplat l-iżvilupp gradwali ta' kapaċità fiskali fil-livell taż-Żona tal-Euro, flimkien ma' aktar koordinazzjoni tal-politika fiskali u tas-swieq tax-xogħol. Żvilupp ta' dan it-tip, li finalment se jġib miegħu bidliet fit-trattati, għandu jiġi akkumpanjat minn leġittimità demokratika u minn responsabbiltà xierqa. Approċċ aktar "fiskali-federali" fiż-Żona tal-Euro m'għandux jinvolvi biss lill-membri attwali tal-munita unika. Dan għandu jibqa' miftuħ għall-membri futuri u għall-membri potenzjali kollha filwaqt li jirrispetta l-integrità tas-suq uniku u tal-politiki mmexxija mill-Unjoni kollha kemm hi.

Rappreżentanza esterna aktar effettiva teħtieġ tqassim kooperattiv tax-xogħol bejn l-individwi li jwettqu l-karigi tagħhom f'livell tal-Unjoni u dawk li jwettqu l-karigi tagħhom f'livell tal-Istati Membri. L-istorja attwali ta' kooperazzjoni bejn il-President tal-Kummissjoni u l-President tal-Kunsill Ewropew tipprovdi gwida utli f'dan ir-rigward. Ir-Rappreżentant Għoli/Viċi President tal-Kummissjoni għandu jiġi pprovdut b'deputati politiċi effettivi kemm mill-Kummissjoni kif ukoll mill-Kunsill. Għandu jsir użu sħiħ mill-potenzjal ta' rappreżentanza esterna konġunta kif prevista skont it-Trattat ta' Lisbona. Il-kombinament tal-politika barranija mal-aspetti esterni tal-politiki interni jipprovdi lill-Unjoni b'ingranaġġ siewi fix-xena dinjija. Jippermetti li jkun hemm qsim aktar effiċjenti tal-piżijiet bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha. Huwa essenzjali li l-ewwel passi li jittieħdu fid-direzzjoni ta' politika tas-sigurtà u tad-difiża aktar magħquda jingħataw segwitu. U, b'mod rilevanti ħafna, il-kisba ta' rappreżentanza esterna aktar koerenti taż-Żona tal-Euro fl-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali hija wkoll parti minn dan l-isforz.

It-tisħiħ tal-valuri u taċ-ċittadinanza tal-Unjoni jirrikjedi li l-istat tad-dritt, id-drittijiet, kif ukoll il-garanziji u l-libertajiet tal-Unjoni jiġu rispettati u implimentati bis-sħiħ. Strumenti bħal-lista ta' kontroll tad-drittijiet fundamentali fil-valutazzjonijiet tal-impatti leġiżlattivi u s-"salvagwardja tal-qafas tal-istat tad-dritt" tal-Kummissjoni għandhom bżonn jiġu kkonsolidati. Il-ġlieda kontra l-abbuż tad-drittijiet konferiti mill-Unjoni, u b'mod partikolari d-dritt għall-moviment liberu, tista' u għandha tiġi indirizzata permezz ta' leġiżlazzjoni sekondarja, u mhux billi jitqiegħed f'diskussjoni l-prinċipju.

Rigward id-diviżjoni regolatorja tax-xogħol, il-punt tat-tluq għandu jkun ir-rikonoxximent tal-fatt li l-Istati Membri tal-Unjoni mhumiex inqas regolati mill-Unjoni stess. Filwaqt li bla dubju għadhom iseħħu każijiet ta' kunfidenza eċċessiva f'livell istituzzjonali, anki fil-każ tal-Kummissjoni, ma rridux ninsew li l-forza motriċi proprja tar-regolamentazzjoni tal-Unjoni hija l-ħtieġa li r-regolamenti dettaljati tat-28 Stat Membru isiru kompatibbli ma' xulxin. B'hekk, il-kwistjoni ta' kif għandna nkunu kbar fir-rigward ta' affarijiet kbar, u żgħar fir-rigward ta' affarijiet żgħar mhijiex tant waħda ta' listi negattivi jew pożittivi għal oqsma ta' azzjoni, iżda waħda ta' intensità u ta' indħil fir-rigward ta' inizjattivi speċifiċi. L-aqwa mod biex nindirizzaw din il-kwistjoni huwa permezz ta' ftehim interistituzzjonali ġdid dwar kif il-liġijiet jistgħu jitfasslu aħjar, ftehim li jkun jestendi l-miżuri ta' kontroll tal-idoneità regolatorja, ta' valutazzjoni tal-impatt u tat-tnaqqis tal-burokrazija li diġà ttieħdu mill-Kummissjoni matul il-proċess leġiżlattiv kollu. Fl-aħħarnett, din hija kwistjoni ta' reviżjoni perjodika tal-kunsens politiku dwar il-prijoritajiet politiċi, li tista' tiġi megħjuna permezz tal-introduzzjoni ta' klawżoli ta' terminazzjoni awtomatika, jew permezz tal-introduzzjoni ta' prinċipju ta' diskontinwità leġiżlattiva fi żmien meta jkun qed jinbidel il-Parlament Ewropew.

Rigward il-ħtieġa li nipperfezzjonaw l-unjoni politika tagħna u li ntejbu l-leġittimità demokratika li fuqha għandha tissejjes dik li qed insejħilha l-fażi Ewropa 3.0, din għandha tkun ibbażata fuq il-metodu Komunitarju li jikkonsisti mis-sistema ta' kontrolli, bilanċi u ekwità bejn l-istituzzjonijiet u l-Istati Membri li joffri l-aqwa punt tat-tluq għal demokrazija supranazzjonali ulterjuri. Demokrazija supranazzjonali bħal din m'għandhiex tkun mibnija bħala kombinament fuq diversi livelli ta' veto, iżda pjuttost bħala sistema ta' responsabbiltà fil-livell fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet eżekuttivi. Minħabba li d-deċiżjonijiet eżekuttivi jittieħdu mill-eżekuttivi Ewropej, u b'mod partikolari mill-Kummissjoni, huwa l-leġiżlatur Ewropew, jiġifieri l-Parlament Ewropew u, fil-funzjonijiet leġiżlattivi tiegħu, il-Kunsill, li għandhom jiżguraw li jkun hemm leġittimità u responsabbiltà demokratika. Min-naħa l-oħra, huma l-parlamenti nazzjonali li għandhom ir-responsabbiltà li jiżguraw il-leġittimità u r-responsabbiltà tad-deċiżjonijiet li jittieħdu fil-livell tal-Istati Membri, anki fir-rigward tal-azzjonijiet tal-Istati Membri fi ħdan il-Kunsill. Anki r-relazzjonijiet bejn il-parlamenti nazzjonali u l-Parlament Ewropew għandhom ikunu parti privileġġjata tal-"Kooperationsverhältnis" li tant jien favuriha.

L-iżvilupp futur għandu jsegwi d-direzzjoni ta' din il-loġika, u għandu jimxi 'l quddiem bl-għan li jikkostitwixxi Kummissjoni riformata bħala eżekuttiv tal-Unjoni, bl-inklużjoni tal-funzjoni tal-Unjoni bħala teżor. Tkun qed taqdi leġiżlatura bikamerali, magħmula mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill bħala ż-żewġ kmamar. Sabiex jiġi żgurat li jkun hemm bilanċ tajjeb bejn il-ħolqien politiku u l-indipendenza funzjonali tal-Kummissjoni, il-metodu attwali ta' ċensura negattiva fir-rigward tal-Kummissjoni għandu jiġi sostitwit b'mekkaniżmu ta' ċensura kostruttiva, li permezz tiegħu l-Kummissjoni Ewropea taqa' biss f'każ li l-maġġoranza assoluta tal-Parlament Ewropew tipproponi President ġdid għat-tmexxija tal-Kummissjoni Ewropea.

U, fl-aħħar nett, sabiex jiġi żgurat li jkun hemm koerenza u effiċjenza sħiħa bejn ir-rwoli eżekuttivi differenti f'livell tal-Unjoni u sabiex ikun hemm leġittimità u responsabbiltà demokratika bejniethom jistgħu wkoll jiġu kkunsidrati innovazzjonijiet ulterjuri. Fit-terminu medju, l-uffiċċju tal-Viċi President tal-Kummissjoni responsabbli għall-affarijiet ekonomiċi u monetarji u għall-euro għandu jista' jingħaqad mal-uffiċċju tal-President tal-Grupp tal-euro. Innovazzjoni aktar radikali, bħal dik fejn l-uffiċċju tal-President tal-Kummissjoni Ewropea jingħaqad mal-uffiċċju tal-President tal-Kunsill Ewropew, żgur li tista' tiġi kkunsidrata fuq terminu twil.

Iżda flimkien mal-prospettiva tal-evoluzzjoni probabbli tal-integrazzjoni Ewropea, jiġifieri fiż-Żona tal-Euro, din il-fużjoni tagħmel sens minħabba li ssaħħaħ il-koerenza u l-viżibbiltà tas-sistema politika tal-Unjoni Ewropea, kemm fid-dimensjoni interna kif ukoll fid-dimensjoni esterna tagħha. Huma possibbli wkoll fażijiet tranżitorji u soluzzjonijiet intermedji. Madankollu, huwa importanti li wieħed jinnota li dawn l-iżviluppi istituzzjonali jistgħu jirnexxu biss jekk l-ewwel jinkiseb il-progress indispensabbli fil-qasam tal-politika u fil-qasam tal-konverġenza tal-politiki.

Għal darb'oħra: It's the politics, stupid!

Hija l-politika li tista' tagħmilha possibbli jew impossibbli. F'dan ir-rigward, l-iżviluppi istituzzjonali jsegwu l-politika, u mhux il-kontra.

Sinjuri, wasalt biex nikkonkludi.

L-integrazzjoni Ewropea dejjem se tkun proċess li jsir pass wara pass. Dan konna nafuh sa mill-bidu nett: Fid-dikjarazzjoni ta' Schuman insibu dan il-kliem li ġej: "L’Europe ne se fera pas d’un coup, ni dans une construction d’ensemble".

Approċċ prammatiku bħal dan qatt ma mar kontra l-ħidma diretta biex titwettaq viżjoni. L-ambizzjoni, anzi, il-ħolma tagħna – dik li l-filosfu Ġermaniż Sloterdijk sejħilha "ħolma luċida".

L-integrazzjoni Ewropea għadha l-aktar proġett ta' viżjoni fl-istorja reċenti. Proġett enerġetiku u attraenti b'mod impressjonanti. L-adattabilità tiegħu tisboq lil dik ta' proġetti preċedenti. Iżda dan jista' jsir biss jekk jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet: meta t-tmexxija ma tkunx ambigwa, meta l-kooperazzjoni tilħaq livelli ġodda ta' maturità, u meta l-politika tal-Ewropa tiffoka aktar fuq pożizzjonijiet proattivi.

Dan kollu se jiddependi mill-elezzjonijiet Ewropej li jmiss: dawn huma l-aħjar mument possibbli biex niddefendu dak kollu li ksibna, biex nibnu kunsens madwar dak li jeħtieġ li jsir, u biex insemmgħu leħinna favur l-Ewropa kif verament hi filwaqt li nippromwovu viżjoni ta' dak kollu li l-Ewropa tista' fil-fatt tkun.

Dawn l-elezzjonijiet huma importanti ħafna!

Fl-għaxar snin tiegħi bħala kap tal-Kummissjoni Ewropea, ippruvajt inkompli nżid fuq is-sisien ta' Unjoni Ewropea prammatika, koerenti u reżiljenti. Avolja jista' jkun li r-rispons tal-Unjoni Ewropea ma rnexxilux dejjem jasal fejn xtaqitu jasal l-ambizzjoni tagħna, nemmen li l-Kummissjoni dejjem kellha, u se jkompli jkollha, rwol essenzjali.

Għamilna ħilitna biex nippreżervaw l-unità tal-Ewropa, biex inżommuha miftuħa u biex insaħħuha. Kellna nagħmlu sforz biex insaħħuha minħabba li l-ekonomiji tal-Istati Membri qed isiru dejjem aktar kompetittivi sabiex ikunu jistgħu jiffaċċjaw il-kompetizzjoni f'livell globali. U semmejt it-tisħiħ tal-unità tal-Ewropa anki għaliex il-governanza ekonomika u finanzjarja tagħna ġiet imsaħħa b'mod liema bħalu.

Għad baqa' ħafna x'nibnu. Dan hu proġett uniku. Proġett li hemm bżonnu. Proġett li għandna nkunu kburin bih.

Kelli l-privileġġ li nkun hemm biex nikkontribwixxi fir-rispons għal xi wħud mill-aktar avvenimenti ta' theddid fl-istorja tal-Unjoni Ewropea, u nħossni onorat li stajt nagħti bidu għal riformi li kienu bbażati fuq il-lezzjonijiet meħuda minn dik l-esperjenza. Iżda dawk kollha involuti se jingħataw il-premju veru li ħaqqhom mhux billi jibdew jagħmlu l-isforzi meħtieġa, iżda wara li jikkonkluduhom.

Mela ejjew inkomplu naħdmu.

Ejjew inwettqu 'la réforme de tous les jours' flimkien.

Ejjew inkomplu bil-ħidma tagħna mogħnija b'dik li wieħed mill-predeċessuri tiegħi, François-Xavier Ortoli, iddefinixxa bħala 'le courage de chaque jour'.

U għal min bħali - u, nispera, bħalkom - iħoss din il-passjoni, din l-imħabba għall-Ewropa, ejjew inwettqu l-ħidma tagħna bl-għan li noħolqu l-kundizzjonijiet biex kulħadd fl-Ewropa jkun jista' jgħix bħala parti minn soċjetà deċenti. Għaliex fl-aħħar mill-aħħar, dan kollu mhuwiex dwar il-kunċetti, dwar iċ-ċifri, jew dwar l-ekonomija - huwa dwar il-valuri. U jiena nemmen bis-sħiħ li l-Ewropa tirrappreżenta l-valuri tal-paċi, tal-libertà u tas-solidarjetà.

Nirringrazzjakom tal-attenzjoni tagħkom.

1 :

Aħna lkoll parti mill-Ewropa, u huwa fl-Ewropa li nistgħu nsalvaw lilna nfusna jew nintilfu lkoll.

2 :

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Azzjoni għall-istabbiltà, għat-tkabbir u għall-impjiegi", it-30 ta' Mejju 2012


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website