Navigation path

Left navigation

Additional tools

IL-KUMMISSJONI EWROPEA

José Manuel Durão Barroso

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea

Indirizz dwar l-Istat tal-Unjoni 2013

Sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew/Strasburgu

Il-11 ta' Settembru 2013

Sur President,

Rappreżentanti tal-Presidenza tal-Kunsill,

Onorevoli Membri,

Sinjuri,

Fi żmien tmien xhur, il-votanti madwar l-Ewropa se jiġġudikaw dak li ksibna flimkien fl-aħħar ħames snin.

F'dawn il-ħames snin, l-Ewropa kienet iktar preżenti fil-ħajja taċ-ċittadini minn qatt qabel. L-Ewropa ġiet diskussa f'barijiet tal-kafé u talk shows popolari madwar il-kontinent tagħna kollu.

Illum, nixtieq inħares lejn dak li għamilna flimkien. F'dak li għad iridu nagħmlu. U nixtieq nippreżenta dawk li nemmen huma l-ideat ewlenin għal dibattitu politiku verament Ewropew qabel l-elezzjonijiet tas-sena d-dieħla.

Onorevoli Membri,

Hekk kif qed nitkellmu, eżattament ħames snin ilu l-gvern tal-Istati Uniti ħa r-responsabbiltà ta' Fannie Mae u Freddie Mac, salvaw lil AIG, u Lehman Brothers applikaw għal protezzjoni minn falliment.

Dawn l-avvenimenti kkawżaw il-kriżi finanzjarja globali. Evolviet f'kriżi ekonomika bla preċedent. U spiċċat f'kriżi soċjali b'konsegwenzi drammatiċi għal ħafna miċ-ċittadini tagħna. Dawn l-avvenimenti aggravaw problema ta' dejn li għadha qed tgħakkes lill-gvernijiet tagħna. Waslu għal żieda alarmanti fil-qgħad, speċjalment fost iż-żgħażagħ. U għadhom ta' xkiel għall-familji u l-kumpaniji tagħna.

Imma l-Ewropa rreaġġixxiet. F'dawk il-ħames snin, tajna tweġiba determinata. Batejna l-kriżi flimkien. Indunajna li rridu niġġielduha flimkien. U hekk għamilna, u hekk għadna qed nagħmlu.

Jekk inħarsu lura u naħsbu dwar dak kollu li għamilna flimkien biex nagħaqqdu l-Ewropa matul il-kriżi kollha, naħseb li jkun ġust li ngħid li qatt ma konna naħsbu li dan kollu seta' jkun possibbli ħames snin ilu.

Qegħdin fil-proċess li nagħmlu riforma mill-qiegħ tas-settur finanzjarju sabiex jitħares it-tifdil tan-nies.

Tejjibna l-mod kif il-gvernijiet jaħdmu flimkien, kif jerġgħu lura lejn finanzi pubbliċi sodi u l-immodernizzar tal-ekonomiji tagħhom.

Immobilizzajna iktar minn EUR 700 biljun sabiex insalvaw pajjiżi li kienu fuq ix-xifer li jfallu, l-ikbar sforz ta' stabilizzazzjoni li qatt sar bejn il-pajjiżi.

Għadni niftakar b'mod ċar il-laqgħa li kelli s-sena li għaddiet ma' ekonomisti ewlenin ta' ħafna mill-banek ewlenin tagħna. Ħafna minnhom kienu qed ibassru li l-Greċja titlaq miż-żona tal-euro. Kollha kemm huma beżgħu li ż-żona tal-euro tiddiżintegra. Issa, nistgħu nagħtu tweġiba ċara għal din il-biża': ħadd ma telaq jew kien sfurzat li jitlaq mill-euro. Din is-sena, l-Unjoni Ewropea kibret minn 27 għal 28 Stat Membru. Is-sena d-dieħla iż-żona tal-euro se tiżdied minn 17 għal 18.

Li hu importanti għalissa hu dak li se nagħmlu b'dan il-progress. Intuh l-importanza jew innaqqsulu l-importanza? Inrabbu l-fiduċja minħabba fih biex inkomplu dak li bdejna, jew inċekknu r-riżultati tal-isforzi tagħna?

Onorevoli membri, għadni nasal lura mill-G20 ta' San Petroburgu. Nista' ngħidilkom: din is-sena, għall-kuntrarju tas-snin reċenti, aħna l-Ewropej ma rċevejna l-ebda lezzjoni minn partijiet oħrajn tad-dinja dwar kif għandna nindirizzaw il-kriżi. Irċevejna apprezzament u inkoraġġiment.

Mhux għax il-kriżi għaddiet, għax għadha m'għaddietx. Ir-reżiljenza tal-Unjoni tagħna se tkompli tiġi ppruvata. Iżda dak li qed nagħmlu joħloq il-fiduċja li qegħdin negħelbu l-kriżi – sakemm ma nkunux kompjaċenti.

Qed nindirizzaw l-isfidi tagħna flimkien.

Irridu nindirizzawhom flimkien.

F'dan iż-żmien ta' bidliet fundamentali ġeoekonomiċi u ġeopolitiċi, jiena nemmen li huwa biss flimkien, bħala Unjoni Ewropea, li nistgħu nagħtu liċ-ċittadini tagħna dak li jaspiraw għalih: li l-valuri tagħna, l-interessi tagħna, il-prosperità tagħna huma mħarsa u promossi fiż-żmien ta' globalizzazzjoni.

Allura issa hu ż-żmien li negħlbu l-kwistjonijiet purament nazzjonali u l-interessi parokkjali u li niksbu progress reali għall-Ewropa. Biex ikollna perspettiva verament Ewropea fid-dibattitu mal-kostitwenzi nazzjonali.

Issa hu ż-żmien għal dawk kollha li jimpurtahom mill-Ewropa, tkun xi tkun il-pożizzjoni politika jew ideoloġika tagħhom, jiġu minn fejn jiġu, biex jitkellmu għall-Ewropa.

Jekk aħna ma nagħmlux hekk, lanqas ma nistgħu nistennew li jagħmlu hekk oħrajn.

Onorevoli Membri,

Imxejna passi kbar 'il quddiem mill-bidu tal-kriżi.

Fid-diskors tal-Istat tal-Unjoni tas-sena li għaddiet, jiena stqarrejt li 'minkejja l-isforzi [tagħna] kollha, it-tweġibiet tagħna għadhom ma kinux konvinċenti f'għajnejn iċ-ċittadini, is-swieq u l-imsieħba internazzjonali tagħna'.

Sena wara, il-fatti jgħidulna li l-isforzi tagħna bdew jikkonvinċu. Kollox ma' kollox, l-ispreads neżlin. Il-pajjiżi l-aktar vulnerabbli qed iħallsu inqas biex jieħdu self. Il-produzzjoni industrijali qed tiżdied. Qed terġa lura l-fiduċja fis-suq. Is-swieq tal-ekwità qed ikollhom prestazzjoni tajba. Il-prospettiva tan-negozju qed titjieb b'mod stabbli. Il-fiduċja tal-konsumatur qed tiżdied b'mod qawwi.

Naraw li l-pajjżi li li huma l-aktar vulnerabbli għall-kriżi u li issa l-aktar li qed jagħmlu biex jirriformaw l-ekonomiji tagħhom, qed jibdew jinnotaw riżultati pożittivi.

Fi Spanja, bħala sinjal tar-riformi importanti ħafna u ta' aktar kompetittività, l-esportazzjoni ta' prodotti u servizzi issa tikkostitwixxi 33% tal-PDG, l-ogħla rata minn mindu ddaħħlet l-euro. L-Irlanda kienet kapaċi tiġbed flus minn swieq kapitali mis-sajf tal-2012, l-ekonomija hi mbassra li tikber għat-tielet sena konsekuttiva fl-2013 u l-kumpaniji ta' manifattura Irlandiżi qed jerġgħu jimpjegaw il-persunal.

Fil-Portugall, il-kont kurrenti estern, li kien stutturalment negattiv, hu issa mistenni li jkun bejn wieħed u ieħor bilanċat, u t-tkabbir qed jikber wara ħafna perjodi ta' tliet xhur b'telf. Il-Greċja wettqet, fi żmien ta' 3 snin biss, aġġustament fiskali verament notevoli, qed terġa' takkwista l-kompetittività u qed toqrob għall-ewwel darba wara deċennji sħaħ lejn bilanċ favorevoli. U Ċipru, li beda l-programm aktar tard, ukoll qed jimplimentah kif ippjanat, li kienet prekundizzjoni għar-ritorn għat-tkabbir.

Għall-Ewropa, l-irkupru qed jidher.

Ovvjament, irridu nibqgħu għajnejna miftuħa. Avveniment pożittiv wieħed mhux neċessarjament jindika tendenza pożittiva. Ejjew inkunu realitstiċi fl-analiżi. Ejjew ma nkabbrux iżżejjed, iżda wkoll ejjew ma nċekknux dak li twettaq. Anke perjodu wieħed pożittiv ta' tliet xhur ma jfissirx li ħriġna 'l barra mill-maltemp ekonomiku. Imma hu prova li qegħdin fit-triq it-tajba. Fuq il-bażi taċ-ċifri u l-evoluzzjonijiet kif qed narawhom issa, għandna raġuni tajba biex inkunu kunfidenti.

Dan għandu jkun ta' xprun għalina biex inkomplu sejrin bl-isforzi tagħna. Għandna dmir lejn dawk li għalihom l-irkupru għadu ma jistax jintlaħaq, lil dawk li għadhom mhux qed jibbenefikaw minn żviluppi pożittivi. Għandna dmir lejn is-26 miljun persuna li huma qiegħda. Speċjalment liż-żgħażagħ li qed iħarsu lejna biex intuhom it-tama. It-tama u l-fiduċja huma wkoll parti mill-miżien ekonomiku.

Onorevoli membri,

jekk ninsabu fil-pożizzjoni li qegħdin fiha illum, huwa minħabba li aħna urejna determinazzjoni biex nadattaw kemm il-politika tagħna u kif ukoll il-politika tagħna minn lezzjonijiet meħudin mill-kriżi.

U meta ngħid 'aħna', b'mod sinċier qed ngħid: 'aħna': kien verament sforz konġunt.

F'kull pass, inthom, il-Parlament Ewropew, kellkom rwol deċiżiv permezz ta' volum ta' ħidma leġiżlattiva li kisret kull rekord ta' qabel. Nemmen personalment li dan mhux magħruf biżżejjed fost iċ-ċittadini tal-Ewropa u inthom jixirqilkom aktar kreditu u rikonoxximent għal dan.

Mela ejja inkomplu naħdmu flimkien biex nirriformaw l-ekonomiji tagħna, għat-tkabbir u l-impjiegi, u biex nadattaw l-arkitettura istituzzjonali. Ikun biss jekk nagħmlu hekk li nkunu nistgħu nħallu warajna anki din il-fażi tal-kriżi.

Għad hemm ħafna li nistgħu nakkwistaw flimkien fiż-żmien tal-mandat ta' dan il-Parlament u ta' din il-Kummissjoni.

Dak li nistgħu u rridu nagħmlu, l-ewwel u qabel kollox, ejjew inkunu konkreti, huwa li nġibu fis-seħħ l-unjoni bankarja. Din hija l-ewwel u l-aktar fażi urġenti fit-triq lejn l-approfondiment tal-unjoni ekonomika u monetarja tagħna, kif imfisser fil-Pjan tal-Kummissjoni ppreżentat fil-ħarifa li għaddiet.

Il-proċess leġiżlattiv dwar il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku kważi lest. Il-pass li jmiss huwa l-valutazzjoni indipendenti mill-BĊE tal-assi tal-banek, qabel ma jieħu fuq spallejh ir-rwol ta' superviżjoni.

L-attenzjoni tagħna issa trid tinxteħet b'urġenza għal fuq il-Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni. Il-proposta tal-Kummissjoni ilha li ġiet ippreżentata sa minn Lulju, u flimkien hemm bżonn nagħmlu dak li hu meħtieġ biex din nadottawha anki fi żmien dan il-mandat.

Huwa l-mod kif jiġi żgurat li l-kontribwenti ma jkunux iktar dawk li l-ewwel ibatu l-konsegwenzi ta' falliment ta' bank.

Huwa l-mod kif isir progress biex ikun hemm qtugħ bejn riskju bankarju u sovran.

Huwa l-mod kif ikun hemm rimedju għal wieħed mir-riżultati l-aktar allarmanti u inaċċettabbli tal-kriżi: żieda fil-frammentazzjoni tas-settur finanzjarju u s-swieq ta' kreditu Ewropej - anke nazzjonalizzazzjoni mill-ġdid impliċita.

U huwa anki l-mod sabiex jerġa' jkun hemm self normali lill-ekonomija, l-aktar lil SMEs. Għaliex minkejja l-politika monetarja akkomodanti, għad m'hemmx fluss suffiċjenti ta' kreditu lejn l-ekonomija madwar iż-żona tal-euro. Dan jeħtieġ li jiġi indirizzat b'mod riżolut.

Fl-aħħar mill-aħħar, dan kollu huwa dwar ħaġa waħda: it-tkabbir, li huwa neċessarju bħala rimedju għall-iktar problema importanti tal-lum: il-qgħad. Il-livell attwali ta' qgħad huma ekonomikament u politikament insostenibbli, soċjalment inaċċettabbli. B'hekk aħna kollha fil-Kummissjoni – u jiena kuntent li llum miegħi għandi l-Kummissarji kollha tiegħi – kollha kemm aħna rridu naħdmu b'mod intensiv makom, u mal-Istati Membri, sabiex inwettqu kemm jista' jkun mill-aġenda ta' tkabbir tagħna, qed nimmobilizzaw l-istrumenti tagħna kollha, iżda naturalment irridu nkunu onesti, mhux kollha jinsabu fil-livell Ewropew, xi wħud jinsabu fil-livell nazzjonali. Irrid niffoka fuq l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet dwar l-impjiegi taż-żgħażagħ u l-finanzjament tal-ekonomija reali. Jeħtieġ nevitaw irkupru mingħajr impjiegi.

B'hekk l-Ewropa trid tħaffef il-pass tar-riformi strutturali. Ir-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiżi jfissru dak li l-Istati Membri għandhom jagħmlu f'dan ir-rigward.

Fuq livell tal-UE, - peress li hemm dak li jista' jsir fil-livell nazzjonali u dak li jista' jsir fil-livell Ewropew - l-attenzjoni għandha tkun fuq dak li hu l-aktar importanti għall-ekonomija reali: l-esplojtazzjoni tal-potenzjal sħiħ tas-suq uniku tiġi l-ewwel.

Għandna suq uniku li jiffunzjona tajjeb fejn jidħlu l-prodotti, u qed naraw il-benefiċċji ekonomiċi ta' dan. Għandna bżonn nestendu l-istess formola lejn oqmsa oħrajn: fil-mobilità, il-komunikazzjoni, l-enerġija, il-finanzi u l-kummerċ elettroniku, biex insemmi biss xi ftit aspetti. Iridu nneħħu l-ostakli li jżommu lura lil kumpaniji u persuni dinamiċi. Jeħtieġ li nwettqu l-proġett li l-Ewropa tkun konnessa.

Nixtieq li nħabbar li, illum, sejrin formalment nadottaw proposta li tagħti spinta lejn suq uniku għat-telekomunikazzjonijiet. Iċ-ċittadini jafu li l-Ewropa naqqset b'mod drammatiku dak li jonfqu għar-roaming. Il-proposta tagħna se ssaħħ il-garanziji u tbaxxi l-prezzijiet għal konsumaturi u tippreżenta opportunitajiet ġodda għal kumpaniji. Nafu li fil-futur, il-kummerċ se jsir dejjem aktar diġitali. Mhux paradoss li għandna suq intern għall-prodotti iżda meta niġu għas-suq diġitali, għandna 28 suq nazzjonali? Kif nistgħu naħtfu l-opportunitajiet kollha fil-futur, li jiġu mill-ekonomija diġitali, jekk ma nikkonkludux dan is-suq intern?

L-istess loġika tapplika għal aġenda diġitali iktar wiesa': issolvi problemi reali u ttejjeb il-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini. Il-qawwa tal-bażi industrijali tal-Ewropa fil-futur tiddependi fuq kemm persuni u negozji jkunu interkonnessi b'mod tajjeb. U permezz tal-irbit bejn l-aġenda diġitali u l-protezzjoni tad-dejta u l-ħarsien tal-privatezza, il-mudell Ewropew tagħna jsaħħaħ il-fiduċja taċ-ċittadini. Kemm għar-rigward ta' żviluppi interni kif ukoll esterni, l-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni proposta dwar il-protezzjoni tad-dejta hija tal-ogħla importanza għall-Kummissjoni Ewropea.

Is-suq uniku huwa ingranaġġ ewlieni għall-kompetittività u l-impjiegi. Bl-adozzjoni tal-proposti kollha li għad fadal taħt l-Att I u II tas-Suq Uniku, u l-implimentazzjoni tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa fix-xhur li ġejjin, qegħdin inqiegħdu l-pedamenti għal prosperità għas-snin li ġejjin.

Qegħdin ukoll nadattaw ruħna għal trasformazzjoni dinamika fuq skala globali, u għaldaqstant irridu ninkoraġġixxu dan id-dinamiżmu innovattiv fuq skala Ewropea. Huwa għalhekk li rridu ninvestu iktar ukoll fl-innovazzjoni, fit-teknoloġija u fir-rwol tax-xjenza. Għandi fiduċja kbira fix-xjenza, fil-kapaċità tal-moħħ tal-bniedem u f'soċjetà kreattiva li tasal biex issib soluzzjoni għall-problemi tagħha. Id-dinja qed tinbidel b'mod drammatiku. U jiena nemmen li ħafna mis-soluzzjonijiet se jiġu, fl-Ewropa kif ukoll barra minnha, minn studji xjentifiċi ġodda, minn teknoloġiji ġodda. U jiena nixtieq li l-Ewropa tkun fuq quddiem madwar id-dinja f'dak l-isforz. Huwa għalhekk li aħna - il-Parlament u l-Kummissjoni - tajna prijorità lill-inizjattiva Horizon 2020 matul id-diskussjonijiet dwar il-baġit tal-UE.

Għal dan l-iskop nużaw il-baġit tal-UE biex ninvestu fil-ħiliet, fl-edukazzjoni u fit-taħriġ vokazzjonali, li joffru dinamiżmu lit-talent filwaqt li jsostnuh. Għalhekk għamilna pressjoni fir-rigward tal-Erasmus Plus.

U għal din ir-raġuni li, aktar tard din il-ħarifa, se nagħmlu proposti ulterjuri bil-għan li jkollna politika industrijali li tkun tixraq lis-seklu 21. Għal dan l-iskop nimmobilizzaw l-appoġġ għall-SMEs, għaliex nemmnu li bażi industrijali dinamika qawwija hija indispensabbli għal ekonomija qawwija Ewropea.

U waqt li qed niġġieldu l-bidla fil-klima, il-miri 20-20-20 tagħna poġġew l-ekonomija tagħna fid-direzzjoni tat-tkabbir ekoloġiku u tal-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi, li tgħin biex jitnaqqsu l-ispejjeż u biex jinħolqu l-impjiegi.

Sal-aħħar ta' din is-sena, se noħorġu bi proposti konkreti għall-qafas tagħna fil-qasam tal-enerġija u tal-klima li jkopri sal-2030. U se nkomplu nagħtu struttura lill-aġenda internazzjonali billi, b'kooperazzjoni mas-sħab tagħna, inlaħħmu ftehim komprensiv u legalment vinkolanti dwar il-klima globali sal-2015. L-Ewropa waħedha ma tistax tagħmel waħedha l-ġlieda kollha għat-tibdil fil-klima. Frankament, jeħtieġ ukoll li l-oħrajn jingħaqdu magħna. Fl-istess ħin, se nkomplu bil-ħidma tagħna dwar l-impatt tal-prezzijiet tal-enerġija fuq il-kompetittività u l-koeżjoni soċjali.

Dawn il-muturi kollha għat-tkabbir jagħmlu parti mill-aġenda tagħna "Ewropa 2020", u l-implimentazzjoni sħiħa u bla dewmien tagħha hija urġenti iktar minn qatt qabel. F'ċerti każi, irridu mmorru lil hinn mill-aġenda 2020.

Dan ifisser li rridu nkomplu wkoll bl-aġenda attiva u assertiva tagħna dwar il-kummerċ. Din tirrigwarda l-irbit tagħna aktar mill-qrib mas-swieq terzi li qed jikbru u l-iżgurar tal-pożizzjoni tagħna fil-katina tal-provvista fuq livell globali. Kontra dak li jaħsbu ħafna, meta l-biċċa l-kbira taċ-ċittadini tagħna qed jaħsbu li qegħdin fuq in-naħa tat-telliefa fejn jidħol il-kummerċ globali, għandna bilanċ favorevoli sinifikanti u li dejjem qed jikber ta' aktar minn EUR 300 biljun fis-sena, fi prodotti, servizzi u agrikoltura. Hemm bżonn li nkomplu nibnu fuq dan. Dan ukoll se jkun jirrikjedi l-attenzjoni sħiħa tagħna fix-xhur li ġejjin, notevolment bis-Sħubija Trans-Atlantika ta’ Kummerċ u ta’ Investiment mal-Istati Uniti u n-negozjati mal-Kanada u mal-Ġappun.

U fl-aħħar, iżda mhux l-inqas, jeħtieġ li ntejbu t-tattika li qed nużaw għall-implimentazzjoni tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali, il-baġit Ewropew. Il-baġit tal-UE huwa l-aktar xprun konkret li għandna għad-dispożizzjoni tagħna biex nagħtu spinta lill-investimenti. F'xi wħud mir-reġjuni tagħna, il-baġit tal-Unjoni Ewropea huwa l-uniku mod kif jinkiseb l-investiment pubbliku peress li m'għandhomx is-sorsi fil-livell nazzjonali.

Kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kummissjoni riedu aktar riżorsi. Konna fil-ġlieda flimkien. Iżda anki b'dan, sena waħda jirrappreżenta aktar flus - bil-prezzijiet tal-lum - mill-pjan Marshall kollu fi żmienu! Ejja naraw li l-programmi verament ikunu jistgħu jingħataw bidu fl-1 ta' Jannar 2014. Li l-effett tar-riżultati jkun qed jinħass fil-prattika. U li nużaw il-possibbiltajiet ta' finanzjament innovattiv, minn strumenti li diġà bdew, għal flus tal-BEI, għal bonds tal-proġetti.

Irridu nżommu kelmtna rigward l-impenn li ħadna f'Lulju. Min-naħa tal-Kummissjoni, aħna se nwasslu għal riżultati konkreti. Pereżempju, f'dan ix-xahar stess, se nippreżentaw it-tieni baġit emendatorju għall-2013. Ma hemmx ħin x'nitilfu, u għalhekk qed nagħti twissija biex ħadd ma jittratieni. B'mod partikolari, inħeġġeġ lill-Istati Membri biex ma jtawlux.

Ma nistax nenfasizza biżżejjed: matul il-kampanja elettorali, iċ-ċittadini mhux se tikkonvinċihom bir-retorika jew b'wegħdiet biss, iżda biss b' sett konkret ta' kisbiet komuni. Jeħtieġ li nesponu l-ħafna oqsma fejn l-Ewropa solviet il-problemi taċ-ċittadini. L-Ewropa mhix il-kawża tal-problemi, l-Ewropa hija parti mis-soluzzjoni.

Se nsemmi dak li għad irridu nwettqu b'mod aktar estensiv fl-ittra tal-lum lill-President tal-Parlament Ewropew, li se tkunu rċevejtuha intom ukoll. Minix se nidħol fid-dettall rigward il-programm għas-sena d-dieħla

Il-punt li rrid nagħmel illum huwa ċar: flimkien, għad fadlilna ħafna x'niksbu qabel l-elezzjonijiet. Mhux il-mument li nċedu, huwa l-mument li nxammru l-kmiem.

Onorevoli membri,

Xejn minn dan ma huwa faċli. Dawn huma żminijiet li joffru sfida, stress test ta' veru għall-UE. It-triq lejn ir-riforma permanenti u profonda hija impenjattiva daqskemm ma tistax tiġi evitata. Ejjew ma nitqarrqux: mhux se nkunu nistgħu nkomplu għaddejjin b'xogħolna tas-soltu. Xi nies jemmnu li wara dan, kollox jerġa' jirritorna għal kif kien qabel. M'għandhomx raġun. Din il-kriżi hija differenti. Din mhijiex kriżi ċiklika, iżda waħda strutturali. Mhux se mmorru lura għan-normal ta' qabel. Ninsabu f'perjodu ta' trasformazzjoni fl-istorja. Irridu nifhmu dan, mhux biss ngħiduh. Iżda rridu naċċettaw il-konsegwenzi ta' dan, inkluż il-mod ta' kif naħsbu, u kif nirreaġixxu għall-problemi.

Mill-ewwel riżultati li għandna, inqisu li dan huwa possibbli.

U mill-esperjenza, ilkoll nafu li hekk jeħtieġ li nagħmlu.

F'dan il-mument, b'irkupru fraġli, l-aktar riskju negattiv li qed nara huwa wieħed politiku: nuqqas ta' stabilità u nuqqas ta' determinazzjoni. Tul dawn l-aħħar snin, rajna kif kwalunkwe ħaġa li titfa' dubju fuq l-impenn tal-gvernijiet b'rabta mar-riforma, tiġi kkastigata minnufih. Mil-lat pożittiv, deċiżjonijiet b'saħħithom u konvinċenti jħallu impatt sinifikanti u immedjat.

F'din il-fażi tal-kriżi, il-kompitu tal-gvernijiet huwa li jipprovdu ċ-ċertezza u l-previdibbiltà li s-swieq għad ma għandhomx.

Bla dubju smajtu b'Justus Lipsius. Justus Lipsius huwa l-isem tal-bini tal-Kunsill fi Brussell. Justus Lipsius kien studjuż umanist influwenti ħafna tas-seklu 16, li kiteb ktieb importanti ħafna li jismu De Constantia.

Hu kiteb, "il-kostanza hija saħħa ġusta u immobbli tal-moħħ, li la tiżdied u lanqas tonqos b'aċċidenti esterni jew każwali." Huwa sostna li "s-saħħa tal-moħħ" biss, ibbażata fuq "ġudizzju u raġuni valida", tista' tgħinek matul żminijiet allarmanti u ta' konfużjoni.

Nittama li f'dawn iż-żminijiet, dawn iż-żminijiet diffiċli, kollha kemm aħna, inklużi r-rappreżentanti tal-gvernijiet li jiltaqgħu fil-bini Justus Lipsius juru dik id-determinazzjoni, dik il-perseverenza, meta jiġu biex jimplimentaw id-deċiżjonijiet li jittieħdu. Għaliex waħda mill-kwistjonijiet li għandna hija dik tal-koerenza, mhux biss li nieħdu d-deċiżjonijiet, iżda li wara nkunu nistgħu nimplimentawhom fil-konkret.

Onorevoli membri,

Huwa naturali li, matul dawn l-aħħar ftit snin, l-isforzi tagħna biex negħlbu l-kriżi ekonomika warrbu fil-ġenb l-affarijiet kollha l-oħra.

Iżda jeħtieġ li l-idea tagħna tal-Ewropa tmur ferm lil hinn mill-ekonomija. Aħna nikkostitwixxu ħafna iktar minn sempliċiment suq. L-ideal Ewropew jolqot proprju l-pedamenti tas-soċjetà Ewropea. Hu jirrigwarda l-valuri, u nisħaq fuq il-kelma: il-valuri. Huwa bbażat fuq twemmin sod fi standards politiċi, soċjali u ekonomiċi, imsejsa fl-ekonomija soċjali tas-suq tagħna.

Fid-dinja tal-lum, il-livell tal-UE huwa indispensabbli biex nipproteġu dawn il-valuri u standards u biex jitmexxew 'l quddiem id-drittijiet taċ-ċittadini: mill-protezzjoni tal-konsumatur sad-drittijiet tal-ħaddiema, mid-drittijiet tan-nisa sar-rispett lejn il-minoranzi, mill-istandards ekonomiċi sal-protezzjoni tad-dejta u l-privatezza.

Kemm biex niddefendu l-interessi tagħna fil-qasam tal-kummerċ internazzjonali, kemm jekk biex nassiguraw il-provvista tal-enerġija tagħna, jew biex nerġgħu niksbu s-sens ta' ġustizzja fost in-nies billi niġġieldu l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa: ikun biss jekk naġixxu bħala Unjoni li nkunu nistgħu nagħtu sehmna fix-xena dinjija.

Kemm jekk infittxu li niksbu impatt għall-għajnuna għall-iżvilupp u dik umanitarja li nagħtu lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw, fil-ġestjoni tal-konfini esterni komuni tagħna, u kemm jekk infittxu li niżviluppaw politika ta' sigurtà u difiża b'saħħitha fl-Ewropa: huwa biss b'aktar integrazzjoni li nkunu nistgħu verament niksbu l-objettivi tagħna.

Ma hemm l-ebda dubju dwar dan. Il-koerenza interna u r-rilevanza internazzjonali huma marbuta b'mod li ma tistax tifridhom. L-attrazzjoni ekonomika u l-influwenza politika tagħna huma fundamentalment minsuġa.

Hawn xi ħadd li jemmen bis-serjetà li, kieku l-euro falla, kien jibqagħlna xi kredibilità, aħna jew l-Istati Membri, madwar id-dinja?

Għadna konxji tal-fatt kif it-tkabbir kien ta' suċċess fejn jidħol il-fejqan tal-feriti profondi tal-istorja, billi ġew stabbiliti demokraziji fejn qabel ħadd ma kien jaħseb li jista' jkun hemm? Kif il-politika ta' viċinat kienet u għadha l-aħjar mod biex tingħata s-sigurtà u l-prosperità f'reġjuni ta' interess vitali għall-Ewropa? Fejn konna nkunu mingħajr dan kollu?

Illum pajjiżi bħall-Ukrajna qegħdin ifittxu rabtiet mill-qrib mal-Unjoni Ewropea aktar minn qatt qabel, miġbuda mill-mudell ekonomiku u soċjali tagħna. Aħna ma nistgħux intuhom darna. Ma nistgħux naċċettaw li jkun hemm xi attentati biex jiġu limitati l-għażliet sovrani ta' dawn il-pajjiżi. Ir-rieda ħielsa u l-kunsens ħieles iridu jiġu rispettati. Dawn huma wkoll il-prinċipji li huma fil-bażi tas-Sħubija tal-Lvant, li rridu mmexxu 'l quddiem fis-summit tagħna ta' Vilnius.

U għadu xi ħadd jiftakar eżattament kemm sofriet l-Ewropa mill-gwerrer li għaddiet minnhom matul l-aħħar seklu, u kif l-integrazzjoni Ewropea kienet it-tweġiba valida?

Is-sena d-dieħla se jkun għadda seklu minn mindu kienet bdiet l-Ewwel Gwerra Dinjija. Gwerra li ċartet lill-Ewropa, minn Sarajevo sas-Somme. Ma għandna qatt nieħdu l-paċi bħala xi ħaġa garantita. Jeħtieġ niftakru lil huwa minħabba l-Ewropa li dawk li xi darba kienu għedewwa issa jpoġġu madwar l-istess mejda u jaħdmu flimkien. Huwa biss minħabba l-fatt li dawn ġew offruti perspettiva Ewropea li issa anki s-Serbja u l-Kosovo waslu għal qbil, bil-medjazzjoni tal-UE.

Il-Premju Nobel għall-Paċi tas-sena li għaddiet ifakkarna f'din il-kisba storika: li l-Ewropa hija proġett għall-paċi.

Jeħtieġ li nkunu aktar konxji tagħna nfusna. Xi kultant naħseb li m'għandniex nistħu li nkunu kburin. Mhux arroganti. Iżda aktar kburin. Jeħtieġ inħarsu lejn il-futur, iżda bl-għerf li akkwistajna mill-passat.

Ippermettuli ngħid lil dawk kollha li jifirħu meta l-Ewropa tkun tinsab f'diffikultà u li jridu jreġġgħu lura l-integrazzjoni li ksiba u jmorru lura lejn l-iżolament: l-Ewropa ta' qabel l-integrazzjoni, tad-diviżjonijiet, tal-gwerer, tat-trunċieri, mhix dik li n-nies jixtiequ u li tixirqilhom. Fl-istorja tiegħu il-kontinent Ewropew qatt ma għadda minn perjodu daqstant twil ta' paċi daqs dak li għadda minnu mill-ħolqien tal-Komunità Ewropea. Id-dmir tagħna huwa li nħarsuha u li napprofondawha.

Onorevoli membri,

Huwa preċiżament bis-saħħa tal-valuri tagħna li qed nindirizzaw is-sitwazzjoni insopportabbli fis-Sirja, li kienet ta' prova mill-aktar severa, matul l-aħħar xhur, għall-kuxjenza tad-dinja. L-Unjoni Ewropea kienet fuq quddiem fl-għajnuna internazzjonali billi mmobilizzat qrib il-biljun euro u nofs, li minnhom 850 miljun euro ġejjin direttament mill-baġit tal-UE. Il-Kummissjoni se tagħmel dak kollu li tista' biex tgħin lill-poplu Sirjan u lir-refuġjati fil-pajjiżi ġirien.

Dan l-aħħar assistejna għal avvenimenti li ħsibna li kienu ilhom li ġew eliminati. L-użu tal-armi kimiċi hu att orribbli li jistħoqqlu kundanna ċara u reazzjoni qawwija. Il-komunità internazzjonali, bin-NU fiċ-ċentru tagħha, iġġorr responsabbiltà kollettiva biex tissanzjona dawn l-atti u ġġib dan il-kunflitt fi tmiemu. Il-proposta biex l-armi kimiċi tas-Sirja jitqiegħdu f'pożizzjoni li ma jkunux jistgħu jintużaw hija żvilupp potenzjalment pożittiv. Ir-reġim Sirjan issa jrid juri bil-provi li se jimplimenta dan mingħajr dewmien. Fl-Ewropa aħna nemmnu li, fl-aħħar mill-aħħar, hija biss soluzzjoni politika li tista' twassal għal paċi durabbli li jixraqlu l-poplu tas-Sirja.

Onorevoli membri,

Jeżistu dawk li jsostnu li b'Ewropa aktar dgħajfa, pajjiżhom ikun aktar b'saħħtu, li l-Ewropa hija piż; li jkunu aħjar mingħarjha.

It-tweġiba tiegħi hija ċara: kollha kemm aħna għandna bżonn Ewropa li tkun magħquda, qawwija u miftuħa.

Fid-dibattitu li għaddej madwar l-Ewropa kollha, il-mistoqsija fundamentali hija: X'irridu? Li ntejbu l-Ewropa jew li naqtgħu qalbna minnha?

It-tweġiba tiegħi hija ċara: ejjew nimpenjaw ruħna!

Jekk ma togħġbokx l-Ewropa kif inhi: tejjibha!

Sib mezzi kif tagħmilha aktar qawwija, internament u internazzjonalment, u jien inkun l-akbar sostenitur tiegħek. Sib mezzi li bihom jista' jkun hemm id-diversità mingħajr ma tinħoloq id-diskriminazzjoni, u jien inkun miegħek matul it-triq kollha.

Iżda tagħtihiex il-ġenb.

Nirrikonoxxi li: bħal kull proġett tal-bniedem, l-UE mhix perfetta.

Pereżempju, il-kontroversji dwar it-tqassim tax-xogħol bejn il-livell nazzjonali u dak Ewropew qatt ma huma se jintemmu b'mod konklussiv.

Jien ukoll nagħti importanza kbira lis-sussidjarjetà. Għalija s-sussidjarjetà mhix kunċett tekniku. Hija prinċipju demokratiku fundamentali. Unjoni dejjem aktar magħquda fost iċ-ċittadini tal-Ewropa, titlob li d-deċiżjonijiet jittieħdu bl-aktar mod miftuħ possibbli u fl-iktar punt qrib tal-poplu possibbli.

Mhux kollox jeħtieġ soluzzjoni fil-livell Ewropew. L-Ewropa jeħtieġ li tiffoka fuq fejn tista' żżid l-aktar valur. Fejn dan ma jkunx il-każ, m'għandhiex tindaħal. L-UE jeħtieġ li tkun kbira fuq l-affarijiet il-kbar u żgħira fuq l-affarijiet aktar żgħar - xi ħaġa li xi kultant jista' jkun li ma tajniex biżżejjed kasha fil-passat. L-UE teħtieġ li turi li għandha l-kapaċità li tistabbilixxi prijoritajiet kemm pożittivi kif ukoll negattivi. Bħall-gvernijiet kollha, irridu nagħtu attenzjoni partikolari għall-kwalità u l-kwantità tar-regolamentazzjoni tagħna, billi nafu li, kif qal Montesquieu, "les lois inutiles affaiblissent les lois nécessaires". ['il-liġijiet inutli jdgħajfu l-liġijiet meħtieġa']

Iżda, onorevoli membri, hemm oqsma ta' importanza kbira fejn l-Ewropa teħtieġ aktar integrazzjoni u aktar unità. Fejn biss Ewropa b'saħħitha tista' tagħti r-riżultati.

Nemmen li l-orizzont politiku tagħna għandu jkun unjoni politika, kif enfasizzajt fid-diskors tal-Istat tal-Unjoni tas-sena l-oħra. Din mhix biss talba ta' Ewropew konvint. Din hija t-triq 'il quddiem indispensabbli biex nikkonsolidaw il-progress tagħna u nassiguraw il-futur. Fl-aħħar mil-aħħar, is-solidità tal-politiki tagħna, jiġifieri tal-unjoni ekonomika u monetarja jiddependu fuq il-kredibilità tal-kostruzzjoni politika u istituzzjonali li ssostniha.

Għalhekk fil-Kummissjoni fassalna Pjan Dettaljat għal Unjoni Ekonomika u Monetarja profonda u ġenwina, mhux biss l-aspetti ekonomiċi u monetarji, iżda wkoll il-ħtiġijiet, il-possibiltajiet u l-limiti tal-approfondiment tal-istruttura istituzzjonali tagħna fuq terminu medju u twil. Il-Kummissjoni se tkompli taħdem għall-implimentazzjoni tal-Pjan tagħha, pass b'pass, fażi wara l-oħra.

U nikkonferma, kif imħabbar is-sena li għaddiet, l-intenzjoni li nressaq, qabel l-elezzjonijiet Ewropej, aktar ideat dwar il-futur tal-Unjoni tagħna u dwar kif l-aħjar nikkonsolidaw u napprofondixxu l-metodu u l-approċċ komunitarju għat-tul, kmieni biżżejjed qabel l-elezzjonijiet Ewropej. B'dan il-mod, dawn jistgħu jkunu suġġetti għal dibattitu Ewropew veru. Se jippreżentaw il-prinċipji u l-orjentazzjonijiet li huma meħtieġa għal unjoni politika ta' vera.

Onorevoli Membri,

Nistgħu nilqgħu l-isfidi ta' żmienna jekk insaħħu l-kunsens dwar l-objettivi fundamentali.

Politikament, jeħtieġ li ma nkunux maqsuma mid-differenzi bejn iż-żona tal-euro u dawk barra minnha, bejn iċ-ċentru u l-periferija, bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar, bejn il-Lvant u l-Punent. L-Unjoni Ewropea jeħtieġ li tibqa' proġett għall-membri kollha, komunità ta' partijiet indaqs.

Ekonomikament, l-Ewropa dejjem kienet mod kif jitnaqqsu d-distakki bejn il-pajjiżi, ir-reġjuni u n-nies. U dan għandu jkompli. Ma nistgħux nieħdu fuqna r-rwol tal-Istati Membri. Ir-responsabbiltà tibqa' tagħhom. Iżda nistgħu u għandna nikkumplimentaw bir-responsabbiltà Ewropea u bis-solidarjetà Ewropea.

Għal dik ir-raġuni, it-tisħiħ tad-dimensjoni soċjali hija prijorità għax-xhur li ġejjin, flimkien mal-imsieħba soċjali tagħna. Il-Kummissjoni se tippreżenta l-komunikazzjoni tagħha dwar id-dimensjoni soċjali tal-unjoni ekonomika u monetarja fit-2 ta' Ottubru. Is-solidarjetà hija element ewlieni ta' dak li tfisser l-Ewropa, u xi ħaġa li għandna nkunu kburin biha.

Il-ħarsien tal-valuri tagħha bħall-istat tad-dritt, huwa dak li l-Unjoni Ewropea nħolqot biex tagħmel, mit-twelid tagħha sal-aħħar kapitli tat-tkabbir.

Fid-diskors tal-Istat tal-Unjoni tas-sena l-oħra, f'mument ta' sfidi għall-istat tad-dritt fl-Istati Membri tagħna stess, indirizzajt il-ħtieġa li nibnu pont bejn il-perżaważjoni politika u proċeduri ta' ksur immirati fuq naħa, u dik li nsejjaħ l-għażla nukleari tal-Artikolu 7 tat-Trattat, jiġifieri s-sospensjoni tad-drittijiet ta' stat membru.

L-esperjenza kkonfermat l-utilità tar-rwol tal-Kummissjoni bħala arbitru indipendenti u oġġettiv. Għandna nikkonsolidaw din l-esperjenza permezz ta' qafas aktar ġenerali. Dan għandu jkun ibbażat fuq il-prinċipju tal-ugwaljanza bejn l-Istati Membri, attivat biss f'sitwazzjonijiet fejn ikun hemm riskju serju, sistemiku għall-istat tad-dritt innifsu, u li jiġi inizjat minn punti ta' riferiment predefiniti.

Il-Kummissjoni se tippreżenta komunikazzjoni dwar dan. Nemmen li huwa dibattitu li huwa ta' importanza ewlenija għall-idea tagħna tal-Ewropa.

Dan ma jfissirx li s-sovranità nazzjonali jew id-demokrazija huma ristretti. Iżda għandna bżonn ta' mekkaniżmu robust Ewropew biex ikollna impatt meta jkunu kkonċernati l-prinċipji bażiċi komuni.

Hemm ċerti valuri mhux negozjabbli li l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jiddefendu u sejrin dejjem jiddefendu, li l-Kummissjoni hija marbuta li tiddefendi.

Onorevoli Membri,

Il-polarizzazzjoni li rriżultat mill-kriżi tippreżenta riskju għalina lkoll, għall-proġett, għall-proġett Ewropew.

Aħna, ir-rappreżentanti politiċi leġittimi tal-Unjoni Ewropea, nistgħu ndawru s-sitwazzjoni. Intom, ir-rappreżentanti demokratiċi tal-Ewropa, eletti b'mod dirett, se tkunu fuq quddiem nett tad-dibattitu politiku. Il-mistoqsija li rrid nagħmel hi: liema stampa tal-Ewropa se tiġi ppreżentata lill-votanti? Ir-realtà jew karikatura? Il-miti jew il-fatti? Il-verżjoni onesta, raġunata, jew il-verżjoni estremista, populista? Hija differenza importanti.

Naf li xi wħud se jgħidu li l-Ewropa taħti għall-kriżi u t-tbatija.

Iżda nistgħu nfakkru lin-nies li l-Ewropa ma kenitx fl-oriġini ta' din il-kriżi. Din irriżultat minn immaniġġjar ħażin tal-finanzi pubbliċi mill-gvernijiet nazzjonali u minn aġir irresponsabbli fis-swieq finanzjarji.

Nistgħu nispjegaw kif l-Ewropa ħadmet sabiex issewwi l-kriżi. Dak li konna nitilfu li kieku ma kienx irnexxielna nsostnu s-suq uniku, peress li kien mhedded u l-munita komuni, peress li xi nies bassru t-tmiem tal-euro. Li kieku ma kkoordinajniex l-isforzi tal-irkupru u l-inizjattivi tal-impjiegi.

Xi wħud se jgħidu li l-Ewropa qiegħda tisforza lill-gvernijiet biex inaqqsu l-infiq.

Iżda nistgħu nfakkru lill-votanti li d-dejn tal-gvern kien tilef il-kontroll anki qabel il-kriżi mhux minħabba l-Ewropa iżda minkejja l-Ewropa. Nistgħu nżidu li dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetajiet tagħna, u wliedna, jispiċċaw iħallsu l-prezz jekk ma nipperseverawx issa. U l-verità hi li l-pajjiżi, kemm dawk fi ħdan il-euro kif ukoll dawk barra minnu, kemm dawk fl-Ewropa kif ukoll dawk barra l-Ewropa, qed jagħmlu sforzi biex jikkontrollaw il-finanzi pubbliċi mtaqqla tagħhom.

Xi wħud fil-kampanji tagħhom se jgħidu li tajna wisq flus lil pajjiżi vulnerabbli. Oħrajn se jgħidu li tajna ftit wisq flus lil pajjiżi vulnerabbli.

Iżda kull wieħed minna jista' jispjega dak li għamilna u għaliex għamilnih: hemm rabta diretta bejn is-self ta' pajjiż u l-banek ta' pajjiż ieħor, bejn l-investimenti ta' pajjiż u l-impriżi ta' pajjiż ieħor, bejn il-ħaddiema ta' pajjiż u l-kumpaniji ta' pajjiż ieħor. Dan it-tip ta' interdipendenza jfisser li jiffunzjonaw biss soluzzjonjiet Ewropej. Soluzzjonijiet nazzjonali ma jaħdmux.

Dak li ngħid lin-nies huwa dan: meta tkun fl-istess dgħajsa, ma tistax tgħid: "in-naħa tiegħek tad-dgħajsa qed tegħreq". Konna fl-istess dgħajsa meta l-affarijiet kienu sejrin tajjeb, u ninsabu fiha flimkien meta l-affarijiet huma diffiċli.

Xi wħud jistgħu jagħmlu kampanja fejn jgħidu: L-Ewropa ħatfet wisq poter. Oħrajn se jgħidu li l-Ewropa dejjem tagħmel ftit wisq u tard wisq. L-interessanti hu li xi kultant ikunu l-istess nies li jgħidu li l-Ewropa mhix qed tagħmel biżżejjed u fl-istess ħin li mhix qed tingħata biżżejjed mezzi biex l-Ewropa tagħmel dak li l-Ewropa għandha tagħmel.

Iżda nistgħu nispjegaw li l-Istati Membri fdaw f'idejn l-Ewropa ċerti kompiti u kompetenzi. L-Unjoni Ewropea mhix potenza barranija. Hija r-riżultat ta' deċiżjonijiet demokratiċi meħuda mill-istituzzjonijiet Ewropej u mill-istat membri

Fl-istess waqt, irridu nirrikonoxxu li, f'ċerti oqsma, l-Ewropa għad ma għandhiex is-setgħa li tagħmel dak li jkun mitlub minnha. Fatt li faċli jintesa minn dawk, u hemm ħafna minn dawn hemm barra, li dejjem iħobbu jinnazzjonalizzaw is-suċċess u jewropizzaw il-falliment. Fl-aħħar mill-aħħar, dak li għadna u dak li m'għandniex, huwa r-riżultat ta' teħid demokratiku ta' deċiżjonijiet. U naħseb li hemm bżonn li lin-nies infakkruhom dwar dan.

Sinjuri,

Sur President,

Onorevoli Membri,

Nittama li l-Parlament Ewropew jilqa' din l-isfida bl-idealiżmu kollu li għandu, u bir-realiżmu u d-determinazzjoni li jitolbu minna ż-żminijiet.

L-argumenti qegħdin hemm.

Il-fatti qegħdin hemm.

L-aġenda ġiet ippreżentata.

Fi żmien 8 xhur il-votanti se jiddeċiedu.

Issa, huwa għalina li nagħmlu l-każ favur l-Ewropa.

Dan nistgħu nagħmluh billi nużaw it-8 xhur li ġejjin biex inwettqu kemm jista' jkun. Għad fadlilna ħafna x'nagħmlu.

Nadottaw u nimplimentaw il-baġit Ewropew, il-QFP. Dan huwa ta' importanza kritika għall-investiment fir-reġjuni tagħna madwar l-Ewropa kollha. Dan huwa indispensabbli għall-ewwel prijorità li għandna: li niġġieldu kontra l-qgħad, speċjalment il-qgħad fost iż-żgħażagħ.

Mexxu 'l quddiem u implimentaw l-unjoni bankarja. Dan huwa ta' importanza kritika biex tiġi indirizzata l-problema tal-iffinanzjar għan-negozji u l-SMEs.

Dawn huma l-prijoritajiet ċari tagħna: l-impjiegi u t-tkabbir.

Ix-xogħol tagħna ma spiċċax. Jinsab fil-fażi deċiżiva.

Għaliex, Onorevoli Membri, l-elezzjonijiet mhumiex se jkunu biss dwar il-Parlament Ewropew, u lanqas dwar il-Kummissjoni Ewropea jew dwar il-Kunsill jew dwar din il-personalità jew l-oħra.

Se jkunu dwar l-Ewropa.

Se niġu ġġudikati flimkien.

Għalhekk ejjew naħdmu flimkien - għall-Ewropa.

B'passjoni b'determinazzjoni.

Ejjew ma ninsewx: mitt sena ilu – rajna lill-Ewropa qisha bla ma taf miexja lejn il-katastrofi tal-gwerra tal-1914.

Is-sena d-dieħla, fl-2014, nittama li l-Ewropa tkun qed timxi 'l barra mill-kriżi lejn Ewropa aktar magħquda, b'saħħitha u miftuħa.

Grazzi tal-attenzjoni tagħkom.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website