Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Neelie Kroes

Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, responsabbli għall-Aġenda Diġitali

Suq Uniku tat-Telekomunikazzjoni: Noħolqu kontinent konness

Skambju ta’ fehmiet dwar l-inizjattivi leġiżlattivi li ġejjin fil-qasam tal-Aġenda Diġitali: "L-iżgurar tal-konnettività għall-ekonomija diġitali" waqt il-laqgħa tal-Kumitat għall-industrija, ir-riċerka u l-enerġija (ITRE) tal-Parlament Ewropew fi Brussell

Id-9 ta’ Lulju 2013

Biex tikkummenta dwar dan id-diskors, ara l-verżjoni ta' dan id-diskors fuq il-mezzi tax-xandir soċjali hawnhekk.

Grazzi talli stidintuni nkellimkom. Illum nixtieq nispjegalkom fid-dettall kif naħseb li nistgħu noħolqu kontinent konness.

Id-dinja qed issir diġitali. Dan huwa suq globali li qed jikber, u rridu nieħdu vantaġġ minn dan. Imma s-settur tat-telekomunikazzjonijiet u l-ekosistema tal-ICT tagħna, li xi darba d-dinja kienet tgħir għalihom, m’għadhomx kompetittivi iktar. Iċ-ċittadini u n-negozji tagħna qed iħabbtu wiċċhom ma’ ostakli u ħlasijiet inġusti. Dan suppost li huwa netwerk globali, imma anke fi ħdan is-suq uniku, qed iħabbat wiċċu ma’ kontrolli fuq il-fruntieri.

Il-bqija tad-dinja qed tiġri 'l quddiem. L-Amerika, il-Ġappun u l-Korea għandhom 88 % tal-abbonati tal-4G tad-dinja, waqt li l-UE għandha biss 6 % tagħhom. Barra minn hekk, 2 % biss mill-familji Ewropej għandhom broadband veloċi ħafna.

Dawn il-problemi jeħtieġ li jiġu solvuti. Għal dan il-għan, beħsiebni nippreżenta pakkett ta’ miżuri li għandu jinħareġ l-ewwel ħaġa f’Settembru.

Dan se jneħħi l-fruntieri, jistimula l-investiment u jagħmilha eħfef li wieħed jopera u jikkomunika fl-UE. Huwa se jibni fuq il-qafas eżistenti u se jsaħħaħ il-kontinent konness tagħna bi tliet modi ewlenin.

L-ewwel nett, biex ikollna netwerks li jkunu tassew Ewropej, irid ikun eħfef li wieħed jikkomunika minn pajjiż għall-ieħor, u l-operaturi ma jridux jiffaċċjaw taħwida ta’ regoli differenti li mhumiex kompatibbli ma’ xulxin. Jekk inti titħalla topera kullimkien fl-Ewropa — awtorizzat fi ħdan qafas tal-UE — għandek tkun kapaċi taħdem kullimkien fl-UE. U b’dan ma rridx ngħid li dan għandu jkun biss “possibbli”, iżda li għandu jkun sempliċi fil-prattika, pereżempju permezz ta’ sistema ta' awtorizzazzjoni unika b’superviżjoni mill-Istat Membru tad-domiċilju.

U l-Kummissjoni għandu jkollha iktar ċans li tiżgura li jkun hemm rimedji konsistenti. Anqas burokrazija, anqas spejjeż, anqas battikati: is-suq uniku dan li jfisser. Din l-ispinta diġà jgawdu minnha s-setturi tal-banek u tal-mezzi tax-xandir: issa se jibda jgawdi minnha s-settur tat-telekommunikazzjonijiet ukoll.

It-tieni nett, dawn l-operaturi għandhom bżonn tar-riżorsi bażiċi, jiġifieri tan-netwerks, biex jaħdmu. Għal darb'oħra, kif inhi s-sistema bħalissa, hemm wisq diffikultajiet minn dan il-lat, speċjalment bejn pajjiż u ieħor. Neħtieġu modi aktar konsistenti għall-aċċess għan-netwerks fissi — pereżempju billi nistandardizzaw il-modi għall-aċċess għan-netwerks, l-hekk imsejħa prodotti “tal-bitstream virtwali". U neħtieġu wkoll servizzi ta’ interkonnessjoni li jiggarantixxu l-kwalità. Barra minn hekk, għall-komunikazzjoni bla fili, għandna bżonn regoli tal-ispettru aħjar. Hemm bżonn ta’ kondizzjonijiet tal-liċenzja aktar konsistenti għall-meded tal-ispettru - bħal kemm idumu validi l-liċenzji, id-daqs tal-blokok, l-istrutturi tat-tariffi, eċċ. Dawn l-affarijiet kollha se jagħmluha iżjed faċli li wieħed jopera netwerk li jkun mifrux fuq diversi pajjiżi, u se jagħmluha iżjed faċli li wieħed igawdi minn servizzi ta' kwalità għolja fuq netwerks bħal dawn.

It-tielet nett, iċ-ċittadini tagħna jridu jgawdu minn drittijiet u trattament ġusti fl-Unjoni Ewropea kollha,

inkluż id-dritt għan-newtralità tan-netwerk.

L-imblukkar jew it-trażżin tas-servizzi mhuwiex biss ħaġa inġusta u li ddejjaq lill-utenti — hija wkoll sentenza tal-mewt għall-innovaturi. Għalhekk jien se naħdem biex tkun żgurata n-newtralità tan-netwerk u biex ikun hemm aktar trasparenza, sabiex b'hekk kulħadd ikun jaf x’hemm fil-kuntratt tiegħu. Dan jagħmilha aktar faċli li wieħed jaqleb minn fornitur għall-ieħor u jippermetti li jiġu offruti s-servizzi l-ġodda tal-primjum li tant servizzi ġodda jiddependu fuqhom — mill-cloud computing sas-servizzi elettroniċi fil-qasam tas-saħħa. U għal kull ċittadin, fuq kull network u għal kull apparat, beħsiebni nwaqqaf l-imblukkar u t-trażżin tas-servizzi, li jxekklu l-kompetittività. L-iżvilupp tal-internet jiddependi fuq l-onestà u l-innovazzjoni: prinċipji li se nissalvagwardja b’mod assolut.

Trattament ġust jinkludi prezzijiet aktar ġusti. It-telefonati fl-Ewropa m'għandhomx ikunu jiswew daqs it-"telefonati internazzjonali" fi ħdan suq waħdieni ġenwin. M’għandux ikun hemm żieda f'daqqa fil-prezzijiet sempliċement għax wieħed iċempel minn pajjiż Ewropew għal ieħor, u kwalunkwe differenza fil-prezzijiet trid tkun iġġustifikata oġġettivament minn spejjeż addizzjonali.

U naturalment, f’suq uniku ta’ veru, m’għandux ikun hemm tariffi artifiċjali tar-roaming. Din hija ħaġa irritanti, inġusta u li hija ħaġa tal-imgħoddi. Ta’ sikwit, l-unika tifkira tal-fruntieri interni tagħna hija biss it-telefown f’butek: din il-ħaġa trid tinbidel. Miljuni ta’ Ewropej igawdu minn abbonamenti komdi u trasparenti għas-servizzi tal-mowbajl. Huma jistennew li jħallsu darba u jkollhom kollox inkluż - mhux biss meta jkunu f’pajjiżhom, imma meta jkunu qed jivvjaġġaw ukoll. Jivvjaġġaw fejn jivvjaġġaw fl-Ewropa, huma għandhom ikunu jistgħu jużaw il-minuti tal-mowbajl tagħhom, il-messaġġi u l-megabytes tagħhom.

Naf liqajjimtu l-kwistjoni tar-roaming fl-abbozz tar-rapport tas-Sur Rohde. Imma ħalluni nfakkarkom ħaġa waħda: mhuwiex billi nipprojbixxu t-tariffi tar-roaming li se noħolqu suq uniku. Għall-kuntrarju, huwa billi noħolqu suq uniku li ser inġibu fi tmiemhom it-tariffi għoljin iżżejjed tar-roaming - suq fejn il-kumpaniji jiffaċċjaw l-istess pressjoni kompetittiva sabiex ibaxxu l-prezzijiet tar-roaming bħal dik li jiffaċċjaw f’pajjiżhom għan-netwerk tagħhom; suq fejn il-kumpaniji jirnexxilhom jiġbdu l-klijenti lejhom u jżommuhom bħala klijenti tagħhom billi jżidu r-roaming mal-pakketti kompetittivi li joffru; suq fejn il-konsumaturi jgawdu mill-għażla u mill-kompetizzjoni, u mhux iħabbtu wiċċhom mal-fruntieri u mal-ostakli.

Huwa b’dan il-mod li nixtieq inbiddel is-suq ifframmentat tal-lum f'suq uniku veru u kompetittiv.

Din il-frammentazzjoni mhix dwar xi ksur fid-domma tal-UE: din għandha konsegwenzi reali. Ejja nieħdu, pereżempju, l-ispettru tar-radju. Il-pajjiżi mhumiex qed iħarsu l-obbligi tagħhom li jassenjaw l-ispettru. U anke meta qed jassenjawh, qed jagħmlu dan b’mod differenti. Dan jagħmilha iżjed diffiċli li wieħed jagħmel offerta għal servizzi bejn pajjiż u ieħor, u li wieħed jippjana u joffri servizzi bħal dawn.

Jagħmilha aktar diffiċli wkoll għall-manifatturi li jottimizzaw il-prodotti l-ġodda tagħhom għall-Ewropa, u għan-negozji li jibbenefikaw mill-ekonomiji tal-iskala tas-suq uniku.

L-inċertezzi u l-ispejjeż li l-operaturi qed iħabbtu wiċċhom magħhom jispiċċaw jgħaddu għal fuq il-konsumaturi, u jispiċċaw isarrfu fi prezzijiet ogħla u servizz inqas tajjeb għalihom. Il-manifatturi Ewropej, li qabel kienu minn ta’ quddiem nett fid-dinja, illum qed jitħabtu biex jikkompetu.

Din il-problema ma taffettwaxlil settur wieħed biss. U lanqas ma taffettwa biss lill-mowbajls u lit-tablets. Le, mhux lilhom biss. Dalwaqt, kull tip ta’ apparat, mill-karozza sal-apparat tas-saħħa tiegħek, se jkun jista’ jiġi konness flimkien. Din hija opportunità enormi biex l-utenti jgawdu minn servizzi pan-Ewropej li jkunu jaħdmu ma’ kullimkien, iżda huma għadhom qed jistennew.

M’iniex qed nirreferi għal settur wieħed biss, qed inħares lejn l-istampa kollha. Is-settur Ewropew tat-telekomunikazzjonijiet u l-ekosistema Ewropea tal-ICT huma s-sisien fundamentali tal-ekonomija tagħna — u nixtieq narahom aktar b’saħħithom. Settur b’saħħtu tat-telekomunikazzjonijiet li kapaċi jiġġieled għalih innifsu f’suq kompetittiv, u li jiddependi inqas fuq ir-regolazzjoni. Imma dan ma nixtieqx narah iseħħ għall-benefiċċju ta’ dan is-settur stess, imma minħabba li ħaġa bħal din hija fl-interess ta’ kulħadd.

Il-fatt hu li l-ekonomija kollha tiddependi fuq l-għodod u n-netwerks diġitali, mis-settur bankarju sa dak tal-loġistika, u minn dak tal-karozzi sa dak awdjoviżiv. U, barra minn hekk, kull tip ta’ kumpanija tixtieq il-konnettività li tista’ tbiddel in-negozju tagħha, mill-vidjokonferenzi u l-cloud computing sal-istampar tridimensjonali. Dawn il-kumpaniji huma ta’ kull daqs u f’kull settur u xebgħu jistennewhom ’il dawn is-servizzi.

Lil dawn il-kumpaniji ma nistgħux nabbandunawhom. Huma għandhom ambizzjonijiet Ewropej, u ma nistgħux inħalluhom mingħajr il-mezzi ta’ komunikazzjoni li għandhom bżonn biex jilħqu dawn l-ambizzjonijiet. F’ekonomija li tiddependi fuq l-informazzjoni u l-komunikazzjoni, ma nistgħux ma nagħmlu xejn filwaqt li s-settur tat-telekomunikazzjonijiet isir dgħajjef wisq biex jikkompeti, jinvesti u jagħmel innovazzjonijiet. Ma nistgħux nibqgħu nkomplu għaddejjin b’netwerks ta’ kwalità baxxa li qed jixjieħu.

Dan jagħmel differenza. L-ispinta li tiġi minn suq uniku kompetittiv fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet tista’ tkun ta' 110 biljun euro fis-sena. F'aktar minn 15-il sena, is-servizzi tal-komunikazzjonijiet ta’ kwalità għolja se jkunu jiswew 800 biljun euro għan-negozji. Il-broadband jista’ joħloq 2 miljun impjieg. Dan huwa investiment fit-tkabbir tal-ġejjieni.

Għandi ambizzjonijiet kbar, imma l-approċċ tiegħi huwa prammatiku. Illum in-netwerks u r-regolamenti tagħna huma prinċipalment nazzjonali. Approċċ prammatiku ma jimmirax li jelimina dawn in-netwerks, li jabolixxi dawn ir-regolamenti, u li jerġa’ jibda kollox mill-bidu. Minflok, huwa jimmira li jibda minn dak li hemm diġà u li jadattah; li jneħħi d-diffikultajiet, u jegħleb l-ostakli. Approċċ prammatiku jagħti lill-operaturi, lin-negozji u liċ-ċittadini l-ispinta tas-suq uniku: servizzi aħjar, netwerks aktar veloċi u prezzijiet iktar ġusti.

Naf li intom kontu qed tiddiskutu għażla li tmur iktar fit-tul - analiżi mill-ġdid aktar komprensiva tal-ekosistema kollha, kif proposta fir-rapport tas-Sinjura Trautmann. U nifhem għaliex din l-għażla hija attraenti. Imma l-parir tiegħi huwa dan: ejjew ma nitilfux din l-opportunità li nagħmlu differenza ta’ vera fit-tkabbir u fl-impjiegi.

Jekk inkunu realistiċi, analiżi sħiħa mill-ġdid iddum ħames snin. Dan huwa ħafna żmien. U llum il-ġurnata, li titlef il-ħin tfisser li titlef l-opportunitajiet. Aħsbu f’kif id-dinja nbidlet f’dawn l-aħħar ħames snin — l-apparat li ma kellkomx qabel, is-servizzi li ma kinux jeżistu. Aħsbu f’kif id-dinja se tinbidel fil-ħames snin li ġejjin. Imbagħad aħsbu jekk nistgħux noqogħdu nistennew daqshekk fit-tul, filwaqt li l-partijiet l-oħra tad-dinja jkomplu jiġru ’l quddiem.

Minflok, jien qed nippreżentalkom approċċ li jimxi pass pass imma li huwa immedjat: li ntejbu l-mudell eżistenti, sabiex nieħdu l-aħjar mill-qafas attwali, li nieħdu pass sinifikanti lejn suq uniku fejn il-konverġenza tat-teknoloġiji u tas-servizzi tifforma parti mir-realtà l-ġdida, fejn qafas regolatorju aġġornat iqis dawn il-bidliet dinamiċi, u fejn ikollna l-ħin meħtieġ biex nirriflettu dwar il-qafas regolatorju li se jkollna bżonn fil-ġejjieni u biex nimplimentawh.

Imma l-ewwel, ejja noħolqu s-suq uniku tat-telekomunikazzjonijiet għall-Ewropa u nagħmluh jaħdem tajjeb għaliha.

Din hija l-proposta tiegħi. U lilkom ilkoll li tinsabu miġburin hawn f’dan il-Parlament, qed nagħtikom strument li joffri benefiċċji aktar immedjati liċ-ċittadini tagħna u lill-ekonomija tagħna. Anqas xkiel, għażla akbar, prezzijiet aktar ġusti, servizzi tan-negozju aħjar, in-newtralità tan-netwerk, l-eliminazzjoni tat-tariffi tar-roaming u ekonomija aktar b’saħħitha li toħloq aktar impjiegi - dawn huma l-benefiċċji ta’ kontinent konness u kompetittiv. Naħseb li dan ta’ min jiġġieled għalih. Għalhekk, jekk intom temmnu fl-Ewropa, emmnu f’dan il-proġett u ngħaqdu miegħi f’din il-ġlieda.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website