Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Neelie Kroes

Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, responsabbli mill-Aġenda Diġitali

Il-politiki tat-tlestija tas-suq uniku tat-telekomunikazzjonijiet

Il-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (l-IMCO), il-Parlament Ewropew /Brussell

It-30 ta’ Mejju 2013

Jekk tixtieq tgħaddi xi kummenti dwar dan id-diskors, ara l-verżjoni tad-diskors fuq il-mezzi tax-xandir soċjali hawn

Illum jien se nagħmel xi ħaġa mhux tas-soltu.

Minflok se nagħti d-diskors li ppreparajt — li jittratta l-lista tal-avvanzi li saru fil-qasam diġitali mill-aħħar skambju tagħna ’l hawn u tat-tħassib marbut ma’ dan il-qasam — se nibagħtu llum f'forma ta' ittra lil Malcolm (Harbour).

Jien u naqra d-diskors waqt it-titjira lejn l-Eġittu fi tmiem din il-ġimgħa rrealizzajt xi ħaġa; irrealizzajt li neħtieġu diskussjoni differenti u politika ħafna dwar il-ħolqien tas-suq uniku tat-telekomunikazzjonijiet. Għalhekk qed nindirizza din ir-rimarka lill-Membri kollha tal-Parlament.

Naturalment, se nwieġeb kwalunkwe mistoqsija li jista’ jkollkom dwar l-Aġenda Diġitali, b’mod partikolari dwar is-sigurtà fuq l-internet. Iżda llum ejja nagħmlu aktar minn hekk.

Aħna lkoll għandna interess f’dan id-dibattitu, allura għiduli: se tgħinuni nibni xi ħaġa speċjali minn issa sal-elezzjonijiet Ewropej?

Nixtieq nuru liċ-ċittadini tagħna li l-UE hija rilevanti għal ħajjithom. Li rnexxilna nlaħħqu r-regoli diġitali mal-aspettattivi leġittimi tagħhom.

Irrid li intom tkunu tistgħu terġgħu tmorru għand il-kostitwenti tagħkom u tgħidulhom li rnexxilkom ixxejnu l-ispejjeż tar-roaming bil-mowbajl.

Irrid li tkunu tistgħu tgħidulhom li salvajtuhom id-dritt tagħhom li jkollhom aċċess għall-internet miftuħ, billi żgurajtu n-newtralità tal-internet.

Irrid li tkunu tistgħu tgħidu li ħadna azzjoni konkreta dwar iċ-ċiberkriminalità u theddid ieħor.

Intom tafuni: Jiena persuna ta’ opinjonijiet sodi. U mhux dejjem kellna l-istess opinjonijiet.

Però nixtieq ngħidilkom li kont impressjonata ħafna bl-impenn ta’ dan il-Parlament favur it-telekomunikazzjonijiet u l-kwistjonijiet diġitali.

Bqajtu tiġġieldu għall-bidla anke meta bosta mexxejja ma ridux jisimgħu jew jifhmu. Dan kollu impressjonani u influwenzani b’mod pożittiv.

Irrid li l-għarfien u l-entużjazmu tagħkom jissarrfu fil-leġiżlazzjoni meħtieġa biex jinħoloq suq uniku ta’ vera.

Nemmen li nistgħu nwasslu pakkett bħal dan— pakkett sħiħ u finali — għall-ħabta tal-Għid tas-sena d-dieħla, l-2014. Immaġinaw ftit!

Dan se jkun tajjeb għall-Ewropa.

Zgur li se jkun tajjeb għall-ekonomija— it-tneħħija tal-ostakli se tistimula t-tkabbir. Iżda meta naħseb dwar dan il-pakkett, naħseb dwar in-nies aktar milli dwar in-numri.

Ħudu ż-żgħażagħ — dawn huma l-ġenerazzjoni li l-aktar jimpurtaha mill-internet, iżda li tivvota l-anqas. Huma jeħtieġu ekonomija diġitali b’saħħitha biex jaħarbu min-nasba tal-qgħad.

Aħsbu wkoll dwar il-popolazzjoni tagħna li qed tixjieħ: in-nies li jeħtieġu servizzi diġitali ġodda biex jibqgħu b’saħħithom u attivi, mingħajr ma jitilfu d-dinjità u l-indipendenza tagħhom.

Jekk nagħmlu l-affarijiet tajjeb, il-konnessjonijiet diġitali jistgħu jwasslu għal konnessjonijiet politiċi u d-dividendi diġitali jistgħu jwasslu għal dividendi soċjali.

M’iniex inwiegħed pakkett għas-suq uniku li jagħtikom dak kollu li qatt ħlomtu bih. Biex naqblu dwaru malajr, dan il-pakkett se jkollu jkun il-frott ta’ kompromess li diffiċli jintlaħaq.

Iżda nwegħedkom li se niddedika t-12-il xahar li ġejjin biex nibni pont maċ-ċittadini tagħna, il-kostitwenti tagħkom.

Kemm jekk għall-ivvjaġġar, għall-kummerċ jew għat-tranżazzjonijiet, iċ-ċittadini tagħna jeħtiġuha din ir-riforma.

Il-benefiċċji tat-tnaqqis fil-prezzijiet tar-roaming madwar l-UE jogħġbu lil kulħadd. Hija l-unika ħaġa li anki l-kritiċi tal-Ewropa jaqblu li l-UE għamlet sewwa. U din il-ħaġa qatt ma setgħet isseħħ mingħajr l-UE.

Iżda dan il-fatt jirrappreżenta wkoll sfida. Ippermettuli nispjega ruħi. Minn naħa waħda, il-portafoll tiegħi huwa s-sors ta’ din il-politika popolari ferm tal-UE. U fuq hekk nifirħilkom ta' xogħolkom. Iżda min-naħa l-oħra, qed nitħabtu biex nimbuttaw kwistjonijiet oħrajn marbutin mas-settur tat-telekomunikazzjonijiet u ma’ dak diġitali fil-quċċata tal-aġenda politika.

Jekk nadottaw pakkett b'saħħtu dwar is-suq uniku nistgħu nibdlu dan.

B’dan il-mod nistgħu nuru lid-dinja li l-Ewropa verament qed issir diġitali u nistgħu nuru lill-votanti li l-UE verament tismagħhom.

It-telekomunikazzjonijiet jolqtu l-aspetti kollha ta’ ħajjitna — u l-utenti għandhom aspettattivi enormi marbutin ma’ dan il-qasam.

Is-swieq iridu jiffunzjonaw, l-apparat irid jiffunzjona, in-netwerks iridu jiffunzjonaw u jrid ikun hemm l-investiment. Ma nistgħux naffordjaw li nsibu l-ħafna ostakli artifiċjali u bla bżonn li hemm illum fi triqitna.

Ippermettuli nistaqsikom dan: għaliex sirtu membri tal-Parlament Ewropew minflok ma sirtu membri tal-Parlament nazzjonali tagħkom?

Qed nimmaġina li parti mir-raġuni hija għaliex ma jogħġbukomx il-fruntieri artifiċjali. U għaliex temmnu li nistgħu niksbu aktar meta jkun hemm iktar libertà u kompetizzjoni, meta jkun hemm iktar opportunitajiet , u meta d-drittijiet tal-konsumaturi jitħarsu verament!

Mis-setturi kollha, is-settur tat-telekomunikazzjonijiet huwa l-wieħed fejn verament m’hemmx lok għall-fruntieri!

L-internet ma jissejjaħx “netwerk dinji” għal xejn b’xejn!

M’hemmx settur ieħor fis-suq uniku Ewropew mhux komplut tagħna fejn l-ostakli huma tant bla bżonn, u fl-istess ħin għadhom tant preżenti.

Issa huwa ż-żmien tal-bidla.

Il-bidla trid tiġi mid-direzzjonijiet kollha, iżda tibda minn kull wieħed u waħda minna li ninsabu hawn f’din il-kamra llum.

Ir-responsabbiltà reċiproka tagħna u l-akbar kontribut tagħna se jkun l-iżvilupp ta’ kompromess leġiżlattiv radikali - kompromess li l-innovaturi u ċ-ċittadini tagħna jistgħu jibnu fuqu. Riżultat ta’ vera.

Għażilt dawn il-kliem bir-reqqa:

qed ngħid “radikali” għaliex diżastru ekonomiku jirrikjedi azzjoni kbira;

u qed nuża l-kelma “kompromess” għaliex kulħadd se jkollu jagħmel xi konċessjoni sabiex jikseb dak li jixtieq.

Kull wieħed u waħda minna se jkollu jżomm quddiem għajnejh il-biċċiet kollha tal-“jigsaw puzzle”, u mhux biss dawk li l-aktar jogħġbuh jew dawk il-bidliet li huma viżibbli u eċċitanti. Ħafna drabi l-bidliet inviżibbli huma daqstantieħor importanti għall-benesseri tal-konsumatur fuq tul ta' żmien. U fil-każ tar-roaming, huwa biss jekk ikun jeżisti realment suq uniku ġenwin li r-roaming jista’ jieqaf jeżisti, f’termini legali u ekonomiċi.

Din hija r-raġuni għaliex irridu npoġġu l-biċċiet kollha tal-“jigsaw puzzle” f'posthom.

Minkejja dan, jeħtieġ li nevitaw li noqogħdu niġġieldu bejnietna dwar l-istrutturi. Irridu nżommu liċ-ċittadini, u mhux il-burokrazija, fil-mira ta’ dan il-pakkett.

Apparti dan, jiena lesta nisma’ l-ideat tagħkom dwar kif nistgħu ngħaqqdu din il-“jigsaw puzzle”.

U se nieħu r-responsabbiltà li nindirizza t-tħassib ta’ dawk li jirreżistu l-bidla. Ma nibżax nagħmel dan, għaliex il-potenzjal li jista’ jintlaħaq huwa enormi.

Tistgħu taraw li ninsab entużjasta ħafna llum. U se ngħidilkom għaliex.

Huwa inutli li nipprova mmexxi l-vapur waħdi.

Għandna l-appoġġ tal-ogħla livelli tal-istituzzjonijiet biex immexxu dan il-proġett 'il quddiem, iżda dan ma nistax nagħmlu mingħajrkom.

Jiena nemmen li għandna biżżejjed affarijiet komuni biex immexxu l-vapur flimkien u ndaħħluh fil-port.

Is-sisien politiċi kollha qegħdin hemm:

- iċ-ċittadini jriduna nsibu soluzzjoni għall-problemi tagħhom;

- il-kumpaniji se jinvestu aktar jekk inneħħu l-ostakli artifiċjali;

- il-gvernijiet nazzjonali qed jgħidulna nagħmlu dan.

Għaldaqstant, jekk temmnu fis-suq uniku; jekk temmnu f’Ewropa b’saħħitha li tagħmel differenza reali fil-ħajja taċ-ċittadini tagħha — allura emmnu f’ dan il-proġett.

Din hija l-opportunità biex ninstemgħu. Jien se niġġieled sal-aħħar nifs tiegħi biex flimkien naslu fejn irridu naslu.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website