Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Diskors minn Herman Van Rompuy, il-President tal-Kunsill Ewropew u José Manuel Durão Barroso, il-President tal-Kummissjoni Ewropea

“Mill-gwerra għall-paċi: storja Ewropea”

L-Aċċettazzjoni tal-Għoti tal-Premju Nobel għall-Paċi lill-Unjoni Ewropea/Oslo

10 Dicembru 2012

[Id-diskors tal-President Van Rompuy]

Majestà tagħkom,

L-Altezza Rjali tagħkom,

Kapijiet ta’ Stat u Gvern,

Membri tal-Kumitat Norveġiż tal-Premju Nobel,

Eċċellenzi,

Sinjuri,

Huwa b’umiltà u gratitudni li ninsabu hawn flimkien, biex nirċievu dan il-premju f’isem l-Unjoni Ewropea.

Fi żmien ta’ inċertezza, dan il-jum ifakkar lin-nies fl-Ewropa u d-dinja kollha l-iskop fundamentali tal-Unjoni: biex inkabbru l-fraternità bejn in-nazzjonijiet Ewropej, issa u fil-futur.

Huwa x-xogħol tagħna llum.

Dan kien ix-xogħol li għamlu l-ġenerazzjonijiet ta' qabilna.

U dan se jkun ix-xogħol tal-ġenerazzjonijiet ta’ warajna.

Hawnhekk f’Oslo, irrid insellem lill-Ewropej kollha li ħolmu b’kontinent f’paċi miegħu nnifsu, u lil dawk kollha li jum wara jum jagħmlu din il-ħolma realtà.

Tagħhom huwa dan il-premju.

*****

Il-gwerra hija antika daqs l-Ewropa. Il-kontinent tagħna għandu l-ġrieħi tal-lanez u x-xwabel, tal-kanuni u l-ixkubetti, tat-trinek u t-tankijiet, u aktar.

It-traġedja kollha tagħha tidwi fi kliem Erodotu, 25 seklu ilu: “Fil-Paċi, l-Ulied jidfnu lil missirijiethom. Fil-Gwerra, il-Missirijiet jidfnu lil uliedhom.”

Madankollu, … wara żewġ gwerer terribbli li ħonqu l-kontinent u d-dinja miegħu, … il-paċi dejjiema fl-aħħar waslet fl-Ewropa.

F’dawk il-jiem griżi, l-ibliet tagħha ġġarrfu, il-qlub ta' bosta kienu mbaqbqa bil-vistu u l-korla. Dakinhar kemm deher diffiċli, fi kliem Winston Chruchill, “biex niksbu mill-ġdid il-ferħ sempliċi u t-tamiet li jagħmlu l-ħajja ta’ min jgħixha.”

Bħala tifel imwieled fil-Belġju ftit wara l-gwerra, smajt l-istejjer b’mod dirett.

Nannti kienet titkellem dwar il-Gwerra l-Kbira.

Fl-1940, missieri, ta’ sbatax-il sena, kellu jħaffer qabru stess. Ħarabha; inkella ma kontx se nkun hawn illum.

Allura, kien riskju kbir għall-fundaturi tal-Ewropa, li iva, nistgħu noħorġu minn dan iċ-ċiklu bla tmiem ta’ vjolenza, iva, nistgħu nwaqqfu l-loġika tal-vendetta, iva, nistgħu nibnu futur aħjar, flimkien. X’qawwa tal-immaġinazzjoni.

*****

Tabilħaqq, il-paċi setgħet ġiet fl-Ewropa mingħajr l-Unjoni. Forsi. Qatt m'aħna se nkunu nafu. Iżda qatt ma kienet se tkun tal-istess kwalità. Paċi dejjiema, mhux waqfien mill-ġlied kiesaħ.

Għalija, dak li jagħmilha daqshekk speċjali, huwa r-rikonċiljazzjoni.

Kif jiġri fil-ħajja, fil-politika, ir-rikonċiljazzjoni hija l-aktar ħaġa diffiċli. Din tmur lil hinn milli taħfer u tinsa, jew sempliċiment teqleb il-paġna.

Biex wieħed jaħseb minn xiex għaddew Franza u l-Ġermanja…, u mbagħad jittieħed dan il-pass … Jiffirmaw Trattat ta’ Ħbiberija … kull ħin li nisma’ dan il-kliem – Freundschaft, Traité de l'Amitié –, inħossni kommoss. Dan huwa kliem privat, mhux għal trattati bejn in-nazzjonijiet. Iżda r-rieda li l-istorja ma titħallhiex tirrepeti ruħha, biex issir xi ħaġa radikalment ġdida, kienet talment qawwija li kellu jinstab kliem ġdid.

Għan-nies, l-Ewropa kienet wegħda, l-Ewropa kienet ugwali għal tama.

Meta Konrad Adenauer wasal Pariġi biex jikkonkludi t-Trattat tal-Faħam u l-Azzar fl-1951, lejla minnhom, fil-lukanda tiegħu sab rigal jistennieh. Kienet midalja tal-gwerra, une Croix de Guerre, li kienet tappartjeni għal suldat Franċiż. Bintu, studenta żagħżugħa, ħalliet il-midalja b’nota żgħira għall-Kanċillier, bħala ġest ta’ rikonċiljazzjoni u tama.

Quddiem għajnejja, nista’ nara ħafna xeni oħra kommoventi.

Il-mexxejja tas-sitt Stati jiltaqgħu biex jiftħu ġejjieni ġdid, f’Ruma, città eterna …

Willy Brandt għarkobbtejh f’Varsavja.

It-tarznara ta’ Danzika, fil-bibien tat-tarzna tagħhom.

Mitterrand u Kohl id f’id.

Żewġ miljun ruħ jgħaqqdu lil Tallinn ma’ Riga u ma’ Vilnius f’katina umana, fl-1989.

Dawn il-mumenti fejqu lill-Ewropa.

Iżda l-ġesti simboliċi waħedhom ma jistgħux jgħaqqdu l-paċi.

Huwa hawn fejn “l-arma sigrieta” tal-Unjoni Ewropea ssib is-sehem tagħha: mod uniku kif l-interessi tagħna jintgħaġnu sewwa flimkien b’tali mod li l-gwerra ssir materjalment impossibbli. Permezz ta’ negozjati kostanti, fuq ħafna iżjed temi, bejn iżjed aktar pajjiżi. Hija r-regola tad-deheb ta’ Jean Monnet: "Mieux vaut se disputer autour d'une table que sur un champ de bataille." ("Aħjar ġlieda madwar mejda milli f'kamp ta' battalja.")

Li kieku kelli nispjegaha lil Alfred Nobel, kieku ngħidlu: dan mhux sempliċi kungress tal-paċi, iżda kungress perpetwu tal-paċi!

Verament, xi aspetti jistgħu jidhru mħawda, u mhux biss għall-barranin.

Ministri minn pajjiżi mdwarin bl-art jiddiskutu b’mod passjonat il-kwoti tal-ħut.

Parlamentari Ewropej mill-Iskandinavja jiddibattu l-prezz taż-żejt taż-żebbuġa.

L-Unjoni pperfezzjonat l-arti tal-kompromess. L-ebda drama ta’ rebħ jew telf, iżda jkun żgurat li l-pajjiżi kollha joħorġu rebbieħa mit-taħdidiet. Ta’ dan, politika tedjanti hija biss il-prezz baxx li jrid jitħallas…

*****

Sinjuri,

Irnexxiet.

Il-paċi issa hija awto-evidenti.

Il-gwerra saret inkonċepibbli.

Madankollu, "inkonċepibbli" ma tfissirx “impossibbli”.

U din hija r-raġuni għaliex nġbarna hawn illum.

L-Ewropa għandha żżomm il-wegħda tagħha ta’ paċi.

Nemmen li dan għadu l-għan aħħari tal-Unjoni tagħna.

Iżda l-Ewropa ma tistax tibqa’ tiddependi fuq din il-wegħda biss biex tispira liċ-ċittadini. Sa ċertu punt, din hija xi ħaġa tajba; il-memorji tal-gwerra qed jgħosfru.

Anki jekk mhux kullimkien.

Il-ħakma Sovjetika fuq l-Ewropa tal-Lvant intemmet biss żewġ deċenji ilu.

Ftit wara seħħew il-massakri orrendi fil-Balkani. Fil-Balkani, it-tfal li twieldu fiż-żmien ta’ Srebrenica se jagħlqu biss tmintax-il sena, is-sena d-dieħla.

Iżda dawn diġà għandhom aħwa subien u bniet żgħar li twieldu wara dik il-gwerra: l-ewwel ġenerazzjoni vera ta’ wara l-gwerra tal-Ewropa. Din għandha tibqa’ hekk.

Presidenti, Prim Ministri,

Eċċellenzi,

Għaldaqstant, fejn kien hemm il-gwerra, issa hemm il-paċi. Iżda quddiemna għandna kompitu storiku ieħor: iż-żamma tal-paċi fejn hemm il-paċi. Wara kollox, l-istorja mhix rumanz, ktieb li nistgħu nagħlqu wara Tmiem Feliċi: Aħna nibqgħu responsabbli kompletament għal dak li għad irid jiġri.

Dan ma setax ikun aktar ċar milli hu llum, meta l-agħar kriżi ekonomika f’żewġ ġenerazzjonijiet laqtitna u li qed tikkawża tbatija kbira fost il-popli tagħna, u li qed tgħaddi mit-test ir-rabtiet politiċi tal-Unjoni tagħna.

Il-ġenituri li qed ibatu biex ilaħħqu mal-ħajja, il-ħaddiema ssensjati reċentement, l-istudenti li jibżgħu li minkejja li ħadmu bis-sħiħ, mhux se jiksbu l-ewwel impjieg: meta dawn jaħsbu dwar l-Ewropa, il-paċi mhix l-ewwel ħaġa li tiġihom f’moħħhom…

Meta l-prosperità u x-xogħol, is-sies ewlieni tas-soċjetajiet tagħna, huma mhedda, huwa naturali li wieħed jara l-għebusija tal-qlub, l-għeluq tal-interessi, anki r-ritorn ta’ ħtijiet antiki u sterjotipi li xi darba kienu ntesew. Xi wħud jistgħu jiddubitaw mhux biss fid-deċiżjonijiet konġunti, iżda fis-sempliċi fatt li jittieħdu d-deċiżjonijiet b’mod konġunt.

U filwaqt li rridu nżommu sens ta’ proporzjon – anki dawn it-tensjonijiet ma jeħduniex lura għad-dlamijiet tal-passat –, l-isfida li l-Ewropa qiegħda tiffaċċa bħalissa hija reali.

Jekk nista’ nissellef kliem Abraham Lincoln fi żmien ta’ test kontinentali ieħor, dak li qed jiġi eżaminat illum huwa "jekk li l-Unjoni, jew kwalunkwe Unjoni maħluqa u ddedikata b’dan il-mod, tistax tibqa’ tirreżisti fit-tul”.

Inwieġbu bl-azzjonijiet tagħna, fiduċjużi li nirnexxu. Naħdmu bis-sħiħ tassew biex negħlbu d-diffikultajiet, biex inġibu lura t-tkabbir u l-impjiegi.

Tabilħaqq din hi neċessità enormi. Iżda hemm aktar x’jiggwidana: ir-rieda li nibqgħu sidien tad-destin tagħna, sens ta’ fratellanza, u sa ċertu punt... tkellimna mis-sekli … l-idea nnifisha ta’ Ewropa.

Il-preżenza ta’ tant mexxejja Ewropej hawnhekk illum tenfasizza l-konvinzjoni komuni tagħna: li aħna se noħorġu minn dan flimkien, u aktar b’saħħitna. B’saħħitna biżżejjed fid-dinja li niddefendu l-interessi tagħna u nippromovu l-valuri tagħna.

Ilkoll qed naħdmu biex inħallu Ewropa aħjar għat-tfal tal-lum u għal dawk ta’ għada. Sabiex meta aktar tard x’uħud iħarsu lejna, għandu mnejn iduru fuqna u jiġġudikawna: li l-ġenerazzjoni, tagħna, ippreservat il-wegħda tal-Ewropa.

Iż-żgħażagħ tal-lum diġà qed jgħixu f’dinja ġdida. Għalihom l-Ewropa hija realtà ta’ kuljum. Mhux il-kostrizzjoni li jkunu fl-istess dgħajsa. Le, ir-rikkezza li wieħed jista’ jaqsam, jivvjaġġa u jiskambja fil-libertà. Li jaqsam u jagħti forma lil kontinent, esperjenzi, futur.

Eċċellenzi,

Sinjuri,

Il-kontinent tagħna, qam fuq saqajh mill-irmied wara l-1945 u magħqud fl-1989, għandu kapaċità kbira li joħloq mill-ġdid lilu nnifsu. Huwa għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin li jmexxu din l-avventura komuni 'l quddiem. Nittama li se jaħtfu din ir-responsabbiltà bi kburija. U li huma jkunu jistgħu jgħidu, kif aħna ngħidu hawnhekk illum: Ich bin ein Europäer. Je suis fier d'être européen. Kburi li jien Ewropew.

*****

[Id-diskors tal-President Barroso]

Majestà tagħkom,

Eċċellenzi,

Sinjuri,

"Il-paċi mhix sempliċi assenza ta’ gwerra, hija virtù," kiteb Spinoza: "Pax enim non belli privatio, sed virtus est." U żied li hi "stat ta’ moħħ, diżpożizzjoni għall-benevolenza, il-fiduċja, il-ġustizzja".

Tabilħaqq, jista’ jkun hemm biss paċi vera jekk in-nies ikunu fiduċjużi. Li jkunu paċi mas-sistema politika tagħhom. Li jkunu assigurati li jiġu rispettati d-drittijiet bażiċi tagħhom.

L-Unjoni Ewropea mhix biss dwar il-paċi fost in-nazzjonijiet. Hija tinkarna, bħala proġett politiku, dak l-istat partikolari tal-moħħ, li Spinoza kien qed jirreferi għalih. Din tirrappreżenta, bħala komunità ta’ valuri, din il-viżjoni ta' libertà u ġustizzja.

Jien niftakar b’mod ċar fl-1974 li kont wieħed mill-massa ta’ nies li niżlet fit-toroq f’Liżbona, fil-Portugall, fejn twelidt jien, biex niċċelebraw ir-revoluzzjoni demokratika u l-libertà. Hija l-istess sensazzjoni ta’ ferħ esperjenzata mat-twelid tad-demokrazija mill-istess ġenerazzjonijiet fi Spanja u l-Greċja. Inħasset iktar tard fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant u fl-Istati Baltiċi meta kisbu mill-ġdid l-indipendenza tagħhom. Diversi ġenerazzjonijiet ta’ Ewropej urew ħafna drabi li l-għażla tagħhom għall-Ewropa kienet ukoll għażla għal-libertà.

M’jien se ninsa qatt lil Rostropovich idoqq Bach ħdejn il-Ħajt ta’ Berlin li kien għadu kif waqa’. Din id-dehra tfakkar lid-dinja li, it-tiftixa għal-libertà u d-demokrazija kienet li kissret id-diviżjonijiet il-qodma u għamlet possibbli r-riunifikazzjoni tal-kontinent. Is-sħubija fl-Unjoni Ewropea kienet essenzjali għall-konsolidament tad-demokrazija fil-pajjiżi tagħna. Għaliex din tpoġġi lill-persuna u r-rispett tad-dinjità umana fiċ-ċentru. Minħabba li tagħti vuċi lid-differenzi filwaqt li toħloq l-unità. U hekk, wara r-riunifikazzjoni, l-Ewropa setgħet tieħu n-nifs b’mod sħiħ, kif intqal minn Karol Wojtyla. L-Unjoni Ewropea saret id-dar komuni tagħna. Il-“patrija tal-partija tagħna”, kif iddeskriviha Vaclav Havel.

L-Unjoni Ewropea hija aktar minn assoċjazzjoni ta’ stati. Hija ordni legali ġdida, li ma kinitx ibbażata fuq il-bilanċ tal-poter iżda bejn nazzjonijiet, iżda fuq il-kunsens ħieles tal-istati li jaqsmu s-sovranità.

Mill-qsim tal-faħam u l-azzar, għat-tneħħija tal-fruntieri interni, minn sitt pajjiżi għal dalwaqt tmienja u għoxrin bis-sħubija tal-Kroazja fil-familja, dan kien vjaġġ Ewropew notevoli li se jwassalna għal "Unjoni aktar magħquda". U llum wieħed mill-aktar simboli viżibbli tal-għaqda tagħna jinsab f’idejn kulħadd. Huwa l-Euro, il-munita tal-Unjoni Ewropea tagħna. Nibqgħu nsostnuha.

****

Eċċellenzi,

Sinjuri,

Il-paċi ma tistax tistrieħ biss fuq ir-rieda tajba tal-bniedem. Hemm bżonn li tkun ibbażata fuq korp ta’ liġijiet, fuq interessi komuni u fuq sens aktar profond ta’ Komunità ta' destin.

Il-kobor tal-missirijiet fundaturi kien preċiżament fil-fehim li, biex tkun garantita l-paċi fin-nazzjonijiet tas-Seklu 20, kellek bżonn taħseb lil hinn min-nazzjon stat. Kif qal Walter Hallstein, l-ewwel President tal-Kummissjoni Ewropea: "Das System der Nationalstaaten hat den wichtigsten Test des 20. Jahrhunderts nicht bestanden." (“Is-sistema ta’ nazzjonijiet-stati sovrani falliet l-aktar test importanti tas-Seklu 20”). U żied jgħid “u permezz ta’ żewġ gwerer din uriet waħedha li ma tistax iżżomm il-paċi”.

L-uniċità tal-proġett Ewropew hija li għaqqdet il-leġittimità tal-Istati demokratiċi mal-leġittimità tal- istituzzjonijiet sopranazzjonali: il-Kummissjoni Ewropea, il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja. Istituzzjonijiet sopranazzjonali li jipproteġu l-interess ġenerali Ewropew, jiddefendu l-ġid komuni Ewropew u jinkorporaw l-komunità ta’ destin. U flimkien mal-Kunsill Ewropew, fejn il-gvernijiet huma rappreżentati, matul is-snin żviluppajna demokrazija transnazzjonali unika simbolizzata bl-elezzjoni diretta tal- Parlament Ewropew.

It-tfittxija tagħna għall-għaqda Ewropea mhix biċċa xogħol tal-arti perfetta; huwa xogħol li għadu għaddej li jitlob kura kostanti u diliġenti. Fih innifsu mhux l-għan aħħari, iżda mezz għal finijiet aħjar. F’ħafna modi, huwa jixhed it-tfittxija għall-ordni kosmopolitan, li fih il-qligħ ta’ wieħed ma għandux neċessarjament ikun l-uġigħ ta’ ħaddieħor; li fih, il-ħarsien ta’ normi komuni jservi l-valuri li jistgħu jitqiesu universali.

****

Huwa għalhekk li, minkejja l-imperfezzjonijiet tagħha, l-Unjoni Ewropea tista’ tkun, u tabilħaqq hi, ispirazzjoni qawwija għal bosta madwar id-dinja. Minħabba li l-isfidi ffaċċjati minn reġjun għall-ieħor huma differenti fid-daqs iżda mhumiex differenti fin-natura.

Aħna lkoll naqsmu l-istess pjaneta. Faqar, kriminalità organizzata, terroriżmu, bidla fil-klima: dawn huma problemi li ma jirrispettawx fruntieri nazzjonali. Għandna l-istess aspirazzjonijiet u naqsmu l-istess valuri universali: dawn qegħdin progressivament irabbu l-għeruq f’numru dejjem jikber ta’ pajjiżi madwar id-dinja kollha. Aħna naqsmu "l'irréductible humain", l-uniċità irreduċibbli tal-esseri uman. Lil hinn min-nazzjon tagħna, lil hinn mill-kontinent tagħna, aħna lkoll parti minn razza umana waħda.

Jean Monnet itemm il-Memoirs tiegħu b’dawn il-kelmiet: "Les nations souveraines du passé ne sont plus le cadre où peuvent se résoudre les problèmes du présent. Et la communauté elle-même n'est qu'un étape vers les formes d'organisation du monde de demain." (“In-nazzjonijiet sovrana tal-passat ma jistgħux isolvu aktar il-problemi tal-preżent. U l-Komunità [Ewropea] nnifisha hija biss stadju fit-triq lejn id-dinja organizzata tal-futur.”)

Din il-viżjoni federalista u kosmopolitana hija waħda mill-aktar kontribuzzjonijiet importanti li l-Unjoni Ewropea tista’ ġġib f’ordni globali li qed jiżviluppa.

Eċċellenzi,

Sinjuri,

L-involviment konkret tal-Unjoni Ewropea fid-dinja huwa profondament immarkat mill-esperjenza traġika tal-kontinent tagħna tan-nazzjonaliżmu estrem, il-gwerer u l-qerq assolut tas-Shoah. Hu ispirat mix-xewqa tagħna li jiġu evitati l-istess żbalji li qed isiru mill-ġdid.

Dak huwa s-sies tal-approċċ tagħna multilaterali għal globalizzazzjoni bbażata fuq il-prinċipji doppji tas-solidarjetà globali u r-responsabbiltà globali;

Dak hu dak li jispira l-impenn tagħna mal-pajjiżi ġirien tagħna u msieħba internazzjonali, mil-Lvant Nofsani sal-Ażja, mill-Afrika sal-Ameriki;

Dan isawwar il-pożizzjoni tagħna kontra l-piena kapitali u l-appoġġ tagħna għall-ġustizzja internazzjonali ffigurata mill-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja u l-Qorti Kriminali Internazzjonali;

Dan jiggwida t-tmexxija tagħna fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u favur is-sigurtà fl-ikel u fl-enerġija;

Dan jirfed il-politiki tagħna dwar id-diżarm u kontra l-proliferazzjoni nukleari.

Bħala kontinent li mid-devastazzjoni sar waħda mill-ekonomiji tad-dinja l-aktar b’saħħithom, bis-sistemi soċjali l-aktar progressivi, filwaqt li hija l-akbar donatriċi tal-għajnuna fid-dinja, għandna responsabbiltà speċjali ta’ miljuni ta’ nies fil-bżonn. Fis-Seklu 21 huwa sempliċiment mhux aċċettabbli li naraw ġenituri li ma jistgħu jagħmlu xejn meta qed jaraw lit-tarbija tagħhom tmut minħabba n-nuqqas ta’ kura medika bażika, ommijiet kostretti li jimxu l-jum kollu bit-tama li jsibu ikel jew ilma nadif u naraw subien u bniet imċaħħda mit-tfulija tagħhom minħabba li huma sfurzati li jsiru adulti qabel iż-żmien.

Bħala komunità ta’ nazzjonijiet li għelbet il-gwerra u ġġieldet t-totalitarjaniżmu, aħna dejjem se nkunu viċin dawk li qed ifittxu l-paċi u l-ġustizzja, id-demokrazija u d-dinjità tal-bniedem.

U ħalluni ngħidha hawn illum: Is-sitwazzjoni attwali fis-Sirja hija tebgħa fuq il-kuxjenza tad-dinja u l-komunità internazzjonali għandha dmir morali li tindirizzaha.

U billi llum huwa l-jum internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, aktar minn qatt qabel ħsibijietna jiffokaw fuq id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fid-dinja kollha li jirriskjaw ħajjithom biex jiddefendu l-valuri li aħna ngħożżu. U l-ebda ħabs ma jista’ jsikkithom. Qed nisimgħuhom hawn f’din is-sala.

U niftakru wkoll li s-sena l-oħra fuq dan l-istess podju tliet nisa ġew onorati għall-ġlieda mhux vjolenti għas-sigurtà tan-nisa u d-drittijiet tan-nisa. Bħala Unjoni mibnija fuq il-valur bażiku tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, imħaddan fit-Trattat ta' Ruma fl-1957, aħna impenjati li nipproteġu d-drittijiet tan-nisa fid-dinja kollha u nappoġġaw it-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa. U aħna ngħożżu d-drittijiet fundamentali ta’ dawk li huma l-aktar vulnerabbli, u li għandhom f’idejhom il-ġejjieni: it-tfal ta’ din id-dinja.

Bħala eżempju ta’ suċċess ta' rikonċiljazzjoni paċifika bbażata fuq l-integrazzjoni ekonomika, aħna nikkontribwixxu fl-iżvilupp ta’ forom ġodda ta' kooperazzjoni mibnija fuq l-iskambju ta’ ideat, l-innovazzjoni u r-riċerka. Ix-xjenza u l-kultura huma fil-qalba proprja tal-viżjoni vasta Ewropea: huma jagħnuna bħala individwi u joħolqu rabtiet lil hinn mill-fruntiera.

***

Majestà tagħkom,

L-Altezza Rjali tagħkom.

Kapijiet ta’ Stat u Gvern,

Membri tal-Kumitat Norveġiż tal-Premju Nobel,

Eċċellenzi,

Sinjuri,

B'umiltà, u fl-istess waqt grat bl-għoti tal-Premju Nobel għall-Paċi, m’hemmx post aħjar fejn nista’ naqsam din il-viżjoni jekk mhux hawn fin-Norveġja, pajjiż li kkontribwixxa ħafna għall-kawża tal-paċi globali.

Il-“paċifikazzjoni tal-Ewropa” kienet ċentrali fit-tħassib ta' Alfred Nobel. F’verżjoni bikrija tat-testment tiegħu, saħansitra ekwiparaha mal-paċi internazzjonali.

Dan jidwi l-ewwel kliem tad-Dikjarazzjoni ta’ Schuman, id-dokument li waqqaf l-Unjoni Ewropea. "La paix mondiale." “Il-paċi fid-dinja,” dan jgħid, “ma tistax titħares mingħajr it-tħaddim tal-isforzi kreattivi proporzjonati għall-perikli li jhedduha.”

Il-messaġġ tiegħi llum huwa: Tistgħu sserrħu raskom fuq l-isforzi tagħna fil-ġlieda tagħna għall-paċi dejjiema, il-libertà u l-ġustizzja fl-Ewropa u fid-dinja.

Tul dawn l-aħħar sittin sena, il-proġett Ewropew wera li huwa possibbli li l-popli u n-nazzjonijiet jingħaqdu flimkien fuq il-fruntieri. Li huwa possibbli li jingħelbu d-differenzi bejn "huma" u "aħna".

Hawn illum, tamietna, l-impenn tagħna hu dak li, flimkien man-nisa u l-irġiel ta’ rieda tajba, l-Unjoni Ewropea se tgħin lid-dinja tingħaqad.

Nirringrazzjakom.


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site