Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Viviane Reding

Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea, Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja, Drittijiet Fundamentali u Ċittadinanza

Speech Għalfejn issa neħtieġu l-Istati Uniti tal-Ewropa

Iċ-Ċentru tal-Liġi Ewropea fl-Università ta' Passau / Passau

8 Novembru 2012

"Jekk irridu politika baġitarja soda fit-tul, u li hija wkoll forza għas-solidarjetà, neħtieġu ministru tal-Finanzi Ewropew li għandu setgħat ta' intervent ċari fir-rigward tal-Istati Membri. Il-ġudizzju arbitrarju tal-aġenziji li jikklassifikaw il-kreditu żgur li ma jistax joffri alternattiva oħra!"

"F'Maastricht riedu jġegħluna nemmnu li stajna nistabbilixxu munita tal-Unjoni u munita dinjija ġdida b'mod irriversibbli, mingħajr ma noħolqu Stati Uniti tal-Ewropa mingħajr parallel. Dan kien żball, u jeħtieġ li dan l-iżball ta' Maastricht illum jiġi kkorreġut, jekk nixtiequ nkomplu ngħixu f'Ewropa stabbli li sejra tajjeb ekonomikament."

"Illum nara qabel kollox periklu f'dan, li kemm l-MSE (Mekkaniżmu ta' Stabbiltà Ewropew) kif ukoll il-Patt Fiskali huma strutturi improvviżati barra mit-Trattati Ewropej. Iżda fid-dawl tal-kriżi ma setgħax isir mod ieħor, kienet meħtieġa azzjoni ta' malajr. Madankollu, mill-perspettiva parlamentari demokratika din la tista' tkun u lanqas għandha tkun soluzzjoni permanenti."

"Meta deċiżjonijiet bħal dawn jittieħdu jkun garantit ukoll kontroll demokratiku f'livell Ewropew u fuq bażi ugwali. Għalhekk jiena favur l-integrazzjoni fit-terminu l-medju taż-żmien, tal-patt Fiskali kif ukoll tal-MSE fit-Trattati Ewropej, biex dawn l-istrumenti jkunu taħt il-kontroll tal-Parlament Ewropew."

"Hija x-xewqa tiegħi li fil-ġejjieni ssir regola li Kummissarju jkun l-ewwel ġie elett fil-Parlament Ewropew. Dan ikompli jsaħħaħ aktar il-leġitimizzazzjoni demokratika tal-gvern Ewropew."

Wara riflessjoni matura nħoss li l-kunċett ta' Stati Uniti tal-Ewropa huwa l-aktar wieħed adattat biex jiġi aċċettat fil-wisgħa, iżda wkoll dak li jiddiskrivi bl-aktar mod xieraq l-istruttura finali li lejha taspira l-Unjoni Ewropea. "

"L-Ewropa għandha bżonn sistema Parlamentari bikamerali l-istess bħal fl-Istati Uniti tal-Amerika. Forsi xi darba għad ikollna bżonn saħansitra President tal-Kummissjoni Ewropea elett direttament."

"Il-kunċett tal-Istati Uniti tal-Ewropa nqisu bħala l-viżjoni korretta, biex jinegħlbu l-kriżi attwali u qabel kollox in-nuqqasijiet tat-Trattat ta' Maastricht. Għaliex bħala Kristjana Demokratika Ewropea ma nistax inħalli l-viżjoni tiegħi tal-ġejjieni tiġi ddettata mill-Ewroxettiċi Brittaniċi."

Sur President,
Għeżież studenti tal-Università ta' Passau,

Onorevoli Membru tal-Parlament, għażiż Manfred,
Sinjuri Professuri,

Sinjuri,

Huwa tassew il-pjaċir tiegħi li ninsab fostkom illum fl-Università ta' Passau. Din hija l-ewwel żjara tiegħi f'Passau, u jkolli ngħid li ninsab tassew impressjonata: Università moderna, direttament max-xtajta tax-xmara Inn, b'veduta diretta fuq l-Awstrija, għadd ta' beer gardens mad-dawra kollha, u dan kollu fil-qrib tar-Repubblika Ċeka – li saħansitra nixtieq nista' nerġa' nsir studenta!

Issa qed nifhem sew għalfejn aħna fi Brussell ikollna daqstant gradwati mill-Università ta' Passau, li jiġu bħala avukati jew ekonomisti b'ħafna ambizzjoni u entużjażmu biex jaħdmu biex ikomplu jibnu l-Ewropa. Hawnhekk f'Passau, il-belt fejn jiltaqgħu t-tlitt ixmajjar wieħed ma jistax ma jħossux Ewropew. Bħala Lussemburgiża dan nista' nifhmu sewwa. F'art twelidi l-fruntieri huma xi ħaġa li wieħed jgħixha fil-ħajja ta' kuljum. Tabilħaqq nistgħu ngħidu li għalhekk il-Lussemburgiżi jgħixu prattikament l-esperjenza Ewropea kuljum. Ma kienx b'kumbinazzjoni li t-Trattat ta' Schengen dwar il-moviment liberu tal-persuni fl-Ewropa fl-1985 ġie ffirmat għandna fil-Lussemburgu, fuq bastiment fuq ix-xmara Moselle, direttment fil-fruntiera Lussemburgiża-Franċiża-Ġermaniża. Għalhekk hawnhekk f'Passau, il-belt sabiħa fejn jiltaqgħu t-tlitt ixmajjar inħossni kważi ġo pajjiżi stess.

Il-fatt li llum ninsab hawn f'Passau huwa bis-saħħa tal-istedina tal-Membru Parlamentari Manfred Weber, li miegħu naħdem fil-qrib fi Brussell u fi Strasburg fuq kwistjonijiet ta' liġi Ewropea u ta' politika interna. Fix-xhur li għaddew it-tnejn li aħna flimkien iffukajna fuq it-tisħiħ tal-moviment liberu fl-Ewropa kollha li dwaru kien intlaħaq ftehim permezz tat-Trattat ta' Schengen Għal 48% miċ-ċittadini Ewropej, id-dritt tal-moviment liberu u tal-għażla libera tar-residenza fl-UE huwa l-aktar dritt importanti. Għalhekk ma għandniex nippermettu li fi żminijiet ta' kriżi, wieħed jipprova, minħabba f'raġunijiet populistiċi, jerġa' joħloq il-barrieri fl-Ewropa!

Nixtieq nirringrazzja wkoll liċ-Ċentru tal-Liġi Ewropea fl-Università ta' Passau, is-"CEP", li kellu sehem fl-organizzazzjoni ta' dan l-avveniment tal-llum. Billi jiena bħala Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja wkoll responsabbli għaċ-ċittadinanza tal-Unjoni, nixtieq niġbed l-attenzjoni b'mod speċjali, għall-fatt li ċ-Ċentru għal-Liġi Ewropea ilu aktar minn għaxar snin jieħu ħsieb l-hekk imsejjaħ "Ċentru għaċ-ċittadini tal-Unjoni". Dan iċ-Ċentru għaċ-ċittadini tal-Unjoni huwa l-punt ta' kuntatt regolari hawnhekk f'dan ir-Reġjun, meta ċ-ċittadini jkollhom problemi ta' kuljum fi kwistjonijiet transkonfinali. Jista' dentist minn Passau fuq in-naħa Awstrijaka tax-xmara Inns jiftaħ klinika? Persuna impjegata Ungeriża li tgħix fil-Bavarja ta' Isfel, għandha dritt għall-benefiċċju tal-qgħad mill-Ġermanja? Student f'Passau ta' ċittadinanza Ġermaniża, li joqgħod fuq in-naħa Awstrijaka tax-xmara Inns, jista' jieħu sehem hemmhekk stess fl-elezzjonijjiet Ewropej? Dawn huma kollha kwistjonijiet li dwarhom iċ-ċittadini jistgħu hawnhekk fis-CEP jieħdu parir legali inizjali bla ħlas. Dan huwa kontribut konkret ħafna kemm għall-Ewropa kif ukoll għall-kredibilità tal-Università ta' Passau – qabel kollox, meta l-esperjenzi ta' din il-ħidma viċin iċ-ċittadin fl-aħħar mill-aħħar jikkontribwixxu direttament għall-edukazzjoni akkademika u r-riċerka, kif jiġri hawnhekk b'mod eżemplari fl-Università ta' Passau

Sinjuri,

ls-suġġett tad-diskors tiegħi illum huwa l-Istati Uniti tal-Ewropa. L-Istati Uniti tal-Ewropa – din hija viżjoni qawwija, ambizzjuża u ċertament kontroversjali għall-ġejjieni tal-kontinent tagħna. Ninsab ċerta, li t-teżi tiegħi se tagħti lok għall-kontroversji kbar u tilwim: jiġifieri li aħna issa, biex noħorġu mill-kriżi tad-djun u dik finanzjarja rridu naqbdu t-triq tal-Istati Uniti tal-Ewropa. Ninsab ħerqana li qed nindirizza dan id-dibattitu magħkom. Għax inħoss li f'dawn iż-żminijiet ta' kriżi huwa ferm aktar importanti minn qatt qabel li niddiskutu biċ-ċar u bis-sinċerità dwar l-għażliet li għandha quddiema l-Ewropa llum. Iva, dejjem hemm l-għażliet, u hija r-responsabbiltà tal-politiċi eletti bid-demokrazija, li dawn l-għażliet jiġu identifikati u diskussi b'mod ċar u tond. Biex iċ-ċittadini jkollhom għażla ċara. Fl-elezzjonijiet ġenerali. Fl-elezzjonijiet reġjonali. U fl-elezzjoni Ewropea tal-2014.

Nixtieq li nibda biex nispjegalkom minn fejn ġej dan il-kunċett tal-Istati Uniti tal-Ewropa u xi jfisser. Wara dan nispjegalkom għalfejn il-politiċi f'dawn l-aħħar 20 sena bejn wieħed u ieħor kienu jibżgħu minn dan il-kunċett daqs il-bard ta' Jannar. Fl-aħħar ngħaddi biex nispjega għalfejn dan il-kunċett tal-Istati Uniti tal-Ewropa llum f'daqqa waħda qed jerġa' jidher fuq l-aġenda politika.

Biex nibda: Minn fejn tabilħaqq ġejja din il-viżjoni tal-Istati Uniti tal-Ewropa, u xi tfisser?

Hemm ħafna personaġġi magħrufa li tul l-istorja tkellmu dwar l-Istati Uniti tal-Ewropa jew ħolmu bihom. Nistgħu nibdew billi insemmu lil George Washington, Napuljun, Giuseppe Mazzini u nispiċċaw b'Richard Coudenhove-Kalergi. Iżda tabilħaqq, l-aktar viżjoni ċara u konkreta kienet bla dubju dik imfissra mill-kittieb Franċiż Victor Hugo.

Din il-viżjoni wieħed jista' jifhimha biss fl-isfond tat-turbulenza tal-istorja Ewropea tas-seklu 19, li Victor Hugo għex huwa stess: gwerra kontinwa bejn Franza u l-Ġermanja, l-eżilju ta' Hugo fuq iċ-Channel Islands Brittaniċi minħabba l-oppożizzjoni tiegħu kontra Napuljun III, l-annessjoni trawmatika ta' Elsass-Lothringen fil-Ġermanja wara l-gwerra tal-1890/71 u fl-aħħar il-parteċipazzjoni ta' Hugo fit-tnedija mwiegħra tat-Tielet Repubblika Franċiża żagħżugħa. Dak iż-żmien, Victor Hugo kellu nostalġija li wieħed jista' jifhem, għall-paċi u d-demokrazija fuq il-kontinent Ewropew. Għalhekk, fil-Kongress tal-Paċi ta' Pariġi f'nofs is-seklu 19, huwa esprima l-viżjoni tiegħu tal-Istati Uniti tal-Ewropa, kif ġej:

"Għad jasal il-jum, fejn l-armi jaqgħulkom minn idejkom! Għad jasal il-jum, fejn gwerra bejn Pariġi u Londra, bejn S. Petersburg u Berlin, bejn Vjenna u Turin tkun tidher assurda daqs gwerra bejn Rouen u Amiens, bejn Boston u Philadelphia. Għad jasal il-jum fejn intom kollha, Franza, Russja, Italja, Ingilterra, Ġermanja, intom in-nazzjonijiet kollha tal-kontinent, mingħajr ma titilfu l-karatteristiċi glorjużi u partikolari tal-individwalità tagħkom, intom tingħaqdu flimkien mill-qrib f’komunità ta’ natura ogħla u b’hekk titwaqqaf is-sħubija kbira Ewropea...

Għad jasal il-jum, fejn ma jkun hemm ebda kamp ta’ battalja ieħor għajr dak tas-swieq, li jiftħu l-kummerċ u tal-ispirtu li jiftaħ l-ideat. Għad jasal il-jum, fejn il-balal u l-bombi jiġu sostitwiti mill-karta tal-vot, mid-dritt ġenerali tal-votazzjoni tal-popli, mid-deċiżjoni ta' senat sovran numeruż, li għall-Ewropa se jkun dak li l-Parlament huwa għall-Ingilterra u l-Assemblea Nazzjonali hija għall-Franza. Għad jasal il-jum fejn il-kanuni jitqiegħdu fil-mużewijiet u wieħed jistgħaġeb x’setgħu qatt kienu dawn. Għad jasal il-jum, fejn jitfaċċaw żewġ gruppi kbar, l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Istati Uniti tal-Ewropa, wieħed faċċata tal-ieħor, li b’dirgħajhom miftuħa min-naħa għall-oħra tal-baħar, jaqsmu ma’ xulxin il-prodotti, il-kummerċ, l-industrija, l-arti u l-ideat tagħhom. […] U dan il-jum ma għandux bżonn xi 400 mitt sena biex iseħħ, għax qegħdin ngħixu fi żmien ta’ pass mgħaġġel.“

Kif jidher ċar biżżejjed l-idea ta' Hugo ta' Stati Uniti tal-Ewropa kienet l-ewwel u qabel kollox idea ta’ paċi. U fl-istess waqt kienet ukoll idea demokratika, li fil-bikri tagħha jidhru d-dritt ġenerali tal-vot u parlament wiesa’ għall-Ewropa. U fl-aħħar nett Hugo jsemmi b’mod ċar il-kwistjoni ewlenija, li tant għandha għeruq fil-fond, li sal-lum tirfed kull dibattitu dwar Ewropa integrata aktar bis-sħiħ u li lili tolqotni b’mod partikolari: In-nazzjonijiet tal-Ewropa għandhom jingħaqdu f’komunità ta’ natura ogħla, f’aktar sħubija, mingħajr ma jitilfu l-karatteristiċi partikolari tagħhom u l-individwalità glorjuża tagħhom. "Maqgħudin fid-diversità" - dan il-motto Ewropew, espressament imnaqqax fit-Trattat Kostituzzjonali, huwa għalhekk diġà applikat minn Victor Hugo.

Li Hugo diġà xtaq struttura ta’ għaqda għall-Ewropa, li dak iż-żmien kienet diġà teżisti fuq in-naħa l-oħra tal-Atlantiku, hija xi ħaġa li wieħed jista’ faċilment jifhimha. Għaliex f’nofs is-seklu 19 l-Istati Uniti tal-Amerika flimkien mal-Isvizzera kien l-uniku pajjiż fid-dinja li ġie ikkostitwit l-ewwel bħala federazzjoni u wara konfederazzjoni, u li oriġinarjament kienu stati sovrani kompletament differenti bejn Maine u Louisiana. Barra minn hekk, l-Istati Uniti tal-Amerika flimkien mal-Isvizzera kienu l-uniċi demokraziji konsolidati fid-dinja. Għalhekk l-Istati Uniti tal-Amerika servew bħala mudell għall-ideali tal-paċifista demokratiku Hugo fil-viżjoni utopika tiegħu ta’ Ewropa maqgħuda fil-ġejjieni.

Il-motivazzjoni primarja tal-paċifiżmu demokratiku ta’ Hugo tispjega għalfejn l-ideat tiegħu ta’ Stati Uniti tal-Ewropa, wara l-esperjenzi orribbli tal-Ewropa fl-Ewwel Gwerra Dinjija u aktar u aktar wara l-katastrofi Ewropea tat-Tieni Gwerra Dinjija, sabu tixrid politiku daqshekk qawwi.

Hija xi ħaġa tal-iskantament li diġà fl-1942 Altiero Spinelli, wieħed min-nies tar-reżistenza Taljana, - aktar ’il quddiem wieħed mill-fundaturi tal-Komunità Ewropea - oppona fil-Manifest ta’ Ventotene tiegħu l-esperjenza tal-gwerra u t-totalitarjaniżmu ta' dak iż-żmien b’viżjoni demokratika ta’ Stati Uniti tal-Ewropa, li saħansitra - xi ħaġa ta’ min jammira għall-1942! - din kienet tinkludi Ġermanja demokratika u meħlusa min-Nażiżmu? Ta’ min jistgħaġeb li d-demokristjan Konrad Adenauer wara gwerra, dittatura nażista u ħabs tal-Gestapo bil-miftuħ fittex li jilħaq l-għan li r-Repubblika tal-Ġermanja li kienet għadha fil-bidu tagħha ssir membru tal-Istati Uniti tal-Ewropa, li huwa fil-memorji tiegħu jiddeskrivi bħala "l-aqwa sigurtà u l-aktar dejjiema tal-Ġirien tal-Ewropa tal-Punent"? Jew li l-Lussemburgiż Joseph Bech, li bejn l-1940 u l-1945 kien Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-gvern fl-eżilju taż-żmien meta l-Grandukat kien f’idejn in-Nażi, ħareġ l-idea tiegħu ta’ Ewropa direttament mill-Viżjoni ta’ Stati Uniti tal-Ewropa, kif huwa jenfasiżża fid-diskors tiegħu ta’ Karlspreis fl-1960?

Iżda partikolarment memorabbli kien id-diskors ta’ Zurich tal-Prim Ministru Brittaniku Winston Churchill. Fis-sena 1946 fl-Università ta’ Zurich Churchill tkellem mingħajr tiżwiq dwar is-sitwazzjoni tal-Ewropa ta’ dak iż-żmien: kontinent, li wara gwerra oħra bejn l-aħwa kien jinsab imfarrak u issa kellu biss ċans wieħed biex għal darb’oħra liċ-ċittadini tiegħu jġibilhom paċi, sigurtà, libertà u prosperità: "We must build a kind of United States of Europe", (għandna nibnu speċi ta' Stati Uniti tal-Ewropa), dan kien l-appell ta' Churchill lill-gvernijiet tal-Ewropa. . Il-prinċipju li fuqu jissejsu dawn l-Istati Uniti tal-Ewropa skont Churchill għandu jkun li n-nazzjonijiet iż-żgħar għandhom iħallsu daqs il-kbar - għal darba, b'mod assolut, jiena bħala Lussemburgiża naqbel ma’ viżjoni Brittanika tal-Ewropa bħal din. Għal Churchill, diġà minn dak iż-żmien, l-ewwel pass indispensabbli għal rikonċiljazzjoni tal-familja Ewropea kienet is-sħubija bejn Franza u l-Ġermanja. Inċidentalment il-Gran Brittanja ma kellhiex tkun parti mill-Istati Uniti tal-Ewropa. Għaliex wara kollox il-Gran Brittanja dak iż-żmien kellha l-Commonwealth tagħħa stess li kien ikopri d-dinja kollha. "Let Europe arise!", ("ħa tqum fuq saqajha l-Ewropa!") b’din l-għajta Churchill għalaq id-diskors tiegħu ta’ Zurich.

Illum wieħed jista’ jikkumenta: Kollox sew, dan kollu kien parti mill-ġenerazzjoni ta’ wara l-gwerra. Imma din il-generazzjoni ma kinitx wara ftit se tinduna li l-Istati Uniti tal-Ewropa ma kienux se jseħħu? Dan ma kienx diġà ċar biżżejjed fit-30 ta’ Awwissu 1954 għall-federalisti Ewropej li kienu mimlijin entużjażmu? Dakinhar huwa magħruf li l-Assemblea Nazzjonali Franċiża warrbet il-Ftehim dwar il-Komunità tad-Difiża Ewropea. Minħabba dan, il-ftehim parallel negozjat dwar il-Komunità Politika Ewropea - l-ewwel dokument kostituzzjonali għal Ewropa politikament maqgħuda, li huwa ta’ min jaqrah - ma setgħax jiġi ratifikat. Almenu wara dan, wieħed jista’ jaħseb, il-ġenerazzjoni tal-politiċi ta’ wara l-gwerra setgħu jinsew darba għal dejjem il-ħolm sabiħ tagħhom ta’ Stati Uniti tal-Ewropa.

Xejn minn dan pero’. Ftit snin wara, fl-1957, ittieħed approċċ ġdid. It-Trattati ta’ Ruma qiegħdu s-sisien tal-Komunità Ekonomika Ewropea u tal-Komunità tal-Enerġija Atomika Ewropea. Bla dubju, dak iż-żmien dan kollu sar minħabba kooperazzjoni ekonomika u teknika, minħabba ”Integrazzjoni funzjonali marbuta ma’ skop“, kif sejħilha l-Ġurista Hans Peter Ipsen. Il-kooperazzjoni fi kwistjonijiet politiċi oħra tħalliet barra deliberatament minħabba l-esperjenzi koroh tal-1954. Kienet pero’ r-rieda soda tal-pajjiżi fundaturi tal-Komunità Ekonomika Ewropea li l-integrazzjoni limitata li jmiss kellha inevitabbilment tinbidel f’integrazzjoni politika oħra permezz tal-konsolidament ekonomiku pass wara pass lejn Suq Komuni biex ikun hemm ġestjoni ta’ koeżjoni fattwali u b’saħħitha. U skont il-missierijiet tat-Trattat ta’ Ruma, dan l-“ispill over” kellu jwassal direttament lejn forma ta’ gvern Federali u eventwalment lejn l-Istati Uniti tal-Ewropa.

Din kienet il-fehma pereżempju ta' Walter Hallstein, l-ewwel president tal-Kummissjoni, hekk kif huwa ddeskriva l-ideat tiegħu dwar il-qagħda tal-Komunità Ekonomika Ewropea fil-ktieb tiegħu b’titlu sinifikanti ħafna „Der unvollendete Bundestaat“ („L-Alleanza mhux kompluta“) Bl-istess mod fehmuha ż-żewġ partiti politiċi l-kbar tal-Ġermanja. L-għan ta’ „Stati Uniti tal-Ewropa” sa mill-1992 tnaqqax b’mod ċar fil-programm tal-partit tas-CDU. L-SPD inkluda din l-istqarrija sa mill-1925 fil-programm tiegħu ta’ Heidelberg li baqa’ jgħodd sal-1959.

Anke fil-gruppi tal-partiti Ewropej din l-idea baqgħet popolari. Fit-8 ta’ Novembru 1988, Jacques Santer, li dak iż-żmien kien il-Prim Ministru Demokristjan Lussemburgiż u preċedentement President tal-Partit Popolari Ewropew qal:

“Aħna d-Demokristjani fil-Partit Popolari Ewropew irridu li l-Komunità Ekonomika Ewropea ssir l-Istati Uniti tal-Ewropa."

Bla dubju, flimkien mad-Demokristjan Lussemburgiż, il-Kanċillier Ġermaniż Helmut Kohl kien jappoġġja bis-sħiħ din l-idea. Hans-Peter Schwarz jiddeskrivi b’mod viżiv ħafna fil-bijografija tiegħu li ħarġet ftit ta’ ġimgħat ilu kemm Kohl kien deċiż dwar din il-kwistjoni. In-negozjati dwar it-Trattat ta’ Maastricht għalih kienu jiffukaw fuq l-Istati Uniti tal-Ewropa. Filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-politiċi indirizzaw l-attenzjoni tagħhom biss lejn il-Konferenza Intergovernattiva dwar l-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Istatut tal-Bank Ċentrali Ewropew, Kohl kien qed jinsisti dejjem aktar għal progress ambizzjuż fil-Konferenza Intergovernattiva msejħa fl-istess żmien dwar l-Unjoni Politika. Għal Kohl iż-żewġ Konferenzi Intergovernattivi kellhom l-istess importanza. L-Unjoni Monetarja u l-Unjoni Politika għalih kienu żewġ naħat tal-istess medalja.

Ftit wara l-iffirmar tat-Trattat ta’ Maastricht fil-31 ta’ Mejju 1991 quddiem l-Eżekuttiv Federali tas-CDU Kohl iddikjara „l-Istati Uniti tal-Ewropa“ bħala għan irriversibbli - minkejja li bit-Trattat il-ġdid fl-aħħar mill-aħħar intlaħqet biss Unjoni Monetarja u l-ebda Unjoni Politika, kif kien qed jittama Kohl. Fit-3 ta’ April 1992 f’diskors tiegħu Kohl faħħar it-Trattat ta’ Maastricht saħansitra b’dan il-kliem (se nikkwota):

"Ġewwa Maastricht qiegħdna s-sisien għat-tkomplija tal-Unjoni Ewropea. It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jagħti bidu għal stadju ġdid deċiżiv fil-proċess tal-unità Ewropea, li fi ftit snin se jwassal biex tintlaħaq l-aspirazzjoni tal-fundaturi tal-Ewropa moderna ta’ wara l-aħħar gwerra: l-Istati Uniti tal-Ewropa."

Aħjar minn hekk wieħed ma jistgħax jgħidha: Permezz ta’ Maastricht seħħ pass kbir lejn munita Ewropea komuni. Il-pass naturali li jmiss jinsab qribna: l-Unjoni Politika li se twassal lejn l-Istati Uniti tal-Ewropa.

Sa dan, madankollu, ma wasalnix. Ftit wara, l-ħolma tal-Istati Uniti tal-Ewropa pjuttost għebet mill-aġenda. Wieħed jista’ jistqarr li wara l-1993 l-kunċett pratikament ma baqax jintuża. Lanqas minn Helmut Kohl.

X'ġara biex biddilna l-idea? Ir-raġuni ewlenija kienet il-kompromess partikolari li laħqu l-Istati Membri f’Maastricht fl-1991 dwar l-istruttura tal-Unjoni Monetarja. L-Istati Membri fl-aħħar irnexxielhom jilħqu qbil dwar Unjoni Monetarja mingħajr unità’ politika parallela. F’dan wieħed jista’ jara falliment tal-ħolma ta’ Helmut Kohl, iżda wkoll ta’ ħafna politiċi oħra mill-Istati tal-Benelux, li kienu għamlu kampanja favur unjoni politika parallela. F’Maastricht rebaħ kunċett ieħor. Inħoloq Bank Ċentrali Ewropew indipendenti. Iżda l-ebda gvern ekonomiku Ewropew. Il-president tal-Bank Ċentrali Ewropew ma sabx qrib tiegħu Ministru tal-Finanzi Ewropew iżda 17-il Ministru tal-Finanzji nazzjonali. Hemm Munita Ewropea komuni iżda mhemmx baġit komuni Ewropew sinifikanti li jista’ jintuża għal skop ta’ politika ekonomika.

Din l-istruttura mhux simetrika ta’ Maastricht kienet riżultat ta’ tlaqqigħ storiku bejn żewġ kurrenti politiċi. Fuq naħa n-Neoliberaliżmu li fil-bidu tas-snin 90 kien fil-voga mad-dinja kollha u li miegħu kienu jaderixxu bosta kapijiet ta’ Stati u Gvernijiet. Għall-ħsieb Neoliberali l-istruttura mhux simetrika ta’ Maastricht kienet ideali. Għax din l-istruttura lis-swieq tagħthom is-saħħa u lill-politika dgħajfitha. Il-munita standard għandha minnha nnifisha ssir stabbli permezz tad-dixxiplina tas-swieq stipulata fit-Trattat. Ir-regolamentazzjoni tal-politika ekonomika jew finanzjarja fuq livell Ewropew tista’ twassal biss għat-tgħawwiġ tas-suq li huwa ta’ ħsara, skont il-viżjoni Neoliberali. Li l-Istati Membri jkomplu jsegwu politika nazzjonali ekonomika, baġitarja, fiskali u soċjali b’mod differenti minn xulxin u kulħadd għal rasu, għall-ħsieb Neoliberali ma kienx dgħufija iżda mertu miksub bis-saħħa ta’ Maastricht. Għax b’dan kellhom jittieħdu deċiżjonijiet politiċi f’dawn l-oqsma tal-politika b’“Kompetizzjoni bejn is-Sistemi“ bejn l-Istati.

Il-ħsieb ewlieni Neoliberali li kien jippredomina dak iż-żmien f’Maastricht sab l-oppożizzjoni tal-kunċett ta’ dawk li kienu xettiċi dwar it-trasferiment tas-sovranità fl-Unjoni Monetarja u li barra minn hekk kienu jinsistu kemm jista’ jkun fuq is-sovranità nazzjonali. Hekk insistiet id-delegazzjoni Brittannika f’Maastricht, tant li l-kelma ”federali” tħassret mid-dispożizzjonijiet tal-abbozz tat-Trattat dwar l-Unjoni Politika. Għas-dawk li kienu jappoġġjaw l-Istati Uniti tal-Ewropa din kienet telfa kbira.

Huwa għalhekk minħabba dan it-tlaqqigħ storiku bejn in-Neoliberaliżmu u s-Sovranità tal-Istati Nazzjonali li f’Maastricht ma ntlaħaqx l-għan tal-Istati Uniti tal-Ewropa u ntlaħqet biss Unjoni mhux kompluta. Fil-Ġermanja s-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali Federali fis-sena 1993 kienet il-prinċipju ċentrali ta’ dan l-iżvilupp. Għaliex il-Qorti Kostituzzjonali Federali għamlitha ċara daqs il-kristall li anki wara t-Trattat ta’ Maastricht l-Istati Membri jibqgħu “Sidien tat-Trattati“ u l-Ġermanja, f’każ li jkun meħtieġ, tista’ anki toħroġ mill-Unjoni Monetarja. Kemm għall-kurrent Neoliberali kif ukoll għal dak li jemmen fis-sovranità din kienet frankament rebħa. "Ngħidu saħħa lis-Superstat. Mhux se jkun hemm Stati Uniti tal-Ewropa", dan fil-qosor qalu l-filosfu liberali-konservattiv Ġermaniż Herrmann Lübbe fil-konklużjonijiet tiegħu dwar it-Trattat ta’ Maastricht f’polemika fl-1994.

Żgur li Helmut Kohl dan kollu ntebaħ bih bi swied il-qalb kbir. Il-bijografu ta' Kohl Hans-Peter Schwarz jikteb li, wara s-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali Federali Kohl ma baqgħax juża fil-pubbliku l-kunċett ta’ Stati Uniti tal-Ewropa. F’laqgħa tal-Eżekuttiv tas-CDU fl-1994 huwa madankollu għal darb'oħra kkummenta li dan il-kunċett għal ħafna snin kien il-mimmi ta’ għajnejh.

Dan is-sentiment jiena personalment kont xhud tiegħu dak iż-żmien fil-Partit Popolari Ewropew, l-għaqda tal-partiti demokristjani Ewropej. Fl-istess żmien tan-negozjati dwar it-Trattat ta’ Maastricht kienu bdew diskussjonijiet biex il-partit tal-lemin Taljan "Forza Italia" u l-Konservattivi Brittanniċi jiġu inklużi fil-Partit Popolari Ewropew. Dan kellu għal żmien twil isaħħaħ il-Partit Popolari Ewropew bħala frazzjoni b’saħħitha fil-Parlament Ewropew. Dan l-għan ta’ qawwa politika kellu madankollu prezz għoli ħafna: Il-Partit Popolari Ewropew kellu bi tpattija jaċċetta li l-għan ta' Ewropa Federali ta' influwenza Kristjana u l-idea ta' Stati Uniti tal-Ewropa jitħassru mill-istatut tal-partit. Jien niftakar qiesu l-bieraħ id-diskussjonijiet ta’ dak iż-żmien fejn il-konvinzjonijiet ewlenin demokristjani u l-kalkoli ta’ qawwa politika kellhom xi jgħidu bil-kbir. Flimkien ma’ grupp ta’ Demokristjani mill-Belġju, il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Lussemburgu dak iż-żmien kont ivvutajt kontra dan l-orjentament il-ġdid tal-Partit Popolari Ewropew. Flimkien ma' dawk li kienu jaħsbuha bħalna ktibna dak iż-żmien id-Dikjarazzjoni Demokristjana ta’ Ateni. Iżda ma rbaħniex. Il-qawwa tal-politika kienet aktar importanti mill-kunċettwalità tal-fundatur tal-Unjoni Ewropea.

Din l-esperjenza ta’ Maatricht iċċarat l-għala kull min kien hemm dakinhar - u din għadha s’issa parti sinifikanti tal-ġenerazzjoni politika attiva - jiddeskrivi l-viżjoni tiegħu dwar il-futur tal-Ewropa b’rassenjazzjoni kif ġej: „Bħala żagħżugħ kont noħlom dwar l-Istati Uniti tal-Ewropa. Illum naf aħjar li din ma tista’ sseħħ qatt u li jeħtieġ li nkunu realistiċi.“ Din l-attitudni ta’ rassenjazzjoni ssaħħet aktar hekk kif fl-2005 t-Trattat dwar il-Kostituzzjoni Ewropea - l-aħħar attentat biex l-Unjoni Ewropea ta’ Maastricht tinbidel parzjalment f’unjoni politika - falla f’referendum fi Franza u fil-Pajjiżi l-Baxxi, minkejja li 18-il Stat kienu rratifikaw, fosthom il-Lussemburgu u Spanja, dan it-Trattat, inċidentalment ukoll f’referenda. "Maastricht kellu jkun il-Kostituzzjoni tagħna", hekk ilmenta il-Prim Ministru tagħna Jean-Claude Juncker fl-2001, fl-okkazzjoni tal-għaxar anniversarju tat-Trattat ta’ Maastricht.

Meta ċ-ċittadini lilna l-politiċi llum jistaqsuna “X’ġara mill-Ewropa?” jew „Fejn sejra l-ferrovija tal-Unjoni Ewropea?“ aħna ġeneralment ma naqblux fit-tweġibiet tagħna. "Ma rridux xi Superstat“ din hija fil-biċċa l-kbira l-ewwel sentenza, minħabba biża’ kbira li nistgħu niġu mifhuma ħażin min-Neoliberali, mis-sostenituri tal-Istat sovran jew mill-Qorti Kostituzzjonali Federali tal-Ġermanja. U mbagħad dan li ġej: "Għandek tkun taf li l-UE hija struttura li ma tistax tqabbilha ma xejn." "Aħna ma rridux xi stat Federali Ewropew, iżda struttura konfederattiva jew federattiva” jew “Unjoni tal-Istati Nazzjonali”.

Ili nisma' għal snin twal dan il-logħob bil-kliem u nifhmu, anki jekk l-avukati tal-liġi kostituzzjonali żgur li se jqattgħu xagħarhom. Ikolli nammetti, li jiena stess kelli f’dawn l-aħħar snin insib rifuġju fi kliem bħal dan. Iżda dan l-aħħar qed nara li ċ-ċittadini dejjem aktar qed jikkritikaw dan it-tip ta' lingwaġġ ambigwu li ma jikkonvinċihomx. Infatti, kif kitibli dan l-aħħar ċittadin permezz ta' email, wara laqgħa fl-Awstrija f'livell muniċipali: "Kif jista' ċittadin jidentifika ruħu ma' dan il-proġett Ewropew li tant qegħdin tfaħħru jekk ħadd ma jgħid b'sinċerità u ċarezza f'liema direzzjoni mexjin? Jekk se tkomplu tiddefinixxu l-Ewropa b'mod daqshekk teknokratiku u kumplikat, ma għandhomx għalfejn teħduha bi kbira jekk inqisukom sempliċement bħala teknokrati. Sinjuri, dan iċ-ċittadin ma kellux tort. Anzi, biex ngħid il-verità, kellu raġun.

Għalhekk wasal iż-żmien, minkejja l-esperjenza trawmatika ta' Maastricht, li wieħed illum jerġa' jikkunsidra din l-idea tal-Istati Uniti tal-Ewropa. Minn ftit xhur ilu 'l hawn, din l-idea tal-Istati Uniti tal-Ewropa reġgħet twieldet mill-ġdid. Quddiem din il-kriżi, f'daqqa waħda, bosta mexxejja politiċi mill-partiti politiċi kollha qed jesprimu ruħhom favur il-ħolqien ta' din l-idea tal-Istati Uniti tal-Ewropa, mill-Kristjani Demokratiċi bħall-Ministru Ġermaniż tax-Xogħlijiet Ursula von der Leyen u l-kollega tiegħi fil-Kummissjoni Günter Oettinger, għas-Soċjalisti Demokratiċi bħall-ekx Kanċillier Awstrijak Alfred Gusenbauer, u l-Liberali bħall-Ministru Ġermaniż tal-Affarijiet Barranin Guido Westerwelle sa Daniel Cohn-Bendit, il-mexxej elokwenti tal-Partit Ewropew tal-Ħodor. Is-sena li għaddiet, l-assoċjazzjoni Franċiża tal-intrapriżi MEDEF nediet kampanja ġenwina favur l-Istati Uniti tal-Ewropa. U bħalma probabbilment tafu, mill-bidu ta' din is-sena, f'diversi taħditiet u artikoli fil-gazzetti, jien stess ħadt pożizzjoni favur din il-viżjoni Federalista tal-Istati Uniti tal-Ewropa. Naturlament dejjem hemm il-vuċijiet li huma kontra. Martin Schulz, il-President tal-Parlament Ewropew, u Volker Kauder, il-mexxej tas-CDU fil-Bundestag Ġermaniż, iwissu fil-beraħ kontra l-qawmien mill-ġdid ta' dan l-objettiv politiku tal-Istati Uniti tal-Ewropa, wara l-esperjenzi negattivi tal-imgħoddi U dan huwa atteġġament leġittmu. Pero jibqa' l-fatt li llum din l-idea u d-diskussjoni dwar dan reġgħu qegħdin fuq l-aġenda tal-kuljum. U dan huwa tajjeb.

Ir-raġuni għal dan hija naturalment il-kriżi attwali finanzjarja u tad-dejn. F'perjodi ta' kriżi, l-Ewropa dejjem sabet is-saħħa biex terġa' tagħti l-ħajja lill-integrazzjoni. Personalment ninsab konvinta li anki din id-darba l-Ewropa se toħroġ mill-kriżi attwali aktar b'saħħitha minn qatt qabel. Din il-kriżi tagħti importanza partikolari lill-kunċett ta' Ewropa Federali. Għax din il-kriżi turi lil kulħadd kif unjoni monetarja ta' arkitettura assimetrika bħal dik maħluqa f'Maastricht min-Neoliberali u minn dawk favur is-sovranità nazzjonali mhijiex dejjem vijabbli fit-tul.

Sinjuri,

Kif nistgħu nkomplu nemmnu li d-dixxiplina tas-suq u n-normi ġuridiċi weħidhom huma biżżejjed biex jiggarantixxu finanzi pubbliċi b'saħħithom jekk għal 20 sena sħaħ rajna b'għajnejna li la s-suq u lanqas in-normi ġuridiċi l-aktar stretti ma jistgħu jevitaw dejn pubbliku eċċessiv fl-ebda Stat Membru tal-UE? Il-Ġermanja wkoll kienet għal żmien twil eżempju negattiv ħafna f'dan il-qasam. "Jekk irridu politika baġitarja soda fit-tul, u li hija wkoll forza għas-solidarjetà, neħtieġu Ministru tal-Finanzi Ewropew li għandu setgħat ta' intervent ċari fir-rigward tal-Istati Membri. Il-ġudizzju arbitrarju tal-aġenziji li jikklassifikaw il-kreditu żgur li ma jistax joffri alternattiva oħra!"

Kif jista' wieħed jemmen bis-serjetà li aħna nistgħu nattwaw politika ekonomika Ewropea orjentata lejn it-tkabbir jekk l-Unjoni Ewropea ma għandhiex risorsi ta' bilanċ adegwati? Fl-Ewropa qegħdin nargumentaw bil-qawwi jekk fi Brussell għandhomx jimplementaw, bħala riżorsi finanzjarji komuni, 1% mill-prodott nazzjonali gross jew 1,05% mill-prodott nazzjonali gross Ewropew. Imbagħad nistagħġbu jekk aħna l-Ewropej ikollna iktar diffikultajiet mill-Istati Uniti tal-Amerika, meta niġu biex nimmobilizzaw il-forza tat-tkabbir fil-kontinent tagħna. L-Istati Uniti tal-Amerika f'Washington għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom baġit Federali ta' madwar 35% tal-prodott nazzjonali gross Amerikan!

Sinjuri,

Għandna tassew għalfejn nistagħġbu jekk id-dollaru Amerikan mhuwiex fi stat ta' kriżi tal-fiduċja għalkemm l-Istati Uniti tal-Amerika għandhom dejn pubbliku li jaqbeż lil dak tal-biċċa l-kbira tal-Istati Ewropej u bilanċ negattiv globali tal-baġit ħafna ogħla minn dak tal-pajjiżi fiż-Żona Euro u minkejja li diversi reġjuni fl-Istati Uniti tal-Amerika kellhom jiddikjaraw falliment f'dawn l-aħħar snin? Iżda mhuwiex dan il-punt. Bil-kuntrarju għall-Ewropa, fl-Amerika ħadd ma jpoġġi f'dubju l-fatt li l-Istati Uniti tal-Amerika jkomplu jkunu Federazzjoni ta' Stati, minkejja d-diffikultajiet finanzjarji u ekonomiċi kollha. Ħadd ma jiddubita jekk Minnesota hijiex se tibqa parti mill-Istati Uniti tal-Amerika jew le - għalkemm Minnesota kellha tiddikjara l-insolvenza f'Lulju 2011. Il-kambju tad-Dollaru Amerikan lanqas biss irreaġixxa għal dan, għalkemm il-piż ekonomiku ta' Minnesota għall-Istati Uniti tal-Amerika jipparaguna ftit jew wisq ma' dak tal-Greċja għall-Unjoni Ewropea.

F'Maastricht riedu jġegħluna nemmnu li stajna nistabbilixxu munita tal-Unjoni u munita dinjija ġdida b'mod irriversibbli, biex noħolqu Stati Uniti tal-Ewropa mingħajr parallel. Dan kien żball, u jeħtieġ li dan l-iżball ta' Maastricht illum jiġi kkorreġut, jekk nixtiequ nkomplu ngħixu f'Ewropa stabbli li sejra tajjeb ekonomikament." U huwa tajjeb, li fil-frattemp il-kapijiet tal-Istati u l-gvernijiet tal-parti l-kbira tal-Istati Membri fehmu dan kollu. Fl-2010 tnieda proċess li se jwassal għal strutturazzjoni sostanzjali mill-ġdid tal-unjoni monitarja Ewropea. F'dawn il-jiem il-Kunsill Ewropew qed jaħdem fuq erba' livelli ġodda ta' integrazzjoni, abbażi ta' rapport tal-President tal-istituzzjonijiet tal-UE.

  • Unjoni bankarja Ewropea b'entità ċentrali Ewropea ta' viġilanza bankarja;

  • unjoni fiskali Ewropea b'mekkaniżmi qawwija ta' kontroll fuq il-banek nazzjonali minn naħa l-waħda u bl-iżvilupp ta' kapaċità finanzjarja proprja f'livell Ewropew min-naħa l-oħra;

  • unjoni ekonomika Ewropea li fiha d-deċiżjonijiet dwar politika ekonomika, fiskali u soċjali jittieħdu flimkien aktar minn qatt qabel;

  • u fl-aħħar nett unjoni politika.

Dan il-proċess joffri opportunitajiet, iżda wkoll riskji. Bla dubju wieħed jista' jieħu l-opportunità li jsewwi dak li ma seħħx f'Maastricht, jiġifieri li issa titlesta l-unjoni li fuq livell politiku għadha ma ġietx kompluta. Fl-istess ħin madankollu jeżisti l-periklu li nerġgħu, għal darb'oħra nillimitaw ruħna għal xi riformi ekonomiċi u fiskali biss; u nissagrifikaw l-aktar ħaġa importanti: unjoni politika konvinċenti, b'saħħitha u demokratika. F'dawn il-ġranet f'xi bliet kapitali qed jidhru xejriet li f'għajnejja jqanqlu tħassib serju.

Ippermettuli ngħid b'mod ċar u tond: Fit-tliet snin li għaddew saru ħafna sforzi biex l-unjoni monetarja tagħna tiġi stabbilizzata. Il-Mekkaniżmu l-ġdid ta' Stabbiltà Ewropew (MSE), li jista' jiġi attivat sa 500 elf miljun Euro biex jistabbilizza l-Istati taż-żona Ewropea f'każ ta' bżonn, huwa kisba storika. L-istess jgħodd ukoll għall-Patt Fiskali Ewropew, li fuq il-bażi tiegħu 25 Stat Ewropew huma obbligati li jiggarantixxu finanzi pubbliċi b'saħħithom u li jikkontrollaw id-dejn nazzjonali. Anki l-azzjonijiet tal-Bank Ċentrali Ewropew huma ta' tifsira imprezzabbli, biex il-munita Ewropea tagħna tkompli tkun stabbli. Iżda ħa nkunu onesti magħna nfusna: Dawn huma kollha, bla dubju, miżuri importanti biex jiġġieldu l-kriżi. Permezz tagħhom nistgħu nirbħu ż-żmien, iżda huwa żgur li dawn ma jistgħux jissostitwixxu l-kostruzzjoni zoppa li nħolqot mat-Trattat ta' Maastricht bi stabbilizzazzjoni dejjiema.

Attwalment qed nara periklu f'dan, fuq kollox li kemm l-MSE kif ukoll il-Patt Fiskali huma strutturi improvvizati barra mit-Trattati Ewropej. Iżda fid-dawl tal-kriżi ma setgħax isir mod ieħor, kienet meħtieġa azzjoni ta' malajr. Madankollu, mill-perspettiva parlamentari demokratika din la tista' tkun u lanqas għandha tkun soluzzjoni permanenti. Fil-ġejjieni jridu jittieħdu deċiżjonijiet fundamentali f'livell Ewropew f'dak li għandu x'jaqsam mal-orjentazzjoni tal-politika ekonomika, finanzjarja u soċjali f'kull wieħed mill-Istati taż-Żona tal-Euro. Deċiżjonijiet bħal dawn jeħtieġu l-kontroll demokratiku effikaċi ta' kuljum. Ninsab konvinta li dan il-kontroll ma jistax ikun żgurat f'livell ta' laqgħat intergovernattivi bejn il-ministri u s-segretarji tal-Istati tad-diversi pajjiżi li huma ssorveljati ftit u b'mod individwali, minn 17-il parlament nazzjonali. Għal deċiżjonijiet bħal dawn f'livell Ewropew il-kontroll demokratiku jrid ikun ukoll garantit f'livell Ewropew. Għalhekk jiena favur l-integrazzjoni fit-terminu l-medju taż-żmien, tal-patt Fiskali u tal-MSE fit-Trattati Ewropew, biex dawn l-istrumenti jkunu taħt il-kontroll tal-Parlament Ewropew.

Prinċipju demokratiku fundamentali huwa "No taxation without representation" (xejn ma għandu jiġi impost mingħajr rappreżentanza). Dan il-prinċipju ta' bażi għandna neħduh bl-akbar serjetà biex nibnu l-Ewropa tal-ġejjieni. Integrazzjoni tal-Ewropa li tkun aktar b'saħħitha f'unjoni ekonomika u monetarja awtentika tkun titlob li fil-ġejjieni deċiżjonijiet fi kwistjonijiet sensittivi ħafna jittieħdu f'livell Ewropew. Dawn id-deċiżjonijiet ma għandhomx jiġu fdati biss f'idejn it-Trojka tal-esperti finanzjarji indipendenti! Biex nieħdu eżempju, id-deċiżjoni li jiġu imposti fuq l-irlanda f'ġieħ il-konsolidazzjoni urġenti u meħtieġa tal-kontijiet pubbliċi tagħha, għall-ewwel darba fl-istorja, żidiet fuq it-taxxi għall-forniment tal-ilma għall-popolazzjoni, ma tridx tkun biss teknikament korretta iżda wkoll leġittimizzata b'mod demokratiku mill-Parlament Ewropew. L-istess jgħodd għar-rekwiziti ta' Brussell għall-privatizzazzjoni fil-Greċja, għall-indiċizzazzjoni tas-salarji fil-Lussemburgu jew għall-qsim tad-dħul familjari fil-Ġermanja, li huma diġà oġġetti tas-Semestru Ewropew ta' din is-sena. Huwa l-Parlament Ewropew li fl-opinjoni tiegħi għandu, bir-responsabbiltà kollha u fil-pubbliku jiddiskuti jekk dawn ir-rekwiżiti humiex tajbin jew ħżiena.

Dan kollu jirrikjedi riformi fl-Unjoni Ewropea li jmorru sew lil hinn mill-funzjonament tal-unjoni monetarja. Jeħtieġ li wieħed jinżel aktar fil-fond tas-sisien politiċi demokratiċi tal-Unjoni Ewropea attwali. Fid-dokumenti ta' riflessjoni li attwalment qed jiċċirkulaw fl-ibliet kapitali Ewropej din il-kwistjoni qed tiġi ttrattata b'mod dgħajjef, xi drabi taħt it-titlu ta' "Unjoni Politika". Rigward dan il-punt jeħtieġ li nkunu ħafna aktar ambizzjużi, jekk ma rridux nirrepetu l-iżbalji ta' Maastricht. Neħtieġu viżjoni ċara u ambizzjuża għall-ġejjieni tal-kontinent tagħna, għal Ewropa demokratika u aktar b'saħħitha, li hija ħafna aktar minn sempliċement suq kbir u munita stabbli.

Fid-diskors tiegħu ta' Settembru dwar l-istat tal-Unjoni, il-President tal-Kummissjoni José Manuel Barroso appella biex wieħed ma joqgħodx jibża’ mill-kliem u mill-kunċetti ta' dan id-dibattitu dwar il-ġejjieni tal-Ewropa iżda biex jifformula l-viżjoni tiegħu biċ-ċar u b'kuraġġ. Inħoss li huwa importanti ħafna l-użu ta' kliem ċar jekk irridu li ċ-ċittadini jaqsmu magħna din il-viżjoni.

Ħa ntikom eżempju fir-rigward ta' dan: Kollha kemm intom issa mdorrijin issejħu l-eżekuttiv ta' Brussell bħala "l-Kummissjoni Ewropea". Nistindinkom tirriflettu ftit dwar kif jinħass dan it-terminu f'widnejn iċ-ċittadin. Fi Brussell huma l-Kummissarji li jiddeċiedu – dan il-kliem diġà jinħass mill-bidu nett teknokratiku u burokratiku, u mhux bħala deċiżjoni politika, demokratikament leġittima. Jista' wieħed jistagħġeb għalfejn is-sindku ta' komunità fil-Bavarja ma fehmx id-deċiżjonijiet tal-"Kummissjoni ta' Konkorrenza" fi Brussell? Fil-bidu ta' din is-sena, il-Kanċillier Ġermaniża Angela Merkel appellat biex toħloq gvern Ewropew mill-Kummissjoni Ewropea. Inħoss li din il-bidla ta' kunċett hija tajba u li suppost diġà saret. Fil-fatt ilu li spiċċa ż-żmien li fih l-Kummissjoni Ewropea kienet għaqda ta' esperti u teknokrati mhux eletti. Bil-kuntrarju, il-Kummissjoni tinħatar kull ħames snin minn membri tal-Parlament Ewropew, eletti b'mod demokratiku u dirett skont ir-riżultati tal-elezzjonijiet Ewropej. Qabel ma jinħatar Kummissarju, irid jgħaddi minn intervista ta' tliet sigħat quddiem il-kummissjoni kompetenti tal-Parlament Ewropew. Hawnhekk irid jgħaddi minn eżami iebes li jirrigwarda l-konoxxenzi speċifiċi tiegħu, iżda wkoll il-prinċipji u l-orjentazzjoni politika tiegħu. U l-Parlament Ewropew mhux se jiddejjaq milli jwaħħal kandidat li ma jkunx mar tajjeb fil-prestazzjoni tiegħu, anki b'mod sever kif jista' jikkonferma bis-sħiħ is-Sur Manfred Weber. Rigward proċeduri analogi f'livell nazzjonali, wieħed għalhekk jista' jikkonferma li l-membri tal-Kummissjoni Ewropea jintagħżlu għal din il-kariga permezz ta' proċedura li hija iktar demokratika minn dik ta' kwalunkwe ministru tal-gvern Federali Ġermaniz jew tal-gvern ta' Land, li jinħatru mingħajr il-parteċipazzjoni tal-Parlament kompetenti. Barra dan, bosta Kummissarji, qabel jieħdu l-kariga tagħhom, ikunu diġà ġew eletti bħala membri tal-Parlament Ewropew. Jien stess kont eletta ħames darbiet wara xulxin fil-Parlament Ewropew miċ-ċittadini Lussemburgiżi. U hija x-xewqa tiegħi li fil-ġejjieni ssir regola li Kummissarju jkun diġà ġie elett fil-Parlament Ewropew. Dan ikompli jsaħħaħ aktar il-leġitimizzazzjoni demokratika tal-gvern Ewropew.

Ejjew inkunu kuraġġużi daqs il-Kanċillier Federali tal-Germanja fid-deskrizzjoni tagħna tal-istruttura mixtieqa ta' Ewropa maqgħuda politikament. Ewropa Federali – li wieħed jista' jsejjaħ ukoll Svizzera Ewropea, ir-Repubblika Federali tal-Ewropa jew l-Istati Uniti tal-Ewropa. Wara riflessjoni matura nħoss li dan l-mudell tal-aħħar huwa l-aktar wieħed adattat biex jiġi aċċettat fil-wisgħa, iżda wkoll dak li jiddiskrivi bl-aktar mod xieraq l-istruttura finali li lejha taspira l-Unjoni Ewropea.

"Svizzera Ewropea" bħala viżjoni tal-ġejjieni – minkejja s-simpatija personali kbira tiegħi lejn ir-Repubblika Alpina mimlija tradizzjonijiet, ma nħossx li dan huwa paragun tajjeb għall-Ewropa maqgħuda. Għax l-Ewropa maqgħuda mhijiex se tkun "Stat f’niċċa" newtrali, iżda attur politiku fuq ix-xena internazzjonali, jekk mhux setgħa dinjija. Ma għandniex ninsew li l-Isvizzera għalkemm ilha ħafna Stat Federali kkonsolidat sod, tissejjaħ uffiċjalment bħala konfederazzjoni "Confoederatio". Viżjoni tat-tip Svizzera għall-ġejjieni tal-Ewropa għalhekk iġġib magħha konfużjonijiet konċettwali oħrajn fil-profil tal-pubbliku minflok ma tiċċara l-argument.

"Repubblika Federali tal-Ewropa" - nista' nifhem li hawnhekk fil-Ġermanja, mudell simili għandu mnejn iġib miegħu ċertu entużjażmu għal xi wħud. Ċertament stampa għall-ġejjieni tal-Ewropa bħala waħda Federali tista' u għandha tkun ispirata mis-suċċess tal-Federaliżmu Ġermaniż. Madankollu nitlobkom tippermettuli nagħmel osservazzjoni bħala l-ġara Lussemburgiża tagħkom: L-impressjoni li l-Ġermanja tista' għal darb'oħra sservi ta' mudell universali, forsi anki biss fuq il-livell tal-liġi pubblika, ma tiġbidx is-simpatija tal-Istati l-oħra tal-Unjoni Ewropea.

Jibqa' biss fl-aħħar il-kunċett ta' "L-Istati Uniti tal-Ewropa". Immorru għalhekk lura għal Victor Hugo.

"L-Istati Uniti tal-Ewropa" – l-għan tal-għaqda ankrata f'din l-espressjoni ta' Victor Hugo tirrifletti mill-ġdid l-idea ta' paċi li bħal qabel tkompli trawwem l-għaqda Ewropea, hekk kif għadu kif fakkar ftit tal-jiem ilu l-għoti tal-premju Nobel għall-paċi lill-Unjoni Ewropea. Il-kontinent tagħna jagħmel tajjeb li ma jinsa qatt il-lezzjoni miksuba mill-istorja terribbli tiegħu.

"L-Istati Uniti tal-Ewropa" – il-plural jagħmel riferenza ċara mhux għal stat wieħed uniku jew għal xi superstat, iżda għal binja Federali, li fl-ambitu tagħha għadd ta' stati uniċi jiffurmaw alleanza ġdida li tissalvagwardja b'mod konxju d-diversità u l-individwalità ta' kull Stat uniku, kif enfasizza b'mod korrett Victor Hugo fi żmienu.

Fl-aħħar nett: "L-Istati Uniti tal-Ewropa" – dan jispjega biċ-ċar li tabilħaqq naspiraw għall-forma kostituzzjonali demokratika u federali li taqbel ma' dik tal-Istati Uniti tal-Amerika, li iżda nixtiequ nirrealizzaw fil-kuntest speċifiku tal-istorja Ewropea, tal-valuri tagħna u tad-diversità speċjali fil-kontinent tagħna. Iva, l-Ewropa għandha bżonn sistema Parlamentari bikamerali l-istess bħal fl-Istati Uniti tal-Amerika. Forsi xi darba għad ikollna bżonn tabilħaqq President tal-Kummissjoni elett direttament, kif dan il-Ministru Federali tal-Finanzi Wolfgang Schäuble ssuġġerixxa u kif il-Partit Popolari Ewropew dan l-aħħar kiteb fil-progamm tiegħu. F'dawn l-aħħar xhur il-kampanja għall-elezzjoni presidenzjali wrietna għall-darb'oħra b'mod impressjonanti x'effett ta' mobilizzazzjoni għażla ta' persuna jista' jkollha fuq kontinent sħiħ. Iżda effett ta' dan it-tip jintlaħaq biss jekk il-politiċi jkollhom id-disponibbiltà u l-kapaċità li jiddjalogaw direttament fit-"Town Hall" maċ-ċittadini saħansitra anki ġewwa daqsxejn ta' ċentru fl-aktar parti remota ta' Oħio. Fl-Ewropa, huma dawk il-kandidati multilingwi biss li jkollhom iċ-ċans f'elezzjonijiet diretti ta' dan it-tip.

L-Istati Uniti tal-Ewropa – dan l-isem jippermettilna ugwalment lilna Ewropej biex nenfasizzaw b'mod ċar il-punti li jiddistingwuwna mill-Istati Uniti tal-Amerika; u għalfejn aħna fl-Ewropa rridu naddottaw biss l-istruttura kostituzzjonali u ċertament mhux kull aspett tar-realtà kostituzzjonali tal-Istati Uniti tal-Amerika. Minħabba l-esperjenzi storiċi tagħna, aħna l-Ewropej għandna fil-fatt ta' sikwit kunċett tal-valuri u tad-drittijiet fundamentali li jvarja minn dak tal-Istati Uniti tal-Amerika, kif jixhdu qabel kollox ir-rifjut tagħna tal-piena tal-mewt, imnaqqax fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u l-importanza tad-dritt fundamentali tal-ħarsien tad-dejta. Fl-Ewropa għandna wkoll fehma oħra dwar kif inħarsu lejn ir-relazzjoni bejn is-suq u l-istat, billi l-għan tagħna mhuwiex ekonomija tas-suq pura u sempliċi, iżda ekonomija soċjali tas-suq, anki jekk, taħt il-gwida tal-president Obama l-Istati Uniti qed isegwu d-direzzjoni Ewropea, tal-anqas fis-settur tas-saħħa. Naturalment ukoll fl-Ewropa għandna esperjenza totalment differenti minħabba fid-diversità tal-kulturi u l-lingwi tagħna – għalkemm wieħed ma għandux jinsa, li anki fl-Istati Uniti tal-Amerika hemm 16% tal-popolazzjoni li jitkellmu l-Ispanjol bħala l-lingwa materna tagħhom, b'din ix-xejra dejjem tiżdied.

Sinjuri,

b'dan niġi għat-tmiem tad-diskors tiegħi. "Tabilħaqq, dan il-kunċett tal-Istati Uniti tal-Ewropa nqisu bħala l-viżjoni korretta, biex negħlbu kemm il-kriżi attwali kif ukoll, qabel kollox in-nuqqasijiet tat-Trattat ta' Maastricht. Għaliex fl-aħħar mill-aħħar bħala Kristjana Demokratika Ewropea ma nistax inħalli l-viżjoni tiegħi tal-ġejjieni tiġi ddettata mill-Ewroxettiċi Brittaniċi! Ta' min isemmi li skont stħarriġ tal-gazzetta ta' kuljum "Die Welt" hemm diġà 43% mill-popolazzjoni Ġermaniża li hija favur l-Istati Uniti tal-Ewropa – u dan tabilħaqq qabel ma tnieda dan id-dibattitu. Bħala punt tat-tluq dan huwa inkoraġġanti.

Naturlament naf li ma nistgħux nirrealizzaw l-Istati Uniti tal-Ewropa mil-lum għall-għada. Neħtieġu ċertament trattati ġodda u l-Ġermanja jkollha tbiddel il-kostituzzjoni tagħha, dwar dan il-punt nistgħu nħallu f'idejn il-qorti kostituzzjonali federali! F'dan il-kuntest irridu anki nwieġbu għall-mistoqsija jekk humiex l-Istati kollha tal-UE jew dawk biss fiż-żona tal-Ewro li se jazzardaw jimxu lejn il-ġejjieni Federali tal-Ewropa. Il-pożizzjoni tal-Gran Brittanja jkollha f'dan rwol strateġiku deċiżiv, anki jekk Winston Churchill diġà sa mill-1946 fid-Diskors tiegħu ta' Żurich wera biċ-ċar il-pożizzjoni Brittanika f'dan ir-rigward tal-Istati Uniti tal-Ewropa. "We will be for, but not with it" (se nkunu favurhom iżda mhux parti minnhom), hekk wieħed jista' jiġbor fil-qosor il-pożizzjoni Brittanika li sal-ġranet tal-lum għadha valida.

Madankollu, naħseb li kif qal Victor Hugo, m'għandniex għalfejn nistennew 400 sena għall-Istati Uniti tal-Ewropa. Żewġ gwerer dinjin, 60 sena ta' esperjenza ta' integrazzjoni Ewropea u mhux il-kriżi ta' dan l-aħħar aċċelleraw ir-ritmu tal-avvenimenti. L-ekonomisti Kenneth Rogoff u Carmen Reinhart fil-ktieb tagħhom "Dieses mal ist alles anders" (Din id-darba l-istorja hija differenti), wara analiżi dettaljata tal-kriżi finanzjarja tal-aħħar tmin sekli jbassru li:

"Taħt il-pressjoni tal-kriżi għad tfiġġ dinamika, li llum ma nistgħux lanqas biss nimmaġinawha: u li tista' twassal għat-twelid tal-Istati Uniti tal-Ewropa ħafna qabel milli l-maġġoranza taħseb".

Sinjuri, ninsab ċerta li l-istudenti li jinsabu f'din is-sala magħna llum għandhom ċans kbir li jesperjenzaw l-Istati Uniti tal-Ewropa.

Nirringrazzjakom tal-attenzjoni tagħkom u nistedinkom issa għal diskussjoni ħerqana flimkien miegħi.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website