Navigation path

Left navigation

Additional tools

IL-KUMMISSJONI EWROPEA

José Manuel Durão Barroso

President tal-Kummissjoni Ewropea

Indirizz tal-Istat tal-Unjoni 2012

Sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew/Strasburgu

It-12 ta' Settembru 2012

Sur President,

Onorevoli Membri,

1. Analiżi tas-sitwazzjoni:

Huwa unur għalija li ninsab quddiemkom illum biex inwasslilkom dan it-tielet diskors dwar l-Istat tal-Unjoni.

F’mument fejn l-Unjoni Ewropea għadha fi kriżi.

Kriżi finanzjarja u ekonomika. Krizi soċjali. Iżda wkoll kriżi politika, kriżi ta’ fiduċja.

Fl-għeruq tagħha, din il-kriżi hija riżultat ta’:

- Prattiċi irresponsabbli fis-settur finanzjarju:

- Dejn pubbliku insostenibbli, kif ukoll:

- Nuqqas ta’ kompetittività f’xi Stat Membri.

Fuq dan kolllu, l-Euro għandu quddiemu l-problemi strutturali tiegħu. Ħareġ li l-għamla tiegħu ma kinitx tajba biżżejjed għas-sitwazzjoni li tfaċċat. Akkumulaw l-iżbilanċi.

Dan issa qed jissewwa. Iżda huwa sforz diffiċli, li jġib miegħu l-uġigħ. Iċ-ċittadini huma frustrati. Jinsabu anzjużi. Iħossu li l-istil ta’ ħajja tagħhom jinsab mhedded.

Is-sens ta’ ġustizzja u ekwità bejn l-Istati Membri qed jitnaqqar. U mingħajr ekwità bejn l-Istati Membri, kif jista’ jkun hemm ekwità bejn iċ-ċittadini Ewropej?

Matul dawn l-aħħar erba’ snin, ħadna ħafna deċiżjonijiet ta' kuraġġ biex neħduha ma' din il-kriżi sistemika. Iżda minkejja dawn l-isforzi kollha, ir-reazzjonijiet tagħna għadhom ma kkonvinċewx liċ-ċittadini, lis-swieq jew lill-imsieħba internazzjonali tagħna.

Għaliex? Għaliex darba wara l-oħra, ħallejna li jinxterdu d-dubji. Dubji dwar kemm ċerti pajjiżi huma lesti li tassew jirriformaw u jerġgħu jakkwistaw il-kompetittività. Dubji dwar jekk pajjiżi oħra humiex tassew lesti li jaqbżi għal xulxin sabiex il-Euro u l-proġett Ewropew ikunu irriversibbli.

F’wisq okkażjonijiet rajna spiral vizzjuż. L-ewwel nett, waqt is-samits jittieħdu deċiżjonijiet importanti ħafna dwar il-futur tagħna. Imma mbagħad, l-għada, naraw li dawn id-deċiżjonijiet jibdew jiġu mminati minn uħud minn dawk l-istess nies li jkunu ħaduhom. Billi jgħidu li dawn jew għandhom ambitu mifrux iżejjed, jew li mhux mifrux biżżejjed. Imbagħad ikollna l-problema tal-kredibilità. Problema ta’ fiduċja.

Mhux aċċettabbli li dawn il-laqgħat Ewropej jiġu ppreżentati bħallikieku kienu ġlieda boxing, fejn wieħed jiftaħar b’rebħa totali fuq ir-rival tiegħu. Ma nistgħux nappartjenu għall-istess Unjoni u nġibu rwieħna bħallikieku m'aħniex. Ma nistgħux inpoġġu f'riskju disa' deċiżjonijiet tajba b'azzjoni jew dikjarazzjoni waħda li tqajjem id-dubji dwar dak kollu li nkunu ksibna.

Din, Onorevoli Membri, hija d-dimostrazzjoni tal-qalba tal-kriżi politika ta' fiduċja li għandha l-Ewropa. Jekk l-atturi politiċi tal-Ewropa ma jżommux mar-regoli u mad-deċiżjonijiet li jkunu fasslu huma stess, kif jistgħu jikkonvinċu lil oħrajn li huma determinati li jsolvu l-kriżi flimkien?

Sur President,

Onorevoli Membri,

2. L-isfida – mod ġdid ta’ ħsieb għall-Ewropa

Kriżi ta’ fiduċja hija kriżi politika. U, it-tajjeb hu li, f’demokrazija, ma hemm l-ebda problema politika li għaliha ma nistgħux insibu soluzzjoni politika.

Huwa għalhekk li llum, hawnhekk, irrid niddibatti magħkom il-kwistjonijiet politiċi fundamentali - fejn ninsabu u kif irridu nimxu 'l quddiem. Irrid niffoka fuq id-direzzjoni politika u l-viżjoni li għandha tispira d-deċiżjonijiet tagħna ta’ politika.

Naturalment minix sejjer nelenka dawn id-deċiżjonijiet individwali kollha. Intom irċevejtu l-ittra li indirizzajt lill-President tal-Parlament Ewropew, u li tfisser il-prijoritajiet immedjati tal-Kummissjoni. Se niddiskutihom magħkom qabel ma nadottaw il-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni aktar tard fil-ħarifa.

Il-messaġġ tiegħi lilkom illum huwa dan: L-Ewropa teħtieġ direzzjoni ġdida. U, dik id-direzzjoni ma tistax tkun ibbażata fuq ideat qodma. L-Ewropa teħtieġ mod ġdid ta’ ħsieb.

Meta nitkellmu dwar il-kriżi, u aħna lkoll nitkellmu dwar il-kriżi, ġbidna tassew il-konsegwenzi kollha tal-azzjoni tagħna? Meta nitkellmu dwar il-globalizzazzjoni, u aħna lkoll nitkellmu dwar il-globalizzazzjoni, ikkunsidrajna tassew l-impatt tagħha fuq ir-rwol ta’ kull wieħed mill-Istati Membri tagħna?

Il-punt tat-tluq għal mod ġdid ta’ ħsieb għall-Ewropa huwa li niġbdu tassew il-konsegwenzi kollha tal-isfidi li qed niffaċċjaw li qed jibdlu d-dinja tagħna b’mod fundamentali.

Il-punt tat-tluq huwa li ma nibqgħux inwieġbu l-mistoqsijiet tal-futur bl-għodda tal-passat.

Sa mill-bidu tal-kriżi, darba wara l-oħra rajna li s-swieq globali interkonessi huma eħfef u għalhekk aktar qawwija minn sistemi politiċi nazzjonali frammentati. Dan jimmina l-fiduċja taċ-ċittadini fit-teħid ta’ deċiżjonijiet politiċi. Hu qed ikun riħ fil-qala għall-populiżmu u għall-estremiżmu fl-Ewropa u bnadi oħra.

Ir-realtà hija li f’dinja interkonnessa, l-Istati Membri tal-Ewropa waħedhom m’għadhomx aktar jistgħu jagħtu direzzjoni b’mod effettiv lill-kors tal-avvenimenti. Iżda fl-istess ħin, għadhom ma għammrux l-Unjoni tagħhom – l-Unjoni tagħna – bl-istrumenti meħtieġa biex din tkun tista’ tlaħħaq ma’ din ir-realità l-ġdida. Bħalissa ninsabu fi tranżizzjoni, f’mument deċiżiv. Dan il-mument jeħtieġ deċiżjonijiet u sens ta' tmexxija.

Iva, il-globalizzazzjoni titlob unità Ewropea akbar.

Aktar unità titlob aktar integrazzjoni.

Aktar integrazzjoni titlob aktar demokrazija, demokrazija Ewropea.

Fl-Ewropa dan ifisser l-ewwel u qabel kollox li naċċettaw li aħna lkoll ninsabu fl-istess dgħajsa.

Ifisser li rridu nirrikonoxxu l-komunalità tal-interessi Ewropej tagħna.

Ifisser li rridu nilqgħu l-interdependenza tad-destini tagħna.

U jfisser nitolbu sens vera ta’ responsabilità u solidarjetà komuni.

Għaliex meta inti tkun fuq dgħajsa f’nofs ta’ maltempata, il-lealtà assoluta hija l-minimu li inti titlob mill-membri l-oħra tal-ekwipaġġ.

Dan hu l-uniku mod li bih inżommu mal-pass tal-bidla. Hija l-unika triq li biha niksbu l-iskala u l-effiċjenza li ninħtieġu biex insiru attur globali. Hija l-unika triq li tħares il-valuri tagħna, għaliex din hija wkoll kwistjoni ta' valuri, f’dinja dejjem tinbidel.

Fis-Seklu 20, pajjiż ta’ 10 jew 15-il miljun ruħ biss seta' jkun potenza globali. Fis-Seklu 21, anki l-akbar pajjiżi Ewropej qed jirriskjaw li jsiru irrelevanti bejn ġganti globali bħal ma huma l-Istati Uniti jew iċ-Ċina.

L-istorja qed tħaffef il-pass tagħha. Biex ir-Renju Unit irdoppja l-PDG tiegħu kull ras kellhom jgħaddu 155 sena, 50 sena fil-każ tal-Istati Uniti u 15-il sena biss fil-każ taċ-Ċina. Iżda jekk tħarsu lejn xi wħud mill-Istati Membri l-ġodda, it-trasformazzjoni ekonomika li għaddejja xejn ma hi anqas impressjonanti.

L-Ewropa għandha l-assi kollha li hemm bżonn. Aktar milli kellhom ġenerazzjonijiet preċedenti li kienu ffaċċjati bi sfidi simili jew anki akbar.

Iżda rridu naġixxu kif xieraq u nimmobilizzaw flimkien dawn ir-riżorsi kollha.

Wasal iż-żmien li nqabblu l-ambizzjonijiet mad-deċiżjonijiet u mal-azzjonijiet.

Wasal iż-żmien li ma nibqgħux sejrin bir-reazzjonijiet biċċa biċċa u li ngħaddu biss bi żbrixx.

Wasal iż-żmien li nitgħallmu mil-lezzjonijiet tal-istorja u niktbu futur aħjar għall-Ewropa tagħna.

Sur President,

Onorevoli Membri,

3. Ir-reazzjoni għas-sitwazzjoni – “il-patt deċiżiv għall-Ewropa"

Dak li qed nitlob u dak li qed nippreżentalkom illum huwa Patt Deċiżiv għall-Ewropa.

Patt deċiżiv biex nipprojettaw il-valuri, il-libertà u l-prosperità tagħna lejn il-futur f’dinja globalizzata. Patt li jgħaqqad il-ħtieġa li nibqgħu bl-ekonomiji tas-suq soċjali tagħna fuq naħa, u l-ħtieġa li nirriformawhom, min-naħa l-oħra. Patt li jistabbilizza lill-UEM, jixpruna t-tkabbir sostenibbli u jerġa' jġib il-kompetittività. Patt li jistabbilixxi kuntratt ta’ fiduċja bejn il-pajjiżi tagħna, bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet Ewropej, bejn is-sħab soċjali u bejn iċ-ċittadini u l-Unjoni Ewropea.

Il-Patt Deċiżiv għall-Ewropa jfisser li:

Ma rridu nħallu l-ebda dubju dwar l-integrità tal-Unjoni jew l-irriversabilità tal-Euro. Il-pajjiżi l-aktar vulnerabbli m’għandhom iħallu l-ebda dubju dwar ir-rieda tagħhom li jirriformaw. Dwar is-sens ta’ responsabbiltà tagħhom. Iżda l-pajjiżi l-aktar b’saħħithom m’għandhom iħallu l-ebda dubju dwar ir-rieda tagħhom li jaqbżu għal xulxin. Dwar is-sens ta’ solidarjetà tagħhom. M’għandna nħallu l-ebda dubju li għandha d-determinazzjoni li nagħmlu r-riformi. Li aħna ddeterminat li NIRRIFORMAW FLIMKIEN.

L-idea li nistgħu nikbru mingħajr riforma, jew li nistgħu nkattru l-ġid waħedna, hija sempliċement falza. Irridu nagħrfu li ninsabu lkoll qed naffaċċjaw l-istess problema flimkien, u rridu nsolvuha flimkien.

Dan il-patt deċiżiv jirrekjedi t-tlestija ta’ unjoni ekonomika profonda u ġenwina, ibbażata fuq unjoni politika.

a) Unjoni Ekonomika

Nibda bl-ekonomija tal-Ewropa.

L-ewwel nett, għandna bżonn it-tkabbir. It-tkabbir sostenibbli.

It-tkabbir huwa l-għajxien tal-mudell tas-suq soċjali Ewropew tagħna: joħloq l-impjiegi u jsostni l-livell tal-għajxien tagħna. Iżda nistgħu nsostnu t-tkabbir biss jekk inkunu aktar kompetittivi.

Fil-livell nazzjonali jfisser li rridu nwettqu riformi strutturali li ilhom jiġu posposti għal għexieren ta' snin. L-immodernizzar tal-amministrazzjoni pubblika. It-tnaqqis tal-ħela fl-infiq, billi jiġu ffaċċjati l-interessi u l-privileġġi stabbiliti. Niftħu s-setturi protetti. Nirriformaw is-suq tax-xogħol biex nibbilanċjaw is-sigurtà mal-flessibilità. U niżguraw is-sostenibillità tas-sistemi soċjali.

Fil-livell Ewropew irrid nkunu aktar deċiżivi biex inżarmaw l-ostakoli, sew fiżiċi, ekonomiċi jew diġitali.

Irridu nlestu s-suq uniku.

Irridu nnaqsu d-dipendenza enerġetika tagħna u nisfruttaw il-potenzjal tagħna fejn tidħol l-enerġija sostenibbli.

Irridu nżidu l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi tagħna.

Il-promozzjoni tal-kompetitività f’setturi bħall-enerġija, it-trasport jew it-telekomunikazzjonijiet tista’ tiftaħ kompetizzjoni ġdida, tippromwovi l-innovazzjoni u tniżżel il-prezzijiet 'l isfel għall-konsumaturi u għan-negozji.

Il-Kummissjoni dalwaqt se tippreżenta Att dwar is-Suq Uniku II. Sabiex is-suq uniku jkun jista’ jistagħna, il-Kummissjoni se tkompli tkun soda u intransiġenti fid-difiża tar-regoli ta’ kompetizzjoni u ta’ kummerċ tagħha. Ħa ngħidha kif inħossha. Li kien għall-Istati Membri, nista’ ngħidilkom li dawn mhux se jirreżistu l-pressjoni minn korporazzjonijiet kbar jew potenzi esterni kbar.

Għandna bżonn noħolqu suq tax-xogħol Ewropew, u nagħmluha faċli għan-nies li jaħdmu f'pajjiż ieħor daqslikieku qegħdin pajjiżhom.

Irridu nesploraw it-tkabbir ekoloġiku u li nkunu ħafna aktar effiċjenti fl-użu tar-riżorsi tagħna.

Irridu nkunu aktar ambizzjużi fejn tidħol l-edukazzjoni, fejn tidħol ir-riċerka u l-innovazzjoni, u x-xjenza.

L-Ewropa tinsab fuq quddiem nett f’setturi kruċjali bħalma huma l-ajronawtika, l-industrija tal-karozzi, il-farmaċewtiċi u l-inġinerija, b’sehem fis-suq globali li jiżboq it-terz tas-suq kollu. Il-produttività industrijali żdiedet b’35 % tul l-aħħar 10 snin minkejja t-tnaqqis ekonomiku. U llum, madwar 74 miljun impjieg jiddependu fuq il-manifattura. Kull sena, il-kumpaniji li jkunu għadhom kif twaqqfu ġodda joħolqu erba' miljun impjieg. Irridu nibnu fuq dan billi ninvestu fil-politika industrijali l-ġdida tagħna u noħolqu ambjent ta’ negozju li jinkoraġġixxi l-imprenditorija u jsostni n-negozji ż-żgħar.

Dan ifisser li nagħmlu l-ambjent tat-tassazzjoni aktar sempliċi għan-negozji u aktar attraenti għall-investituri. Koordinazzjoni fiskali mtejba tkun ta’ benefiċċju għall-Istati Membri kollha.

Hemm bżonn ta’ politika ta’ kummerċ proattiva billi niftħu swieq ġodda.

Dan huwa l-potenzjal tal-ekonomija tal-Ewropa. Din hija l-minjiera tad-deheb li għad trid tiġi esplorata bis-sħiħ. Bl-implimentazzjoni sħiħa tal-Patt għat-Tkabbir li dwaru ntlaħaq qbil fil-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju nistgħu nimxu biċċa sewwa 'l quddiem.

U nistgħu anki nibqgħu mexjin, permezz ta’ baġit realistiku iżda ambizzjuż tal-Unjoni Ewropea, iddedikat għall-investiment, għat-tkabbir u għar-riforma. Ħa nkunu ċari, il-baġit Ewropew hija l-istrument għall-investiment fl-Ewropa u t-tkabbir fl-Ewropa. Il-Kummissjoni u dan il-Parlament, tabilħaqq il-forzi kollha pro-Ewropej, għaliex il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jaqblu mal-proposta tagħna, issa jridu jingħaqdu flimkien f'appoġġ għall-qafas finanzjarju multiannwali li jkun xieraq, li se jeħodna sal-2020. Ftit se jkun ta' piż għall-Istati Membri, speċjalment bis-sistema l-ġdida tar-riżorsi proprji li qed nipproponu. Iżda se jkun ta’ mbuttatura kbira lill-Istati Membri fejn tidħol l-ekonomija, ir-reġjuni, ir-riċerkaturi, l-istudenti, iż-żgħażagħ li qed ifittxu x-xogħol, u l-SMEs.

Huwa baġit għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali bejn l-Istati Membri u fi ħdan l-Istati Membri.

Huwa baġit li se jgħin ilesti s-suq uniku billi jagħlaq id-distakki fl-infrastruttura tagħna tal-enerġija, tat-trasport u tat-telekomunikazzjonijiet permezz tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa.

Huwa baġit għal agrikoltura moderna, mixħuta lejn it-tkabbir, li tkun kapaċi tgħaqqad is-sigurtà alimentari mal-iżvilupp rurali sostenibbli.

Huwa baġit li se jmexxi ‘l quddiem Ewropa innovattiva u ffokata fuq ir-riċerka intensiva permezz ta' Orizzont 2020. Għaliex neħtieġu din l-iskala Ewropea għar-riċerka.

Dan se jkun test reali tal-kredibbiltà għal ħafna mill-Istati Membri. Irrid nara jekk l-istess Stati Membri li l-ħin kollu jitkellmu dwar l-investiment u t-tkabbir issa humiex se jappoġġaw baġit għat-tkabbir fuq livell Ewropew.

Il-baġit huwa wkoll l-għodda li tappoġġa l-investiment fl-aġenda għat-tkabbir tagħna, Ewropa 2020, li għandna bżonn issa iktar minn qatt qabel.

Ewropa 2020 hija l-mod biex nimmodernizzaw u nippreservaw l-ekonomija soċjali tas-suq Ewropea.

Onorevoli Membri

L-aġenda tagħna ta’ riforma strutturali teħtieġ sforz maġġuri ta’ aġġustament. Tirnexxi biss jekk tkun ġusta u ekwitabbli. Għaliex l-inugwaljanza mhix sostenibbli.

F’xi partijiet tal-Ewropa qed naraw emerġenza soċjali reali.

Faqar dejjem jiżdied u livelli kbar ħafna ta' qgħad, speċjalment fost iż-żagħżagħ.

Huwa minnħabba dan li jeħtiġilna nsaħħu l-koeżjoni soċjali. Din hija karatteristika li tiddistingwi s-soċjetà Ewropea minn mudelli alternattivi.

Xi wħud jgħidu li, minħabba l-kriżi, il-mudell soċjali Ewropew miet. Jien ma naqbilx.

Iva, għandna bżonn nirriformaw l-ekonomiji tagħna u nimmodernizzaw is-sistemi ta' protezzjoni soċjali tagħna. Iżda sistema efettiva ta’ protezzjoni soċjali li tgħin lil dawk fil-bżonn mhix ostaklu għall-prosperità. Din hija element indispensabbli minnha. Huma preċiżament dawk il-pajjiżi Ewropej bis-sistemi ta' protezzjoni soċjali l-aktar effettivi u bis-sħubiji soċjali l-iktar żviluppati, li huma fost l-iktar ekonomiji ta' suċċess u kompetittivi fid-dinja.

Ġustizzja u ekwità tfisser li nagħtu ċans liż-żgħażagħ tagħna. Diġà qed nagħmlu ħafna. U qabel ma tintemm is-sena, il-Kummissjoni se tvara Pakkett għaż-Żgħażagħ li se jistabilixxi skema ta’ garanzija għaż-żgħażagħ u qafas ta’ kwalità biex jiffaċilitaw it-taħriġ vokazzjonali.

Ġustizzja u ekwità tfisser ukoll il-ħolqien ta’ sistemi ta’ tassazzjoni aħjar u iktar ġusti.

It-twaqqif ta’ frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa jaf jitfa' biljuni ekstra fil-fond pubbliku madwar l-Ewropa.

Huwa għalhekk li l-Kummissjoni se tiġġieled għal ftehim dwar id-direttiva reveduta dwar it-taxxa fuq it-tfaddil, u dwar mandati biex ikunu negozjati ftehimiet iktar b’saħħithom dwar it-taxxa fuq it-tfaddil ma’ pajjiżi terzi. It-tlestija tagħhom tkun sors ewlieni ta' dħul leġittimu mit-taxxi.

U l-Kummissjoni se tkompli tiġġieled għal Taxxa ġusta u ambizzjuża fuq it-Tranżazzjonijiet Finanzjarji li tiżgura li l-kontribwenti jibbenefikaw mis-settur finanzjarju, mhux biss li s-settur finanzjarju jibbenefika mill-kontribwenti. Issa li jidher ċar li qbil dwar din jista’ jseħħ biss permezz ta’ koperazzjoni msaħħa, il-Kummissjoni se tagħmel dak kollu li tista’ biex tmexxiha 'l quddiem malajr u b’mod effettiv mal-Istati Membri li jixtiequ jagħmlu dan. Għaliex dan kollu jirrigwarda l-ġustizzja. U l-Ġustizzja hija kundizzjoni essenzjali biex ir-riformi ekonomiċi neċessarji jkunu soċjalment u politikament aċċettabbli. U fuq kollox din hija kwistjoni ta’ ġustizzja, ġustizzja soċjali.

Sur President,

Onorevoli Membri,

Fid-dawl tal-kriżi, ittieħdu deċiżjonijiet importanti. Madwar l-Unjoni Ewopea, qed ikunu implimentati miżuri ta’ riforma u konsolidazzjoni. Ritensjonijiet finanzjarji konġunti qed jiddaħħlu fis-seħħ u l-Istituzzjonijiet Ewropej urew b'mod konsistenti li huma jappoġġaw l-Euro.

Il-Kummissjoni hija konxja sew li fl-Istati Membri li qed jimplimentaw l-iktar riformi intensi, hemm tbatija u qed isiru aġġustamenti diffiċli– xi drabi ħorox ħafna. Iżda huwa permezz ta' dawn ir-riformi biss li nistgħu naslu għal futur aħjar. Kienu ilhom meħtieġa. Li mmorru lura għall-istatus quo preċedenti sempliċiment mhux possibbli.

Il-Kummissjoni se tkompli tagħmel dak kollu li tista’ biex tappoġġa lil dawn l-Istati Membri u biex tgħinhom isaħħu t-tkabbir u l-impjiegi, pereżempju permezz ta’ pprogrammar mill-ġdid tal-fondi strutturali.

Ippermettuli ngħid kelmtejn dwar il-Greċja. Verament nemmen li għandna l-ooportunità li din il-ħarifa naslu biex indawru r-rotta. Jekk il-Greċja twarrab id-dubji kollha dwar l-impenn tagħha dwar ir-riforma. Iżda wkoll jekk il-pajjiżi l-oħra kollha jwarrbu d-dubji kollha dwar id-determinazzjoni tagħhom li jżommu lill-Greċja fiż-żona tal-Euro, nistgħu nirnexxu.

Nemmen li jekk il-Greċja żżomm sod mal-impenji tagħha hija għandha tibqa’ fiż-żona tal-Euro bħala membru tal-familja Ewropea.

L-iżgurar tal-istabbiltà taż-żona tal-Euro hija l-isfida l-iktar urġenti li għandna quddiemna. Din hija r-responsabbiltà konġunta tal-Istati Membri u l-Istituzzjonijiet tal-Komunità. Il-BĊE ma jistax u mhux se jiffinanzja gvernijiet. Iżda meta l-kanali ta’ politika monetarja ma jkunux qed jaħdmu sew, il-Kummissjoni temmen li jaqa’ taħt il-mandat tal-BĊE li dan jieħu l-azzjonijiet neċessarji, pereżempju fis-swieq sekondarji tad-dejn sovran. Il-BĊE mhux biss għandu d-dritt iżda wkoll id-dover li jirrestawra l-integrità tal-politika monetarja. Huwa ċertament f’idejn il-BĊE, bħala istituzzjoni indipendenti, li jiddetermina x’azzjonijiet għandu jwettaq u f’liema kundizzjonijiet. Iżda l-atturi kollha, u hawnhekk verament irrid infisser l-atturi kollha, għandhom jirrispettaw l-indipendenza tal-BĊE.

Onorevoli Membri,

Jiena tkellimt dwar il-miżuri ekonomiċi li jeħtieġ nimplimentaw b’urġenza. Dan huwa indispensabbli. Iżda mhux suffiċjenti. Jeħtieġ li mmorru lil hinn minn dan.

Jeħtieġ li nikkompletaw l-unjoni ekonomika u monetarja. Jeħtieġ li noħolqu unjoni bankarja u unjoni fiskali u l-mekkaniżmi istituzzjonali u politiċi korrispondenti.

Illum, il-Kummissjoni qed tippreżenta proposti leġiżlattivi għal mekkaniżmu superviżorju uniku Ewropew. Dan huwa pass fit-triq lejn l-unjoni bankarja.

Il-kriżi wriet li waqt li l-banek saru transnazzjonali, ir-regoli u s-superviżjoni baqgħu nazzjonali. U meta l-affarijiet marru ħażin, kienu l-kontribwenti li kellhom iħallsu.

Matul l-aħħar erba’ snin l-UE bidlet radikalment il-ktieb tar-regoli tal-banek, fuq quddiem fid-dinja fl-implimentazzjoni tal-impenji tal-G20. Iżda s-sempliċi koordinazzjoni ma għadhiex adegwata – jeħtieġ li nimxu lejn deċiżjonijiet superviżorji komuni, l-iktar fiż-żona tal-Euro.

Dan il-mekkaniżmu superviżorju uniku propost illum se joħloq arkitettura rinforzata, b’rwol ċentrali għall-Bank Ċentrali Ewropew, u artikolazzjoni xierqa mal-Awtorità Bankarja Ewropea, li se tirrestawra l-fiduċja fis-superviżjoni tal-banek fiż-żona tal-Euro.

Din se tkun superviżjoni għall-banek kollha taż-żona tal-Euro. Is-superviżjoni jeħtieġ li tkun tista’ tfittex kullimkien għax ir-riskji sistemiċi jistgħu jkunu kullimkien, mhux biss fl-hekk imsejħa banek sistemikament relevanti. Naturalment, dan kollu jseħħ f’sistema li tinvolvi bis-sħiħ is-superviżuri nazzjonali.

Il-pakkett jinkludi żewġ testi legali, wieħed fuq il-BĊE u l-ieħor dwar l-ABE, li jmorru id f’id. Huwa ċar li dan il-parlament se jkollu rwol importanti x’jaqdi fl-adozzjoni tal-mekkaniżmu l-ġdid, u wara dan fis-superviżjoni demokratika tiegħu.

Dan l-ewwel pass huwa kruċjali lejn l-unjoni bankarja li pproponejt quddiem din il-Kamra f’Ġunju. Li ndaħħlu s-superviżur Ewropew fis-seħħ hija l-ogħla prijorità għalissa, għaliex hija l-prekundizzjoni għall-immaniġġar aħjar tal-kriżijiet bankarji, minn riżoluzzjoni bankarja sa assigurazzjoni tad-depożiti.

B’mod parallel il-Kummissjoni se tkompli taħdem fuq ir-riforma fis-settur bankarju, biex tiżgura li taqdi r-rwol tagħha fil-finanzjament responsabbli tal-ekonomija reali. Dan iffisser it-titjib tal-finanzjament fuq terminu twil tal-SMEs u kumpaniji oħra. Dan ifisser regoli dwar indiċi ta’ referenza, sabiex ma nerġgħux naraw il-manipulazzjoni tar-rati tal-imgħax bankarji li jaffettwaw lill-kumpaniji u lid-detenturi ta’ ipoteki bl-istess mod. Dan ifisser leġiżlazzjoni biex tiżgura li l-banek jitrattaw lill-konsumaturi b’mod ġust u ħarsa oħra lejn l-istruttura tal-attivitajiet bankarji biex ikun eliminat ir-riskju inerenti.

F’dan kollu, ir-rwol ta’ dan il-Parlament huwa essenzjali. Il-Kummissjoni timpenja ruħha li taħdem mill-qrib magħkom.

Iżda hemm it-tieni element għal unjoni ekonomika iktar profonda huwa l-pass lejn l-unjoni fiskali.

L-argument favuriha huwa ċar: id-deċiżjonijiet ekonomiċi ta’ Stat Membru jħallu impatt fuq oħrajn. B’hekk għandna bżonn ta’ koordinazzjoni iktar b’saħħitha fil-politika ekonomika.

Għandna bżonn qafas iktar b’saħħtu u iktar vinkolanti għat-teħid tad-deċiżjonijiet nazzjonali għall-politiki ekonomiċi ewlenin, bħala l-uniku mod biex jiġu evitati l-iżbilanċi. Waqt li sar ħafna f’dan il-qasam, pereżempju permezz tal-pakkett ta' sitt proposti leġiżlattivi u tar-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiżi, passi ulterjuri huma kruċjali biex jikkumbinaw kundizzjonijiet speċifiċi ma’ inċentivi speċifiċi u sabiex verament jagħmlu l-unjoni ekonomika u monetarja sostenibbli.

Sabiex inwasslu għal riżultati dejjiema, jeħtieġ li niżviluppaw governanza ekonomika Komunitarja armata sew flimkien ma’ kapaċità fiskali Komunitarja ġenwina u kredibbli.

Biex nagħmlu dan ma għandniex bżonn li nisseparaw l-istituzzjonijiet jew noħolqu istituzzjonijiet ġodda. Pjuttost il-kuntrarju: biex dan ikun effettiv u rapidu, l-aħjar mod hu li naħdmu mal-istituzzjonijiet eżistenti u permezz tagħhom: Il-Kummissjoni Ewropea bħala l-awtorità indipendenti Ewropea, u b’superviżjoni tal-Parlament Ewropew bħala r-rappreżentazzjoni parlamentari fuq livell Ewropew.

U huwa f'tali qafas li biż-żmien, jistgħu jittieħdu passi għal mutwalizzazzjoni ġenwina tat-tifdija tad-dejn u ħruġ ta' dejn.

Għalhekk riforma ekonomika flimkien ma’ unjoni ġenwina ekonomika u monetarja: dawn huma l-magni li se jmexxuna 'l quddiem.

Il-Kummissjoni se tippubblika pjan għall-approfondiment tal-unjoni ekonomika u monetarja minn din il-ħarifa.

Dan il-pjan se jkun ippreżentat lil din il-Kamra. Għaliex dawn il-mistoqsijiet jeħtieġ li jkunu diskussi mar-rappreżentanti tal-poplu u mir-rappreżentanti tal-poplu.

Fl-istess waqt, dan se jjikkontribwixxi għad-dibattitu tal-Kunsill Ewropew ta’ Diċembru li se jkun imħejji mir-rapport li l-President tal-Kunsill Ewropew, jien stess u l-Presidenti tal-Bank Ċentrali Ewropew u tal-Eurogroup konna mitluba nippreżentaw.

Il-Pjan tagħna se jidentifika l-għodod u l-istrumenti, u jippreżenta l-għażliet għall-abbozz legali li jagħmilhom effettivi, mill-koordinazzjoni politika għall-kapaċità fiskali għat-tifdija tad-dejn. U, fejn neċessarju – bħal fil-każ ta’ dejn pubbliku garantit in solidum – se jidentifika l-bidliet neċessarji fit-trattat, għaliex uħud minn dawn il-bidliet jirrikjedu modifiki fit-Trattat. Huwa se jippreżenta pjan għal dak li neħtieġu biex nirnexxu mhux biss fil-ftit ġimgħat u xhur li ġejjin, iżda fis-snin li ġejjin.

Sur President,

Onorevoli Membri,

b) Unjoni Politika:

Fl-aħħar mill-aħħar, il-kredibbiltà u s-sostenibbiltà tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja jiddependu fuq l-istituzzjonijiet u l-istruttura politika warajha.

Huwa għalhekk li l-Unjoni Ekonomika u Monetarja tqajjem il-mistoqsija ta’ unjoni politika u d-demokrazija Ewropea li trid tirfidha.

Jekk irridu li unjoni ekonomika u monetarja tkun ta’ suċċess, jeħtieġ li nikkumbinaw ambizzjoni u sekwenzar adegwat. Jeħtieġ li nieħdu passi konkreti issa, b’unjoni politika bħala l-orizzont tagħhom.

Nixtieq nara l-iżvilupp ta’ spazju pubbliku Ewropew, fejn kwistjonijiet Ewropej ikunu diskussi u dibattuti minn perspettiva Ewropea. Ma nistgħux nibqgħu nippruvaw insolvu l-problemi Ewropej b’soluzzjonijiet nazzjonali biss.

Dan id-dibattitu jrid isir fis-soċjetajiet tagħna u fost iċ-ċittadini tagħna. Iżda llum nixtieq nagħmel ukoll appell lill-ħassieba Ewropej. Lill-irġiel u lin-nisa ta’ kultura, biex jingħaqdu f’dan id-dibattitu dwar il-futur tal-Ewropa. U nagħmel dan l-appell lilkom. Din hija l-Kamra tad-demokrazija Eropea. Jeħtieġ li nsaħħu r-rwol tal-Parlament Ewropew fuq livell Ewropew.

U jeħtieġ li nippromwovu kumplimentarjetà u kooperazzjoni ġenwina bejn il-parlamenti Ewropej u dawk nazzjonali.

Dan ukoll ma jistax isir mingħajr it-tisħiħ tal-Partiti Politiċi Ewropej. Bosta drabi għandna nuqqas reali ta’ konnessjoni bejn il-partiti politiċi fil-kapitali u l-partiti politiċi Ewropej hawnhekk fi Strasburgu. Huwa għalhekk li rridu nirrikonoxxu li d-dibattitu politiku ħafna drabi jsir daqs li kieku kien biss bejn partiti nazzjonali. Anki fl-Elezzjonijiet Ewropej ma narawx l-isem tal-partiti politiċi Ewropej fuq il-kaxxa tal-voti, iżda naraw dibattitu nazzjonali bejn partiti politiċi nazzjonali. Huwa għalhekk li għandna bżonn ta’ statut imsaħħaħ għall-partiti politiċi Ewropej. Inħossni kburi li nħabbar li l-Kummissjoni adottat proposta dwar dan illum.

Mezz importanti biex ikun approfondit id-dibattitu pan-Ewropew ikun il-preżentazzjoni mill-partiti politiċi Ewropej tal-kandidat tagħhom għall-kariga ta’ President tal-Kummissjoni diġà mill-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fl-2014. Dan jista’ jsir mingħajr bidla fit-Trattat. Dan ikun pass deċiżiv biex il-possibbiltà ta’ għażla Ewropea offruta minn dawn l-elezzjonijiet tkun saħansitra iktar ċara. Insejjaħ lill-partiti politiċi biex jimpenjaw ruħhom għal dan il-pass u b’hekk biex dawn l-elezzjonijiet Ewropej isiru iktar Ewropej.

Sur President,

Onorevoli Membri,

Unjoni Ewropea verament politika tfisser li jrridu nikkonċentraw l-azzjoni Ewropea fuq il-kwistjonijiet reali li huma ta' importanza u li jridu jkunu trattati fuq livell Ewropew. Ejja nkunu ċari dwar dan: mhux kollox jista' jkun prijorità fl-istess waqt. Hawnhekk, forsi wieħed jista' japplika ftit awtokritika.

Integrazzjoni kif suppost tirrigwarda perspettiva ġdida lejn f’liema livell huwa l-iktar xieraq li tittieħed azzjoni. Is-sussidjarità hija kunċett demokratiku essenzjali u għandha tkun prattikata.

Unjoni politika tfisser ukoll li aħna jrridu nsaħħu l-pedamenti li fuqhom hija mibnija l-Unjoni tagħna: ir-rispett għall-valuri fundamentali tagħna, għall-istat tad-dritt u għad-demokrazija.

Fix-xhur riċenti rajna theddid għall-istruttura legali u demokratika fi wħud mill-istati Ewropej tagħna. Il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni kienu tal-ewwel li ġibdu l-attenzjoni għal dan u kellhom ir-rwol deċiżiv li jaraw li dawn l-iżviluppi preokkupanti jkunu kkontrollati.

Iżda dawn is-sitwazzjonijiet kixfu wkoll il-limiti tal-arranġamenti istituzzjonali tagħna. Għandna bżonn ta’ sett ta’ strumenti żviluppati aħjar– mhux biss l-alternattiva tas-'setgħa prudenti' (“soft power”) tal-persważjoni politika u l-'għażla nukleari' tal-Artikolu 7 tat-Trattat.

L-impenn tagħna li nsostnu l-istat tad-dritt huwa wkoll ir-raġuni wara l-intenzjoni tagħna li nwaqqfu Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, kif previst mit-Trattati. Se niġu għandkom bi proposta fi żmien qasir.

Sur President,

Onorevoli Membri,

Unjoni politika tfisser ukoll li nagħmlu aktar sabiex inwettqu r-rwol globali tagħna. Li naqsmu s-sovranità fl-Ewropa jfisser li nkunu aktar sovrani f'dinja globali.

Fid-dinja ta' llum, id-daqs huwa importanti.

U l-valuri jagħmlu differenza.

Huwa għalhekk li l-messaġġ tal-Ewropa jrid ikun wieħed ta' libertà, demokrazija, ta' stat tad-dritt u solidarjetà. Fi ftit kliem, il-valuri tagħna, il-valuri Ewropej.

Aktar minn qatt qabel, iċ-ċittadini tagħna u l-ordni globali l-ġdid jeħtieġu Ewropa attiva u influwenti. Dan mhux għalina biss, għall-bqija tad-dinja huwa importanti li aħna nirnexxu. Ewropa li tiddefendi l-valuri tagħha. U Ewropa li tiddefendi t-twemmin tagħha li d-drittijiet tal-bniedem mhumiex lussu għad-dinja żviluppata, iżda għandna nħarsu lejhom bħala valuri universali.

Is-sitwazzjoni terribbli fis-Sirja tfakkarna li ma nistgħux nippermettu lilna nfusna li nibqgħu b'idejna marbuta. Huwa meħtieġ li titfaċċa Sirja ġdida u demokratika. Għandna responsabbiltà konġunta biex naraw li dan iseħħ. U sabiex naħdmu ma' dawk fl-ordni globali li wkoll jeħtieġu li jagħtu l-kooperazzjoni tagħhom għal dan l-għan.

Id-dinja teħtieġ UE li żżomm il-pożizzjoni tagħha fuq quddiem nett tal-għajnuna għall-iżvilupp u umanitarja. UE li tiddefendi l-ekonomiji miftuħa u tiġġieled kontra l-protezzjoniżmu. UE li tmexxi l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.

Id-dinja teħtieġ Ewropa li tkun kapaċi tibgħat missjonijiet militari sabiex tgħin fl-istabbilizzazzjoni tas-sitwazzjoni f'żoni ta' kriżi. Jeħtieġ li nniedu analiżi komprensiva tal-kapaċitajiet Ewropej u nagħtu bidu għal ippjanar tad-difiża tassew kollettiv. Iva, jinħtieġ li nsaħħu l-Politika Esterna u tas-Sigurtà Komuni u approċċ komuni lejn kwistjonijiet tad-difiża għaliex flimkien għandna s-saħħa, u l-iskala sabiex nibdlu d-dinja f'waħda aktar ġusta, ibbażata fuq ir-regoli u li tirrispetta d-drittijiet tal-bniedem.

Sur President,

Onorevoli Membri

4. Bidla fit-Trattat, dimensjoni 17/27 u espansjoni tad-dibattitu pubbliku

a) Federazzjoni ta' stati nazzjon – Bidla fit-Trattat

Unjoni ekonomika u monetarja profonda u ġenwina, unjoni politika, b'politika barranija u tad-difiża koerenti, tfisser fl-aħħar mill-aħħar li l-Unjoni Ewropea preżenti trid tevolvi.

Ejjew ma nibżgħux minn dawn il-kliem: jenħtieġ li nimxu lejn federazzjoni ta' stati nazzjon. Dan huwa dak li neħtieġu. Dan huwa l-orizzont politiku tagħna.

Dan huwa dak li għandu jiggwidana fil-ħidma tagħna fis-snin li ġejjin.

Illum, qed insejjaħ għal federazzjoni ta' stati nazzjon. Mhux għal stat fuq l-istati. Federazzjoni demokratika ta' stati nazzjon li tista' tiffaċċja l-problemi komuni tagħna, permezz tal-qsim tas-sovranità b'mod li kull pajjiż u kull ċittadin ikunu mgħammra aħjar sabiex jikkontrollaw id-destin tagħhom. Qed nitkellem dwar l-Unjoni mal-Istati Membri, u mhux kontra l-Istati Membri. Fl-era tal-globalizzazzjoni, is-sovranità magħquda tfisser aktar saħħa, u mhux anqas.

U dan għidtu apposta, federazzjoni ta' stati nazzjon għaliex f'dawn iż-żminijiet ta' taqlib, dawn iż-żminijiet ta' ansjetà, ma għandniex inħallu d-difiża tan-nazzjon biss f'idejn in-nazzjonalisti u l-populisti. Nemmen f'Ewropa fejn in-nies huma kburin bin-nazzjonijiet tagħhom iżda kburin ukoll li huma Ewropej u kburin bil-valuri Ewropej tagħna.

Il-ħolqien ta' din il-federazzjoni ta' stati nazzjon fl-aħħar mill-aħħar se jkun jeħtieġ Trattat ġdid.

Dan m'iniex qed ngħidu mingħajr riflessjoni. Ilkoll kemm aħna nafu kemm sar diffiċli li ssir bidla fit-trattati.

Hija teħtieġ tħejjija tajba.

Id-diskussjonijiet dwar il-bidla fit-trattati m'għandhomx ittellfuna jew idewmuna milli nagħmlu dak li jista' u jrid diġà jsir illum.

Unjoni ekonomika u monetarja profonda u ġenwina tista' tinbeda taħt it-Trattati kurrenti, iżda tista' titlesta biss b'bidliet fit-trattati. Għalhekk ejjew nibdewha issa imma ejja nżommu l-orizzont tal-futur preżenti fid-deċiżjonijiet ta' llum.

M'għandniex nibdew b'bidla fit-trattat. Irridu nidentifikaw il-politiki li neħtieġu u l-istrumenti biex nimplimentawhom. Ikun biss meta nagħmlu dan li nkunu nistgħu niddeċiedu dwar l-għodod li huma nieqsa u l-mezzi biex nirrimedjaw għal dan.

Imbagħad irid ikun hemm dibattitu wiesa' madwar l-Ewropa kollha. Dibattitu li jrid isir qabel ma jissejħu konvenzjoni u Konferenza Intergovernattiva. Dibattitu b'dimensjoni tassew Ewropea.

Iż-żmien tal-integrazzjoni Ewropea bil-kunsens impliċitu taċ-ċittadini għadda. L-Ewropa ma tistax tkun teknokratika, burokratika u lanqas diplomatika. L-Ewropa trid tkun dejjem aktar demokratika. Ir-rwol tal-Parlament Ewropew huwa essenzjali. Huwa għalhekk li l-elezzjonijiet Ewropej tal-2014 jistgħu jkunu daqshekk deċiżivi.

Qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew li jmiss tal-2014, il-Kummissjoni se tippreżenta l-viżjoni tagħha għall-Unjoni Ewropea tal-futur. U se nippreżentaw ideat espliċiti għal bidla fit-Trattat kmieni biżżejjed biex ikun hemm dibattitu.

Se nippreżentaw l-objettivi li għandhom jiġu segwiti, il-mod kif l-istituzzjonijiet jistgħu jagħmlu l-Unjoni Ewropea aktar miftuħa u demokratika, il-poteri u l-istrumenti sabiex jagħmluha aktar effettiva, u l-mudell sabiex din issir unjoni għall-popli tal-Ewropa. Nemmen li neħtieġu dibattitu ta' veru u li f'demokrazija l-aħjar mod biex isir dibattitu huwa permezz ta' elezzjonijiet fuq il-livell Ewropew fuq il-futur tagħna u l-miri tagħna;

b) dimensjoni 17/27

Sur President, Onorevoli Membri

Dan mhux biss dibattitu għaż-żona tal-Euro bil-membri preżenti tagħha.

Filwaqt li integrazzjoni aktar profonda hija indispensabbli għaż-żona tal-Euro u l-membri tagħha, dan il-proġett għandu jkun miftuħ għall-Istati Membri kollha

Irrid inkun ċar ħafna: Fl-Ewropa, ma neħtiġux aktar ħitan jifirduna! Għaliex l-Unjoni Ewropea hija aktar b'saħħitha jekk iżżomm l-integrità tas-suq uniku tagħha, is-sħubija tagħha u l-istituzzjonijiet taghħa.

Ħadd mhu se jiġi sfurzat biex jiġi magħna. U ħadd mhu se jiġi sfurzat biex jibqa' barra. Il-pass mhux se jkun iddettat minn dawk li jimxu l-aktar bil-mod jew dawk li huma l-aktar dubjużi.

Huwa għalhekk li l-proposti tagħna se jkunu bbażati fuq l-Unjoni eżistenti u l-istituzzjonijiet tagħha, fuq il-metodu Komunitarju. Irridu nkunu ċari – hemm Unjoni Ewropea waħda biss. Kummissjoni waħda, Parlament Ewropew wieħed. Aktar demokrazija, aktar trasparenza, aktar responsabbiltà, ma jinħolqux bi proliferazzjoni ta' istituzzjonijiet li jrendu l-UE aktar kumplikata, aktar diffiċli biex tifimha, anqas koerenti u anqas kapaċi taġixxi.

c) Nespandu d-dibattitu pubbliku:

Onorevoli membri, din hija d-dimensjoni tad-deċiżjonijiet li se nkunu meħtieġa li nieħdu matul iż-żmien.

Huwa għalhekk li nemmen li neħtieġu diskussjoni serja bejn iċ-ċittadini tal-Ewropa dwar fejn sejrin.

Dwar il-konsegwenzi possibbli tal-frammentazzjoni. Għaliex dak li jista' jiġri xi kultant huwa li, permezz ta' konsegwenzi mhux ippjanati, ikollna frammentazzjoni meta ma rriduhiex.

Dwar dak li nistgħu niksbu jekk il-mexxejja jevitaw il-provinċjaliżmu nazzjonali, dak li nistgħu niksbu flimkien.

Irridu nużaw l-elezzjoni tal-2014 sabiex nimmobilizzaw il-forzi kollha li huma favur l-Ewropa. Jinħtieġ li ma nippermettux lill-populisti u lin-nazzjonalisti jistabbilixxu aġenda negattiva. Nistenna lil dawk kollha li jsejħu lilhom infushom Ewropej iqumu bil-wieqfa u jieħdu l-inizjattiva fid-dibattitu. Għaliex aktar perikolużi mix-xettiċiżmu ta' dawk li huma kontra l-Ewropa huma l-indifferenza jew il-pessimiżmu ta' dawk li huma favur l-Ewropa.

Sur President,

Onorevoli Membri,

5. Konklużjoni: dan huwa realistiku?

Fil-qosor, li neħtieġu huwa patt deċiżiv sabiex inlestu l-EMU, abbażi ta' impenn politiku favur Unjoni Ewropea aktar b'saħħitha.

Is-sekwenza li qed nippreżentalkom illum hija ċara.

Għandna nibdew billi nagħmlu dak li nistgħu sabiex nistabbilizzaw iż-żona tal-euro u naċċelleraw it-tkabbir fl-UE kollha kemm hi. Il-Kummissjoni se tippreżenta l-proposti neċessarji, u bdejna llum bil-kontrollur uniku, sabiex tinħoloq unjoni bankarja, f'konformità mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat kurrenti.

It-tieni, se nippreżentaw il-pjan tagħna għal unjoni ekonomika u monetarja profonda u ġenwina, inklużi l-istrumenti politiċi, u dan se jsir din il-ħarifa stess.

Hawn ukoll se nippreżentaw il-proposti kollha li huma konformi mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat kurrenti.

It-tielet, fejn ma nistgħux nimxu 'l quddiem taħt it-trattati eżistenti, se nippreżentaw proposti espliċiti għat-tibdiliet meħtieġa fit-Trattati qabel l-elezzjoni Parlamentari Ewropea li jmiss fl-2014, inklużi elementi għat-tisħiħ tad-demokrazija u r-responsabbiltà.

Dan huwa l-proġett tagħna. Proġett li huwa pass pass, iżda li għandu ambizzjoni kbira għall-futur b'Federazzjoni bħala l-orizzont tagħna għall-Ewropa.

Bosta se jgħidu li dan huwa ambizzjuż wisq, li mhuwiex realistiku.

Iżda nistaqsikom – huwa realistiku li nkomplu għaddejjin kif għamilna s'issa? Huwa realistiku li naraw dak li qed naraw illum f'bosta pajjiżi Ewropej? Huwa realistiku li naraw lill-kontribwenti tat-taxxa jħallsu lill-banek u mbagħad ikollhom jagħtu d-djar li ħallsu għalihom lura lill-banek għaliex ma jistgħux iħallsu lura s-self tagħhom fuqhom? Huwa realistiku li naraw lil aktar minn 50% taż-żgħażagħ mingħajr impjiegi f'xi wħud mill-Istati Membri tagħna? Huwa realistiku li nkomplu nsibu soluzzjonijiet temporanji u nakkumulaw l-iżbalji b'soluzzjonijiet mhux konvinċenti? Huwa realistiku li naħsbu li nistgħu nirbħu l-kunfidenza tas-swieq meta nuru daqstant ftit kunfidenza f'xulxin?

Għalija, hija din ir-realtà li mhix realistika. Din ir-realtà ma tistax tkompli.

It-triq realistika 'l quddiem hija dik li tagħmilna aktar b'saħħitna u aktar magħquda. Ir-realiżmu huwa li npoġġu l-ambizzjoni tagħna fuq l-istess livell bħall-isfidi li għandna quddiemna. Nistgħu naslu! Ejjew ngħaddu liż-żgħażagħ tagħna messaġġ ta' tama. Jekk għandna nxaqilbu f'xi direzzjoni, ejjew inxaqilbu lejn it-tama. Għandna nkunu kburin li aħna Ewropej. Kburin bil-kultura rikka u diversa tagħna. Minkejja l-problemi kurrenti tagħna, is-soċjetajiet tagħna huma fost l-aktar umani u ħielsa fid-dinja.

M'għandniex għalfejn nitolbu skuża għad-demokrazija tagħna, għall-ekonomija soċjali tas-suq u għall-valuri tagħna. B'livelli għolja ta' koeżjoni soċjali. B'rispett għad-drittijiet tal-bniedem u d-dinjità umana. B'ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u rispett għall-ambjent tagħna. Dawn is-soċjetajiet Ewropej, bil-problemi kollha tagħhom, huma fost l-aktar soċjetajiet diċenti fl-istorja tal-bniedem u naħseb li għandna nkunu kburin b'dan. Fil-pajjiżi tagħna, ma jseħħx li żewġ tfajliet jew tlieta jmorru l-ħabs għaliex ikantaw u jikkritikaw il-mexxej ta' pajjiżhom. Fil-pajjiżi tagħna, in-nies huma liberi u kburin b'dik il-libertà u n-nies jifhmu xi tfisser li jkollok dik il-libertà. F'bosta mill-pajjiżi tagħna, jiġifieri l-aktar Stati Membri riċenti, hemm memorja riċenti ta' x'kienu d-dittatorjat u t-totalitariżmu.

Għalhekk, il-ġenerazzjonijiet ta' qabilna għelbu sfidi akbar. Issa huwa f'idejn din il-ġenerazzjoni sabiex turi li tista' tilqa' din l-isfida.

Issa huwa l-mument għal dawk kollha li jappoġġaw l-Ewropa sabiex iħallu warajhom it-tkomplija tal-passat u jħaddnu l-kostruzzjoni tal-futur. L-Unjoni Ewropea nbniet sabiex tiggarantixxi l-paċi. Illum, dan ifisser li nagħtu lill-Unjoni tagħna l-kapaċità sabiex tilqa' l-isfidi tal-globalizzazzjoni.

Huwa għalhekk li neħtieġu mod ġdid kif naħsbu fl-Ewropa, patt deċiżiv għall-Ewropa. Huwa għalhekk li jenħtieġ li niggwidaw lilna nfusna bil-valuri li huma fil-qalba tal-Unjoni Ewropea. Jiena nemmen li l-Ewropa għandha ruħ. Din ir-ruħ tista' tagħtina s-saħħa u d-determinazzjoni sabiex nagħmlu dak li hu meħtieġ.

Intom tistgħu tiddependu fuq il-Kummissjoni Ewropea. Jien inqiegħed il-fiduċja tiegħi fikom, il-Parlament Ewropew. Flimkien, bħala istituzzjonijiet tal-Komunità se nibnu Ewropa aħjar, aktar b'saħħitha u aktar magħquda, Unjoni taċ-ċittadini għall-futur tal-Ewropa iżda wkoll għall-futur tad-dinja.

Grazzi tal-attenzjoni.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website