Navigation path

Left navigation

Additional tools

José Manuel Durão Barroso President tal-Kummissjoni Ewropea Tiġdid Ewropew – Stat tal-Unjoni Diskors 2011 Il-Parlament Ewropew Strasburgu, 28 ta' Settembru 2011

European Commission - SPEECH/11/607   28/09/2011

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

SPEECH/11/607

José Manuel Durão Barroso

President tal-Kummissjoni Ewropea

Tiġdid Ewropew – Stat tal-Unjoni Diskors 2011

Il-Parlament Ewropew

Strasburgu, 28 ta' Settembru 2011

Sur President,

Sinjuri Deputati,

Sur Ministru,

Irridu nkunu onesti u assolutament ċari fl-analiżi tal-Istat tal-Unjoni.

Nemmen li llum-il ġurnata qegħdin inħabbtu wiċċna mal-akbar sfida fl-istorja tal-Unjoni tagħna.

Din hija kriżi finanzjarja, ekonomika u soċjali. Iżda wkoll kriżi ta’ fiduċja. Kemm fir-rigward tal-mexxejja tagħna b’mod ġenerali kif ukoll fil-mexxejja tal-Ewropa nnifisha, fil-kapaċità tagħna li nibdlu l-affarijiet għall-aħjar.

L-għeruq tal-kriżi huma ċari: l-Ewropa ma tat l-ebda tweġiba għall-isfidi marbuta mal-kompetittività. Għadd ta' Stati Membri ċedew għat-tentazzjoni li jonfqu iżjed milli fil-fatt setgħu. Fis-swieq finanzjarji rnexxielhom jinfirxu ċerti mġibiet irresponsabbli u xejn xierqa. Ħallejna żbilanċi serji jinfilsu bejn l-Istati Membri tagħna, b'mod partikolari fiż-żona tal-Ewro.

Dawn il-problemi ġew ikkumplikati bil-bidliet kbar fl-ordni internazzjoni, u l-impatt tal-globalizzazzjoni kompla jaggrava s-sitwazzjoni.

U dan huwa r-riżultat: tħassib profond fis-soċjetajiet tagħna. Ħafna miċ-ċittadini għandhom biża’ dwar il-ġejjieni. Iktar minn qatt qabel hemm periklu li ningħalqu f’fortizzi nazzjonali, biex ma ngħidux spirtu ta’ nazzjonaliżmu.

Ir-risposti populisti qegħdin jitfgħu dubju fuq l-akbar kisbiet tal-Unjoni: l-Euro, is-Suq Uniku, u saħansitra l-moviment ħieles tal-persuni.

Jiena nemmen li llum il-kriżi tad-dejn sovran hija qabel kollox kriżi tal-fiduċja politika. U ċ-ċittadini tagħna, kif ukoll id-dinja ta’ madwarna josservawna u jistaqsu lilhom innfushom – aħna tassew Unjoni ? Għandna verament il-mezzi u r-rieda biżżejjed biex nappoġġjaw il-munita komuni?

L-Istati Membri l-iktar vulnerabbli huma ddeterminati li jagħmlu r-riformi indispensabbli ?

L-Istati Membri li l-aktar sejrin tajjeb huma verament lesti li juru solidarjetà?

L-Ewropa hija verament kapaċi li tikseb it-tkabbir u tiġġenera l-impjiegi ?

U jien llum ngħidilkom:

Iva, ninsabu f’sitwazzjoni gravi iżda hemm soluzzjonijiet għal din il-kriżi.

Hemm ġejjieni għall-Ewropa.

Jekk nerġgħu nistabilixxu l-fiduċja, u biex nerġgħu nistabilixxu l-fiduċja għandna bżonn l-istabbiltà, it-tkabbir, kif ukoll ir-rieda politika, u t-tmexxija politika.

Flimkien, aħna għandna nipproponu tiġdid Ewropew liċ-ċittadini tagħna.

Irridu nfissru fil-fatti dak li semmejna fid-Dikjarazzjoni ta’ Berlin, iffirmata mill-Kummissjoni, mill-Parlament, mill-Kunsill Ewropew, fl-Okkażjoni tal-Ħamsin Anniversarju tal-firma tat-Trattati ta’ Ruma – dakinhar konna ngħidu «Wir leben heute miteinander, wie es nie zuvor möglich war. Wir Bürgerinnen und Bürger der Europäischen Union sind zu unserem Glück vereint." "Illum ngħixu flimkien bħalma qatt ma stajna nagħmlu qabel. Aħna, iċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropa, ingħaqadna biex nimxu ’l quddiem." Din hija dikjarazzjoni u l-kliem jgħoddu. Din ir-rieda għandha tiġi tradotta fil-kuraġġ ta' kuljum.

Aħna nistgħu nirnexxu jekk naħdmu flimkien mal-istituzzjonijiet tagħna, u mhux jekk nirreaġixxu kontrihom.

Nafu, li xi wħud qegħdin jinsistu fuq il-ħtieġa tal-istabbiltà. Oħrajn qegħdin jinsistu fuq il-ħtieġa tat-tkabbir.

Personalment, il-fehma tiegħi hija li neħtiġuhom it-tnejn li huma.

Uħud jippriedkaw id-dixxiplina. Oħrajn huma favur is-solidarjetà.

Fil-fatt għandna bżonnhom it-tnejn li huma.

M'għadux żmien ta’ soluzzjonijiet bil-biċċa l-biċċa, soluzjonijiet parzjali. Neħtieġu determinazzjoni għal soluzzjonijiet globali. Livell ta' ambizzjoni ogħla għall-Ewropa.

Jiena nemmen tassew li llum ninsabu fi żmien ta’ bidla fundamentali tal-istorja tagħna. Wieħed minn dawk il-mumenti fejn jekk ma nimxux ‘il quddiem fl-integrazzjoni, nirriskjaw il-frammentazzjoni.

Għalhekk hija meħtieġa rieda politika, u fidi kbira għall-ġenerazzjoni kollha tagħna.

U ngħidilkhom, iva, huwa possibbli li noħorġu minn din il-kriżi. Mhux biss huwa possibbli, huwa neċessarju. U t-tmexxija politika hija dan, li dak li huwa neċessarju jsir possibbli.

Onorevoli membri,

Nixtieq nibda bil-Greċja. Il-Greċja hija, u ser tibqa', membru taż-żona tal-euro. Il-Greċja għandha timplimenta l-impenji tagħha bis-sħiħ u fil-waqt. Min-naħa tagħhom, il-membri taż-żona tal-Euro wiegħdu li jgħinu lill-Greċja u lil xulxin. Kif ġie ddikjarat fis-Samit taż-Żona tal-Euro tal-21 ta' Lulju: "Aħna ddeterminati li nkomplu nipprovdu l-appoġġ tagħna lil pajjiżi skont il-programmi sakemm dawn jergħu jiksbu aċċess għas-suq, sakemm dawn il-pajjiżi jimplimentaw dawn il-programmi."

Din hija r-raġuni għaliex ħloqt Task Force għall-Greċja.

Għadna kif nedejna pjan ta' azzjoni msejjes fuq żewġ elementi ewlenin:

  • Madwar 100 proġett vijabbli u ta' kwalità għolja, b'investiment fir-reġjuni Griegi kollha, sabiex ikun jista' jsir l-aħjar użu mill-ammont li għad fadal tal-allokazzjoni għall-Greċja taħt il-fondi strutturali.

  • Spinta qawwija biex jitnaqqsu l-proċeduri burokratiċi fl-applikazzjoni u t-trattament ta' proġetti kofinanzjati mill-Ewropa.

Il-Greċja għad fadlilha 15-il biljun Euro mill-fondi strutturali x'tonfoq. Dan ll-ammont ser jappoġġja lill-ekonomija Griega bi programm urġenti ta' assistenza teknika għall-amministrazzjoni Griega.

Barra minn hekk, diġà jinsab għaddej programm ta' 500 miljun Euro sabiex jiġi garantit is-self li ħareġ il-Bank Ewropew tal-Investiment lil SMEs Griegi.

Il-Kummissjoni qiegħda tikkunsidra wkoll mekkaniżmu usa' ta' garanzija li jgħin lill-banek jerġgħu jibdew isellfu lill-ekonomija reali.

Dan kollu jirrapreżenta għajnuna enormi biex il-Greċja terġa' tiġi fuq saqajha u l-Greċja trid tikseb riżultati konkreti. Hija ma għandhiex tibqa' għaddejja bi prattiki kontroproduċenti u tiġġieled l-interessi personali.

Iżda dwar dan irridu nkunu ċari: Din mhijiex ġirja qasira, iżda hija maratona.

Id-dmir li tinbena Unjoni ta' Stabbiltà u Responsabbiltà mhuwiex biss tal-Greċja.

Il-prospetti ekonomiċi li qed inħabbtu wiċċna magħhom huma diffiċli ħafna. Qegħdin naffaċċjaw l-effetti negattivi ta' rivalutazzjoni globali tar-riskji li għadha għaddejja. Għaldaqstant, hija fir-responsabbiltà tagħna li nreġġgħu lura l-fiduċja u nafdaw bis-sħiħ fl-Euro u fl-Unjoni.

U aħna nistgħu nagħmlu dan billi nuru li għandna l-ħila nieħdu d-deċiżjonijiet kollha meħtieġa biex namministraw munita komuni u ekonomija integrata b'manjiera kompetittiva, inklużiva u b'użu effiċjenti tar-riżorsi. Biex nagħmlu dan jeħtieġ li naġixxu fuq perjodu qasir, medju u anke fit-tul.

L-ewwel pass li għandna nagħmlu huwa li nirranġaw malajr il-mod li bih nirreaġixxu għall-kriżi tad-dejn sovran.

Dan ser jitlob mekkaniżmu aktar b'saħħithom biex tinsab soluzzjoni għall-kriżi. Jeħtieġ li lill-euro nipprovdulha mezzi biex tkun tista' tikseb riżultati b'mod kredibbli u biex tiġi mħarsa b'mod effettiv.

Aħna rridu nibnu kemm fuq l-FESF u kif ukoll fuq il-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà li qegħdin niżviluppaw bħalissa.

Il-FESF għandu jkun aktar b'saħħtu u aktar flessibbli minnufih. Il-Kummissjoni diġà pproponiet dan kollu f'Jannar. Il-Kapijiet tal-Istati u tal-Gvernijiet taż-żona tal-euro qablu dwar dan fil-21 ta' Lulju. Huwa biss ladarba intom tirratifikaw dan, li lill-FESF inkunu nistgħu nużawha biex :

  • nagħmlu interventi ta' prekawzjoni;

  • nintervjenu għall-appoġġ tar-rikapitalizzazzjoni tal-banek,

  • nintervjenu fis-swieq sekondarji biex il-problemi ma jinfirxux.

Ladarba l-FESF jiġi rratifikat, aħna għandna nagħmlu l-aktar użu effiċjenti mill-pakkett finanzjarju tagħha. Il-Kummissjoni qiegħda taħdem fuq alternattivi oħrajn għal dan il-għan.

Barra minn hekk, aħna għandna nagħmlu dak kollu possibbli biex naċċelleraw id-dħul fis-seħħ tal-MES.

U aħna ċerti li l-Bank Ċentrali Ewropew – fir-rispett sħiħ tat-Trattati – ser jagħmel dak kollu possibbli biex jinżgura l-integrità taż-żona tal-Euro u jiżgura l-istabbiltà finanzjarja.

Iżda ma nistgħux nieqfu hawn. Aħna għandna napprofondixxu l-koordinazzjoni u l-integrazzjoni ekonomika, partikolarment fiż-żona tal-euro.

Dan huwa mill-inqas kompitu politiku kbir daqskemm huwa ekonomiku.

Illum, intom ser tivvutaw fuq l-hekk imsejħin proposti tas-"six-pack", li ressaqniehom quddiemkom u quddiem il-Kunsill sena ilu. Dan is-"six-pack" jirriforma l-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir u jwessa' s-sorveljanza biex tkun tinkludi l-bilanċi makroekonomiċi. Issa erġajna ninsabu qrib ħafna tad-dokument li l-Kummissjoni kienet ressqet orġinarjament. Intom kellkom rwol deċiżiv biex il-livell ta' ambizzjoni ta' dawn il-proposti ma jitnaqqasx, u verament irrid niżżikom ħajr u nifirħilkom għal dan.

Din il-leġiżlazzjoni ser tagħtina mekkaniżmi ta' infuzar aktar b'saħħithom. Issa nistgħu niddiskutu l-pjanijiet baġitarji tal-Istati Membri qabel ma jittieħdu deċiżjonijiet nazzjonali. It-taħlita bejn id-dixxiplina u l-integrazzjoni hija kruċjali għall-ġejjieni taż-żona tal-Ewro. Huwa biss b'aktar integrazzjoni u dixxiplina li jista' jkollna żona tal-euro tabilħaqq kredibbli.

Onorevoli membri,

Dawn huma tabilħaqq passi importanti 'l quddiem, iżda rridu nagħmlu aktar minn hekk. L-unjoni monetarja tagħna rridu nwaħħduha ma' unjoni ekonomika. Irridu nwettqu b'suċċess il-kompiti ta' Maastricht.

Il-ħsieb li kien possibbli li jkollna munita komuni u suq uniku permezz ta' approċċi nazzjonali għall-politika ekonomika u dik baġitarja kien biss illużjoni. Ejjew nevitaw illużjoni oħra, li jista' jkollna munita komuni u suq uniku b'approċċ intergovernattiv.

Biex iż-żona tal-euro tkun kredibbli – u dan mhux biss il-messaġġ tal-federalisti, dan huwa l-messaġġ tas-swieq – hemm bżonn li naffrontaw is-sitwazzjoni b'mod verament Komunitarju. Irridu verament nintegraw iż-żona tal-euro, irridu nikkompletaw l-unjoni monetarja permezz ta' unjoni ekonomika reali. U kif nistgħu noħolqu dan il-mod verament Komunitarju ta' kif naffrontaw is-sitwazzjoni? Fil-ġimgħat li ġejjin, il-Kummissjoni ser tibni fuq is-"six-pack" u tippreżenta proposta għal qafas wieħed u koerenti biex napprofondixxu l-koordinazzjoni u l-integrazzjoni ekonomika, partikularment fiż-żona tal-euro. Dan ser isir b'mod li jiżgura l-konformità bejn iż-żona tal-euro u l-Unjoni kollha kemm hi. Naturalment, ma rridux li ż-żona tal-euro tfarrak l-acquis kbir tas-suq uniku u l-erba' libertajiet tagħna kollha kemm huma.

Fl-istess ħin, aħna nistgħu naqsmu t-teħid tad-deċiżjonijiet biex intejbu l-kompetittività tagħna. Dan jista' jsir billi nintegraw il-Patt għall-Euro f'dan il-qafas, b'rispett sħiħ għall-kompetenzi tal-implimentazzjoni nazzjonali.

Biex dan kollu jagħti l-frott, għandna bżonn aktar minn qatt qabel tal-awtorità indipendenti tal-Kummissjoni, kif ukoll tal-azzjonijiet proposti u vvalutati li għandhom jieħdu l-Istati Membri. Ejjew inkunu sinċieri, il-gvernijiet ma jistgħux jagħmlu dan kollu waħedhom. Dan lanqas ma jista' jsir permezz ta' negozjati bejn il-gvernijiet.

Fil-fatt, fi ħdan il-kompetenzi Komunitarji, il-Kummissjoni hija l-gvern ekonomiku tal-Unjoni; ċertament m'għandniex bżonn ta' aktar istituzzjonijiet għal dan.

Għal xi raġuni t-Trattati ħolqu istituzzjonijiet supranazzjonali. Għal xi raġuni nħolqu l-Kummissjoni Ewropea, il-Bank Ċentrali Ewropew, il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja. Il-Kummissjoni hija l-garanti tal-ekwità. Barra minn hekk, il-Kummissjoni, li naturalment taħdem fi sħubija mal-Istati Membri, hija vvutata minn dan il-Parlament u hija obbligata tagħtih kont ta' għemilha. Il-Parlament, li huwa elett b'mod dirett, huwa l-parlament kemm taż-żona tal-Euro u kif ukoll tal-Unjoni Ewropea kollha kemm hi.

Onorevoli membri,

Wasal ukoll iż-żmien li jkollna rappreżentanza esterna unifikata taż-żona tal-euro. B'konformità mat-Trattat, il-Kummissjoni se tagħmel proposti għal dan il-fini.

Unjoni ta' Stabbiltà u Responsabbiltà mibnija fuq dan il-pedament u b'approċċ komuni ser twassal ukoll sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jaħtfu l-vantaġġi ta' suq akbar għall-ħruġ ta' dejn sovran.

Ladarba ż-żona tal-Euro tkun mgħammra bl-istrumenti neċessarji kollha biex tiżgura l-integrazzjoni u d-dixxiplina, il-ħruġ ta' dejn kondiviż jibda jitiqes bħala pass naturali u vantaġġjuż għal kulħadd. Dejjem jekk Eurobonds bħal dawn ikunu "Bonds ta' Stabbiltà": bonds imfassla b'mod li jippremjaw lil dawk li jirrispettaw ir-regoli, u li jkunu ta' deterrent għal dawk li ma jirrispettawhomx. Kif diġà ħabbart lil dan il-Parlament, il-Kummissjoni ser tippreżenta alternattivi bħall-"Bonds ta' Stabbiltà" fil-ġimgħat li ġejjin.

Xi wħud minn dawn l-alternattivi jistgħu jiġu implimentati skont it-Trattat attwali, filwaqt li għall-"Eurobonds" proprja jkun hemm bżonn tibdil fit-Trattat. U dan huwa importanti minħabba li, Onorevoli Membri, it-Trattat eżistenti ta' Lisbona jagħtina ħafna possibbiltajiet. U ma għandna l-ebda skuża biex dan ma nagħmluhx, u biex ma nagħmluhx issa.

Iżda jista' jkun meħtieġ li nikkunsidraw tibdil ulterjuri għat-Trattat.

Qiegħed naħseb ukoll, b'mod partikolari, dwar ir-restrizzjoni tal-unanimità. Ir-ritmu tal-ħidma konġunta tagħna ma tistax tiġi ddettata minn dawk li l-aktar jimxu bil-mod. U llum il-ġurnata għandna Unjoni fejn huma l-aktar membru li jkaxkar saqajh li jiddetta l-ħeffa li biha jimxu l-Istati Membri l-oħrajn. Dan mhux kredibbli, lanqas mil-lenti tas-swieq; huwa għalhekk li jeħtieġ li nsolvu din il-problema ta' kif jittieħdu d-deċiżjonijiet. Stat Membru għandu, naturalment, id-dritt ma jaċċettax xi deċiżjonijiet. Dik hija kwistjoni, kif jgħidu, ta' sovranità nazzjonali. Iżda Stat Membru m'għandux il-jedd li jimblokka l-progress tal-oħrajn, anki l-oħrajn għandhom is-sovranita nazzjonali tagħhom u jekk iridu jkomplu mexjin, għandhom ikomplu mexjin.

Ir-rieda tagħna li naħsbu f'bidliet fit-Trattat m'għandux ikun mod jew skuża biex inħallu mdendlin ir-riformi li huma meħtiġin illum, iżda nemmen li din il-prospettiva li tħares aktar fit-tul se ssaħħaħ il-kredibbiltà tad-deċiżjonijiet li se nieħdu issa.

Unjoni ta' Stabbiltà u Responsabbiltà tfisser li l-ħidma fuq sistema ġdida ta' regolamentazzjoni tas-settur finanzjarju titlesta mill-aktar fis. Neħtieġu banek responsabbli u bil-kapital adegwat li jsellfu lill-ekonomija reali.

Ingħad ħafna dwar l-allegata vulnerabbiltà ta' wħud mill-banek tagħna. Matul is-sena li għaddiet, il-banek Ewropej saħħew b'mod sostanzjali l-pożizzjonijiet kapitali. Issa qegħdin jirnexxielhom jiksbu biżżejjed kapital biex jimlew il-lakuni li ġew identifikati fis-simulazzjonijiet ta' kriżi li saru fis-sajf li għadda. Dan huwa neċessarju biex nillimitaw il-ħsara li l-inkwiet fis-suq finanzjarju jipproġetta fuq l-ekonomija reali u fuq l-impjiegi.

Matul dawn l-aħħar tliet snin, fassalna sistema ġdida ta' regolamentazzjoni finanzjarja.

Ma ninsewx li aħna diġà ressaqna 29 proposta leġiżlattiva. Intom diġà adottajtu diversi minnhom, fosthom dik dwar il-ħolqien ta' awtoritajiet indipendenti ta' sorveljanza, li diġà qegħdin jiġu implimentati. Issa huwa importanti li tapprovaw il-proposti tagħna għal regoli ġodda dwar:

  • id-derivati;

  • regoli dwar il-bejgħ bin-nieqes u l-iswaps ta' inadempjenza tal-kreditu;

  • regoli dwar ir-remunerazzjoni ekwa tal-bankiera.

Dawn il-proposti qegħdin hemm, u għandhom jiġu adottati mill-Kunsill u mill-Parlament. Sa tmiem din is-sena, il-Kummissjoni ser tressaq il-proposti li għad fadal, jiġifieri regoli dwar:

  • l-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu;

  • ir-riżoluzzjoni tal-banek;

  • ir-responsabbiltà personali tal-aġenti finanzjarji.

Hekk, aħna ser inkunu l-ewwel kostitwenza fil-G20 li ser tkun kisbet riżultati fir-rigward tal-impenn li tat favur sforzi globali għal regolamentazzjoni finanzjarja.

Onorevoli membri,

F'dawn l-aħħar tliet snin, l-Istati Membri – imissni ngħid dawk li jħallsu t-taxxi – taw EUR 4.6 triljun euro f'garanziji lis-settur finanzjarju. Issa wasal iż-żmien li s-settur finanzjarju jagħti l-kontribut tiegħu lura lis-soċjetà. Huwa għalhekk li ninsab kburi ħafna li ngħid li llum il-Kummissjoni adottat proposta dwar it-Taxxa fuq it-Tranżazzjonijiet Finanzjarji. Illum qed inpoġġi quddiemkom test importanti ħafna li jekk jitwettaq jista' jiġġenera dħul ta' aktar minn 55 biljun euro fis-sena.

Xi wħud se jistaqsu, "Għaliex?". Għaliex? Din hija kwistjoni ta' sens ta' ġustizzja. Jekk il-bdiewa tagħna, jekk il-ħaddiema tagħna, jekk is-setturi kollha tal-ekonomija mill-industrij sal-biedja sas-servizzi, jekk dawn ilkoll iħallsu kontribuzzjoni lis-soċjetà, anki s-settur bankarju għandu jagħti kontribuzzjoni għas-soċjetà.

U jekk ikollna bżonn – għax għandna bżonn – ta' konsolidament fiskali, jekk neħtieġu aktar dħul, il-kwistjoni hi dan id-dħul minn fejn se nġibuh. Se nkomplu nintaxxaw ix-xogħol? Se nintaxxaw iktar il-konsum? Naħseb li huwa ġust li nintaxxaw attivitajiet finanzjarji li, f'ċerti Stati Membri, ma jħallsux kontribuzzjoni proporzjonata lis-soċjetà.

Mhumiex biss l-istituzzjonijiet finanzjarji li ser ikollhom iħallsu sehemhom. Ma nistgħux nippermettu li nagħlqu għajnejna għall-evażjoni tat-taxxa. Għalhekk, wasal iż-żmien li nadottaw il-proposti tagħna dwar taxxa fuq it-tfaddil fl-Unjoni Ewropea. Jiena nsejjaħ lill-Istati Membri sabiex fl-aħħar jagħtu l-mandat li talbithom il-Kummissjoni biex tkun tista' tinnegozja ftehimiet tat-taxxi f'isem l-Unjoni Ewropea kollha ma' pajjiżi terzi.

Onorevoli membri,

L-istabbiltà u r-responsabbiltà biss mhumiex biżżejjed. Għandna bżonn l-istabbiltà, iżda għandna bżonn it-tkabbir ukoll. Għandna bżonn ir-responsabbiltà, iżda għandna bżonn ukoll is-solidarjetà.

L-ekonomija tista' tibqa' b'saħħitha biss jekk twassal għat-tkabbir u l-impjiegi. Din hija r-raġuni għaliex għandna nużaw l-enerġija tal-ekonomija tagħna, speċjalment l-ekonomija reali.

It-tbassir tal-lum jindika li ġej tnaqqis ekonomiku kbir.

Madanakollu, mhuwiex impossibbli li l-ekonomija Ewropea tikber b'mod sinifikanti. Dan mhuwiex ser iseħħ maġikament għada. Iżda aħna nistgħu noħolqu l-kundizzjonijiet biex inreġġgħu lura dan it-tkabbir. Irnexxielna qabel. Għandna, u nistgħu, nergħu nagħmlu dan.

Tassew li bħalissa ma tantx aħna f'pożizzjoni li noffru stimulu fiskali ġdid.

Iżda dan ma jfissirx li ma nistgħux naħdmu iżjed biex nippromwovu t-tkabbir.

L-ewwel, dawk li għandhom l-ispazju fiskali għandhom jesplorawh - iżda għandhom jagħmlu dan b'mod sostenibbli.

It-tieni, jeħtieġ li l-Istati Membri kollha jippromwovu r-riformi strutturali biex inkunu nistgħu ntejbu l-kompetittività tagħna fid-dinja u nippromwovu t-tkabbir.

Ilkoll flimkien, nistgħu, u għandna, nużaw il-potenzjal tas-Suq Uniku, nużaw il-benefiċċji kollha tal-kummerċ u nimmobilizzaw l-investiment fil-livell tal-Unjoni.

F'dan il-kuntest nixtieq nibda bis-Suq Uniku.

Biss biss l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi tista' twassal, skont l-istimi tagħna, għal gwadann ekonomiku ta' 140 biljun euro.

Iżda llum, sentejn wara l-iskadenza tal-implimentazzjoni tagħha, diversi Stati Membri għadhom ma adottawx il-liġijiet neċessarji.

Għaldaqstant m'aħniex nibbenefikaw mill-gwadanni kollha li ġġib magħha l-liberalizzazzjoni reali tas-servizzi fl-Ewropa.

Iżda nistgħu nagħmlu aktar minn hekk.

Aħna għandna nadottaw il-leġiżlazzjoni li ressaqna. Il-Kummissjoni Ewropea adottat l-Att dwar is-Suq Uniku. Hemm għadd ta' inizjattivi ewlenin li jinsabu lesti.

Qegħdin qrib ħafna li jkollha privattiv Ewropew li jista' jnaqqas l-ispejjeż tal-protezzjoni sa 20% tal-ammont ta' bħalissa. Qiegħed nistenna li dan il-proċess jiġi konkuż sa tmiem din is-sena.

Barra minn hekk, għandna nikkunsidraw proċedura leġiżlattiva mgħaġġla għall-Att dwar is-Suq Uniku. B'rabta ma' dan, il-proċedura leġiżlattiva mgħaġġla tista' tintuża f'ħafna oqsma għaliex aħna qegħdin ngħixu tassew fi żminijiet ta' emerġenza. Dan jippermettilna nirrispondu għal dawn iċ-ċirkostanzi straordinarji.

U t-tkabbir fil-ġejjieni ser jiddependi aktar u aktar fuq l-użu tat-teknoloġija tal-informazzjoni. Aħna neħtieġu suq diġitali uniku,

li ser iwassal biex kull Ewropew jibbenefika minn madwar EUR 1 500 kull sena – u dan permezz ta' miżuri li jvarjaw mill-użu ta' possibbiltajiet tal-kummerċ elettroniku sa, pereżempju, it-tnaqqis tat-tariffi tar-roaming tat-telefonija ċellulari.

Żieda ta' 10% fil-penetrazzjoni tal-broadband tirriżulta f'bejn 1 u 1.5% aktar fi tkabbir annwali.

F'dinja kompetittiva għandna jkollna wkoll edukazzjoni tajba b'ħiliet li jgħinuna naffaċċjaw dawn l-isfidi ġodda. Għandna nkunu innovattivi. U l-azzjoni tagħna għandha tkun waħda sostenibbli.

Aħna diġà ppreżentajna proposti fid-dettall dwar l-innovazzjoni, l-użu effiċjenti tar-riżorsi u dwar kif aħna nistgħu nsaħħu l-bażi industrijali tagħna.

Il-politika industrijali moderna tirrigwarda l-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni.

Jeħtiġilna naċċelleraw l-adozzjoni tal-isforzi tagħna biex inżidu l-użu tal-kapital ta' riskju għall-finanzjament ta' kumpaniji żgħażagħ u innovattivi madwar l-Ewropa.

Jekk niffokaw fuq l-innovazzjoni u t-teknoloġiji ġodda, fosthom it-teknoloġiji ekoloġiċi, ċertament li noħolqu impjiegi sostenibbli. Aħna rridu nirrealizzaw li l-"ekoloġija" u t-tkabbir imorru flimkien.

Pereżempju, is-settur tar-rinnovabbli diġà ħoloq 300,000 post tax-xogħol f'dawn l-aħħar 5 snin fl-Unjoni Ewropea. Is-suq globali tat-teknoloġija ekoloġika ser jittrippla fl-għaxar snin li ġejjin.

Għandna niffokaw fuq azzjoni fejn din tħalli impatt reali. It-tkabbir tal-ġejjieni jfisser li aħna għandna nkomplu għaddejjin ukoll bl-aġenda tagħna dwar ir-regolamentazzjoni intelliġenti, li ser twassal biex il-kumpaniji Ewropej, speċjalment l-SMEs, jiffrankaw 38 biljun euro. Iżda l-Istati Membri għandhom jagħtu l-kontribut tagħhom billi jnaqqsu l-piż amministrattiv.

Iżda aħna għandna bżonn ukoll l-investiment. Dawn ir-riformi huma importanti iżda aħna neħtieġu wkoll tip ta' investiment fil-livell Ewropew.

Unjoni ta' Tkabbir u Solidarjetà titlob infrastrutturi moderni u interkonnessi.

Ipproponejna li fil-Qafas Finanzjarju Multiannwali (QFM) li jmiss noħolqu faċiltà ta' interkonnessjoni tal-Ewropa - fl-oqsma tal-enerġija, tat-trasport u fil-qasam diġitali.

Din il-parti innovattiva tal-proposta tal-QFM għandha titqies flimkien ma’ idea innovattiva oħra li hija ta' importanza kbira: il-proġett tal-bonds.

Fil-ġimgħat li ġejjin il-Kummissjoni ser tippubblika l-proposti tagħha dwar bonds tal-UE għall-proġetti. Qegħdin nipproponu wkoll proġetti pilota biex inkunu nistgħu niffinanzjaw it-tkabbir. Dan nistgħu nagħmluh saħansitra qabel ma nadottaw il-QFM. B'dan il-mod inkunu nistgħu noffru finanzjament bil-quddiem ta' wħud mill-investimenti infrastrutturali maġġuri meħtieġa mill-Ewropa.

L-Unjoni u l-Istati Membri tagħha għandhom jikkunsidraw b'mod urġenti kif jistgħu jippermettu lill-bank li huwa mmexxi mill-politiki tagħna stess, il-Bank Ewropew tal-Investiment, biex jagħmel aktar – u possibbilment ħafna aktar – biex jiffinanzja l-investiment għat-tul.

Biex nagħmlu dan, jeħtiġilna nesploraw toroq ġodda dwar kif nistgħu nsaħħu r-riżorsi u l-bażi kapitali tal-BEI sabiex dan ikun jista' jsellef lill-ekonomija reali.

Fis-sena 2000, l-ammont ta' kapital ta' riskju fl-Ewropa kien jammonta għal 22 biljun euro. Fl-2010 ċ-ċifra kienet tlaħħaq biss it-3 biljuni. Jekk irridu tassew nippromwovu l-intraprenditorija aħna għandna ndawru r-rotta ta' tnaqqis li ninsabu fiha u jeħtiġilna nappoġġjaw lill-SMEs.

Nistgħu niksbu aktar tkabbir anke permezz tal-Fondi Strutturali, billi nżidu l-kapaċità ta' assorbiment, u billi nużaw il-Fondi Strutturali biex nappoġġjaw il-prestazzjoni makroekonomika. Dawn huma essenzjali għall-innovazzjoni, għat-taħriġ u l-impjiegi, u għall-SMEs.

Barra minn hekk, nixtieq inħeġġeġ lil dan il-Parlament biex sa tmiem din is-sena jadotta l-proposti li ressaqna f'Awwissu biex inżidu r-rati ta' kofinanzjament lil dawk il-pajjiżi li għandhom programmi ta' assistenza. Dan ser jinjetta finanzjament essenzjali f'dawn l-ekonomiji, filwaqt li jnaqqas il-pressjoni fuq il-baġits nazzjonali.

Onorevoli membri,

Ir-riformi tas-swieq tax-xogħol, tal-finanzi pubbliċi u tas-sistemi tal-pensjoni tagħna jeħtieġu sforz maġġuri min-naħat kollha tal-soċjetà tagħna.

Ilkoll kemm aħna nafu kemm dan it-tibdil huwa neċessarju, u dan biex inkunu nistgħu inwettqu r-riforma tal-ekonomija soċjali tas-suq tagħna u nżommu l-mudell soċjali atgħna. Iżda huwa essenzjali li ngħożżu l-valuri tagħna – il-valuri tal-ekwità, tal-inklużjoni u tas-solidarjetà.

Bħalissa jeħtieġ li nagħtu tama konkreta lil dak il-wieħed minn kull 5 żgħażagħ li ma jistax isib xogħol. F'xi pajjiżi, is-sitwazzjoni taż-żgħażagħ tagħna hija sempliċement waħda drammatika. Nixtieq nappella lill-kumpaniji sabiex jagħmlu sforz speċjali biex jipprovdu apprendistati għaż-żgħażagħ. Dawn jistgħu jiġu appoġġjati mill-Fond Soċjali Ewropew.

Billi ngħaqqdu lin-negozji, lis-sħab soċjali, lill-awtoritajiet nazzjonali u l-livell tal-Unjoni f'"Inizjattiva ta' Opportunitajiet għaż-Żgħażagħ", aħna nkunu nistgħu nagħtu kontribut pożittiv. Jiena nemmen li din hija l-aktar kwistjoni soċjali urġenti; li nagħtu risposta għall-ansjetà taż-żgħażagħ tagħna li ma jistgħux isibu xogħol. Ikun ferm aħjar li ż-żgħażagħ ikunu involuti f'apprentistati, milli jkunu mimlijin tensjoni fit-toroq u jesprimu n-nuqqas ta' fiduċja fl-Unjoni inġenerali.

Aħna għandna naċċelleraw l-implimentazzjoni tal-aktar partijiet urġenti tal-Pjan dwar it-Tkabbir u l-Impjiegi tal-Istrateġija Ewropa 2020. Il-Kummissjoni ser tiffoka fuq is-sitwazzjoni taż-żgħażagħ f'kull wieħed mill-Istati Membri fir-Rakkomadazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi tas-sena d-dieħla.

Jiena nemmen li għandna nindukraw il-ġejjieni tagħna.

Bħalissa jeħtiġilna nieħdu azzjoni wkoll biex ngħinu lit-80 miljun Ewropew li jinsabu fir-riskju tal-faqar Dan ifisser li fl-aħħar il-Kunsill għandu japprova l-proposta tagħna li tissalvagwardja l-programm għall-għoti ta' ikel għal dawk il-persuni li jinsabu l-aktar fil-bżonn. Nixtieq nirringrazzja lil dan il-Parlament għall-appoġġ politiku li ta għas-soluzzjoni li qegħdin nipproponu.

Onorevoli Membri,

Ħamsin sena ilu, 12-il pajjiż fl-Ewropa ngħaqdu biex jiffirmaw il-Karta Soċjali. Kien eżattament f'Ottubru ta' 50 sena ilu. Illum, il-Karta għandha 47 firmatarju, fosthom l-Istati Membri kollha tagħna.

Sabiex niggarantixxu dawn il-valuri fundamentali fl-Ewropa, jiena nemmen li għandna ntejbu l-kwalità tad-djalogu soċjali fil-livell Ewropew. It-tiġdid tal-Ewropa jista' jirnexxi biss bil-kontribut u l-appartenenza tas-sħab soċjali kollha – tat-trade unions, tal-ħaddiema, tan-negozji, u tas-soċjetà ċivili inġenerali.

Għandna niftakru li l-Ewropa tagħna hija l-Ewropa taċ-ċittadini. Bħala ċittadini, aħna lkoll nirbħu permezz tal-Ewropa. Aħna niksbu identità u ċittadinanza Ewropea apparti ċ-ċittadinanza nazzjonali tagħna. Iċ-ċittadinanza Ewropea tagħtina sett ta' drittijiet u opportunitajiet. L-opportunità li naqsmu l-fruntieri b'mod ħieles biex nistudjaw u naħdmu f'pajjiżi oħra. Għal darba oħra, ilkoll kemm aħna għandna nħarsu u niddefendu u niżviluppaw dawn id-drittijiet u opportunitajiet. Hekk kif il-Kummissjoni qiegħda tagħmel bħalissa bil-proposti tagħna dwar Schengen. M'aħniex ser nittolleraw li ċ-ċittadini jitilfu d-drittijiet tagħhom. Aħna ser niddefendu l-libertà ta' moviment u l-libertajiet kollha tal-Unjoni tagħna.

Onorevoli Membri,

L-attivitajiet tal-Kummissjoni, kif tafu sewwa, ikopru bosta oqsma oħra. Ma nistax insemmihom kollha hawnhekk, iżda dawn jagħmlu parti mill-ittra li indirizzajt lill-President tal-Parlament u li ntbagħtet lilkom ilkoll.

Madankollu, qabel nikkonkludi, ippermettuli nitkellem dwar ir-responsabilità esterna tal-Unjoni Ewropea. Irrid li jkollna Ewropa miftuħa, Ewropa li timpenja lilha nnifisha fi kwistjonijiet dinjija.

L-azzjoni Ewropea fid-dinja mhijiex biex l-aqwa garanzija għaċ-ċittadini tagħna, id-difiża tal-interessi u tal-valuri tagħna, iżda hija wkoll azzjoni indispensabbli fid-dinja. Illum il-moda hi li nitkellmu dwar il-G2.

Ma naħsibx li d-dinja trid G2. L-anqas iż-żewġ partijiet involuti stess ma huma interessati f'G2. Aħna nafu bit-tensjoni li nħolqot b'riżultat tal-bipolariżmu matul il-Gwerra Bierda. Nemmen li l-Ewropa hija iktar indispensabbli milli qatt kienet qabel jekk irridu dinja ġusta u miftuħa.

Jien nemmen li d-dinja suġġetta għat-tibdil li qed nosservaw għandha bżonn ta' Ewropa li tassumi r-responsabilitajiet tagħha. Ewropa li għandha influwenza, Ewropa b'27 Membru u, bl-adeżjoni tal-Kroazja, dalwaqt bi 28 Membru. Din hija l-Ewropa li tkompli turi t-triq li għandna nsegwu kemm f'dak li għandu x'jaqsam mal-kummerċ kif ukoll mat-tibdil fil-klima, filwaqt li qed nistennew laqgħat importanti fil-ġejjieni, minn Durban sa Rio +20 li fihom l-Ewropa trid tħares il-pożizzjoni tagħha ta' mexxejja f'dawn il-kwistjonijiet..

Ejjew nagħtu wkoll ħarsa b'attenzjoni lejn il-ġirien tagħna tan-Nofsinhar. Ir-Rebbiegħa Għarbija hija trasformazzjoni profonda li ser tħalli konsegwenzi importanti ħafna mhux biss għal dawn il-popli iżda wkoll għalina u għall-Ewropa. Hija għal din ir-raġuni li l-Ewropa għandha tkun kburija. Aħna konna tal-ewwel li tajna l-appoġġ tagħna lit-Tunezini, lill-Eġizzjani, lil-Libjani li riedu d-demokrazija u l-libertà. Din hija r-raġuni għaliex l-Ewropa tappoġġja dawn l-aspirazzjonijiet leġittimi partikolarment permezz tas-Sħubija tagħna għad-Demokrazija u l-Prosperità.

Nittama li r-rebbiegħa Għarbija tirrappreżenta wkoll il-bieb li tħalla miftuħ għat-tama għall-paċi fir-reġjun kollu, bl-idea li jkun hemm Stat Palestinjan li jgħix fil-paċi flimkien mal-Istat tal-Iżrael, kif tixtieq l-Ewropa.

Iżda ejjew nagħtu ħarsa wkoll b'attenzjoni lejn il-ġirien tagħna tal-Lvant. Nhar il-Ġimgħa se nieħu sehem fis-Samit tas-Sħubija tal-Lvant f'Varsavja. Hemmhekk, se nkun dak li jwassal l-ambizzjoni li niksbu rabta politika u integrazzjoni ekonomika saħansitra aktar b'saħħithom bejnietna u s-sħab tagħna tar-reġjun. L-Unjoni Ewropea għandha setgħa ta' trasformazzjoni straordinarja. Hija ta' ispirazzjoni għal bosta popli fid-dinja u jekk dawn il-pajjiż jagħmlu riformi profondi, aħna nkunu nistgħu ngħinuhom u nkunu nistgħu nassoċjaw aktar mill-qrib magħhom mil-lat politiku u nkunu nistgħu ukoll nintegraw aktar magħhom mil-lat ekonomiku.

Fl-aħħar nett, ejjew ma ninsewx l-ifqar fost il-fqar u ejjew nagħmlu minn kollox biex nirrispettaw l-impenji tagħna sabiex nilħqu l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju.

Ejjew inkunu wkoll realisti u nagħrfu li, jekk l-Ewropa trid verament tkun potenza, biex l-tuża l-influwenza kollha tagħha jeħtieġ li nsaħħu il-Politika Estera u ta' Sigurtà Komunil. Jeħtieġ li l-Ewropa tkun kredibbli. Jeħtieġ li tistrieħ fuq dimensjoni ta' sigurtà u ta' difiża komuni jekk trid verament li jkollha influwenza dinjija.

Għadda ż-żmien fejn xi nies setgħu jopponu l-idea ta' difiża Ewropea minħabba l-biża' li kellhom li din tista' tagħmel ħsara lill-Alleanza Atlantika. Kif intom diġà nnutajtu, illum il-ġurnata, il-ħbieb tagħna l-Amerikani stess qed jitolbuna li nagħmlu iktar bħala Ewropej. Id-dinja nbidlet; id-dinja bħalissa qiegħda tinbidel b'mod fundamentali. Irridu verament li jkollna influwenza dinjija?

Hu għal din ir-raġuni li fil-waqt li l-baġits tad-difiża jinsabu taħt pressjoni, għandna nagħmlu sforz akbar bil-mezzi li għandna għad-dispożizzjoni tagħna.

Il-Kummissjoni qed tagħmel il-parti tagħha billi tkompli taħdem biex jinkiseb suq uniku għad-difiża u billi tuża l-kompetenzi mogħtija lilha mit-Trattat biex tiġi żviluppata bażi industrijali Ewropea għad-difiża.

Sinjuri Deputati,

Ma nkunux inġenwi; id-dinja bħalissa qed tinbidel u jekk l-Ewropa trid li jkollha pożizzjoni fid-dinja u tiddefendi l-interessi taċ-ċittadini tagħha, neħtieġu d-dimensjoni politika u d-dimensjoni tad-difiża biex ikollna influwenza u effett fuq il-ġejjieni tad-dinja.

Sinjuri Deputati,

Wasalt biex nagħlaq.

Fl-2014, fl-aħħar tal-mandat tagħna, ikun għadda eżattament seklu minn meta faqqgħet l-Ewwel Gwerra Dinjija, perjodu mudlam li ġie segwit mit-Tieni Gwerra Dinjija, waħda mill-aktar paġni drammatiċi fl-istorja tal-Ewropa u tad-dinja. Illum il-ġurnata nemmen li nistgħu ngħidu li orruri bħal dawn lanqas biss nistgħu nimmaġinawhom fl-Ewropa. Lanqas biss nistgħu nimmaġinawhom għaliex għandna lill-Unjoni Ewropea, għaliex, grazzi għall-viżjoni tal-Ewropa, bl-integrazzjoni ekonomika u politika, illum għandna l-garanzija tal-paċi fil-kontinent tagħna. Huwa għalhekk li ma nistgħux nippermettu li din l-opra kbira tiġi pperikolata. Dan hu wirtna mingħand il-ġenerazzjonijiet ta' qabilna. Mhijiex se tkun il-ġenerazzjoni tagħna li se tipperikola dan. U ejjew inkunu ċari, jekk nibdew nifframmentaw lill-Ewropa, jekk nibdew immorru lura fuq il-kisbiet il-kbar tal-Ewropa, bla dubju jkun hemm riskju li l-għan tagħna jiġi fframmentat.

Kif diġà għidt, fil-bażi tal-kriżi li bħalissa għaddejjin minnha hemm problema politika. Hija l-prova tar-rieda tagħna li ngħixu flimkien. Huwa għalhekk li jeħtieġ li napprofondixxu l-Unjoni Ewropea, huwa għalhekk li aħna bnejna istituzzjonijiet komuni. Huwa għalhekk li tinħtieġ garanzija tal-interess Ewropew.

U r-realtà tal-lum hi li l-koperazzjoni intergovernattiva mhijiex biżżejjed biex l-Ewropa toħroġ minn din il-kriżi, biex l-Ewropa tingħata futur. Għall-kuntrarju, hemm ir-riskju li ċertu tip ta' intergovernanza twassal għal nazzjonalizzazzjoni mill-ġdid u għall-frammentazzjoni. Hemm ċertu tip ta' intergovernanza li tista' tkun it-tmiem għall-Ewropa magħquda li aħna rridu.

Ma ninsewx li d-deċiżjonijiet li qed nieħdu issa kif ukoll dawk li ma nieħdux se jsawru l-ġejjieni tagħna. Nixtieq naqsam magħkom li nħoss għafsa f'qalbi meta nara kif hemm uħud, minn partijiet oħra tad-dinja, li, b'ċertu paternaliżmu, jgħidu lilna l-Ewropej dak li għandna nagħmlu. Nemmen frankament li aħna għandna problemi, problemi serji ħafna, imma nemmen li ma għandniex għaliex nitolbu skuża għad-demokraziji tagħna. Ma għandniex għaliex nitolbu skuża għall-ekonomija soċjali tas-suq tagħna. Għalhekk nemmen li għandna nitolbu kemm l-istituzzjonijiet tagħna, iżda wkoll lill-Istati Membri tagħna, lil Pariġi, lil Berlin, lil Ateni, lil Lisbona, lil Dublin, biex juru li huma kburija li huma Ewropej, biex juru dinjità u jgħidu lil sħabna "Grazzi għall-pariri tagħkom iżda aħna kapaċi biex flimkien noħorġu minn din il-kriżi." Jien kburi li jien Ewropew.

U l-kburija fil-fatt li aħna Ewropej mhijiex biss minħabba l-kultura u ċ-ċivilizzazzjoni importanti tagħna, dak kollu li tajna lid-dinja. Mhijiex biss kburija dwar il-passat tagħna, hija wkoll kburija dwar il-ġejjieni tagħna. Hija din il-fiduċja li jeħtieġ li nerġgħu noħolqu fostna. Nemmen li dan hu possibbli.

Uħud jgħidu li dan hu diffiċli ħafna, li dan mhux possibbli. Hawnhekk nixtieq infakkarkhom f'dak li qal raġel kbir, Afrikan kbir, Nelson Mandela. "Kollox jidher li hu impossibbli sakemm ma jsir. Dak li għandna nagħmlu, ejjew nagħmluh." Aħna nistgħu nagħmluf b'fiduċja, aħna nistgħu nwettqu t-tiġdid tal-Ewropa.

Nirringrazzjakom.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website