Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

SPEECH/10/411

José Manuel Durão Barroso

President tal-Kummissjoni Ewropea

L-Istat tal-Unjoni 2010

Strasburgu, is-7 ta' Settembru 2010

Sur President,

Onorevoli Membri,

Huwa privileġġ liema bħalu għalija li nwassal l-ewwel indirizz dwar l-Istat tal-Unjoni quddiem din il-Kamra.

Minn issa 'l quddiem l-indirizz dwar l-Istat tal-Unjoni se jkun l-okkażjoni li fiha nfasslu ħidmietna għat-12-il xahar li ġejjin.

Bosta mid-deċiżjonijiet li se nieħdu dis-sena se jkollhom riperkussjonijiet fit-tul. Se jiddefinixxu t-tip ta’ Ewropa li rridu. Se jiddefinixxu Ewropa li toffri opportunitajiet lil dawk li jixtiequ jimxu 'l quddiem u fejn dawk li jkunu fil-bżonn ma jiġux ittraskurati. Ewropa miftuħa kemm għad-dinja u għal niesha. Ewropa li twassal koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali.

Matul is-sena li għaddiet, il-kriżi ekonomika u finanzjarja poġġiet quddiem l-Unjoni tagħna waħda mill-aktar sfidi li qatt għaddiet minnha. L-interdipendenza tagħna ġiet enfasizzata u s-solidarjetà tagħna għaddiet minn prova li qatt ma kienet rat bħalha.

Hekk kif issa nħares lura lejn il-mod kif irreaġixxejna, jien nemmen li għaddejna mill-prova b'suċċess. Ipprovdejna ħafna mit-tweġibiet meħtieġa – dwar assistenza finanzjarja lill-Istati Membri li jkollhom quddiemhom ċirkostanzi mhux tas-soltu, għal dak li għandu x'jaqsam mal-governanza ekonomika, regolamentazzjoni finanzjarja, tkabbir ekonomiku u impjiegi. U konna fil-pożizzjoni li nibnu bażi li minnha nistgħu nibdew nimmodernizzaw l-ekonomiji tagħna. L-Ewropa wriet li se tqum fuq tagħha u tasserixxi lilha nfisha. Ingħatat prova li dawk li bassru t-tmiem tal-Unjoni Ewropew ma kellhomx raġun. L-istituzzjonijiet Ewropej u l-Istati Membri wrew li kapaċi jmexxu. Il-messaġġ tiegħi lil kull Ewropew huwa li jista’ jafda l-Unjoni Ewropa biex tagħmel kull m'hemm bżonn biex tassigura l-futur tiegħu.

Il-prospettivi ekonomiċi fl-Unjoni Ewropea huma aħjar milli kienu sena ilu, mhux lanqas dovut għall-azzjoni determinata tagħna. L-irkupru qed iħaffef il-pass, anki jekk mhux bl-istess ritmu madwar l-Unjoni kollha. Din is-sena t-tkabbir ekonomiku se jkun akbar minn kif imbassar fil-bidu. Ir-rata tal-qgħad, filwaqt li għadha għolja wisq, m'għadhiex qiegħda tikber. Huwa ċar li għad baqa’ inċertezzi u riskji, mhux lanqas barra l-Unjoni Ewropea.

M'għandu jkollna l-ebda illużjoni. Ħidmietna għad fadlilha ħafna biex titlesta. Ma nistgħux noqogħdu kwieti u nserrħu rasna. L-espansjoni baġetarja kien hemm bżonnha biex tilqa' għat-tnaqqis fl-attività ekonomka. Iżd issa hu ż-żmien tal-ħruġ. Mingħajr riformi strutturali m’aħniex se noħolqu tkabbir sostenibbli. Jenħtieġ li nużaw it-12-il xahar li ġejjin biex inħaffu l-aġenda ta’ riforma tagħna. Issa hu l-waqt li nimmodernizzaw l-ekonomija soċjali tas-suq tagħna sabiex tkun tista’ tikkompeti globalment u tkun tista' twieġeb għall-isfida demografika. Issa l-waqt li naħtfu din l-opportunità biex nagħmlu l-investimenti t-tajbin għall-futur tagħna.

Dan hu l-mument tal-verità għall-Ewropa. L-Ewropa trid turi li hija aktar minn 27 soluzzjoni nazzjonali differenti. Jew se ngħumu flimkien, jew inkella se negħrqu separatament. Se nirnexxu biss jekk naħsbu b'mod Ewropew, kemm jekk inkunu qed naġixxu fuq livell nazzjonali, kif ukoll fuq dak reġjonali jew lokali.

Illum se nfisser dak li nara li huma l-prijoritajiet għall-ħidma tagħna flimkien matul is-sena li ġejja. Ma nistax, issa, inkopri kull kwistjoni ta' politika jew inizjattiva Ewropea li se nieħdu. Permezz tal-President Buzek qed nibagħtilkom dokument aktar komplet dwar il-programm tiegħi.

Essenzjalment nara li matul is-sena li ġejja l-Unjoni se jkollha quddiemha ħames sfidi:

  • i nindirizzaw il-kriżi u l-governanza ekonomika;

  • nerġgħu nwasslu għal tkabbir biex jinħolqu l-impjiegi billi jitħaffef il-pass tal-aġenda għar-riforma Ewropa 2020;

  • li nibnu żona ta' libertà, ġustizzja u sigurtà;

  • li nniedu negozjati għal baġit tal-UE modern, u

  • li nasserixxu lilna nfusna fix-xena globali.

Ippermettuli li nibda bil-kriżi u l-governanza ekonomika. Aktar kmieni din is-sena aġixxejna b'mod deċiżiv hekk kif il-membri taż-żona tal-euro u l-euro innifsu kellhom bżonn l-għajnuna tagħna.

Ħadna tagħlimiet diffiċli. Issa qed nagħmlu progress importanti fejn tidħol il-governanza ekonomika. Il-Kummissjoni ppreżentat l-ideat tagħha f'Mejju u f'Ġunju. Dawn intlaqgħu tajjeb, f'dan il-Parlament, u fit-Task Force presedut mill-President tal-Kunsill Ewropew. Huma l-bażi li madwarha qed jiżviluppa kunsens. Fid-29 ta' Settembru se nippreżentaw il-proposti leġiżlattivi l-aktar urġenti sabiex ma nitilfux ir-ritmu.

Il-baġits insostenibbli jagħmluna dgħajfin. Id-dejn u d-defiċit iwasslu għal perjodi ta' tkabbir ekonomiku qawwi, imbagħad għall-falliment. Iħarbtu wkoll ix-xibka soċjali ta' sigurtà. Il-flus li jintefqu biex jitħallas id-dejn huma flus li ma jistgħux jintużaw għall-ġid soċjali. Ma jistgħux jintużaw lanqas biex inħejju rwieħna għall-ispejjeż marbuta ma' popolazzjoni li qed tikber fiż-żmien. Ġenerazzjoni mdorrija bid-dejn twassal għal nazzjon insostenibbli. Il-proposti tagħna se jsaħħu l-Patt ta’ Stabbilità u Tkabbir permezz ta’ aktar sorveljanza u infurzar.

U hemm bżonn nindirizzaw żbilanċi severi makroekonomiċi speċjalment fiż-żona Ewro. Huwa għalhekk li ressaqna proposti sa minn kmieni biex nindunaw meta l-prezzijiet ta' ċerti assi jiżdiedu b'mod esaġerat, kif ukoll meta jkun hemm nuqqas ta' kompetittività u meta jfeġġu sorsi oħra ta' żbilanċi

Issa qiegħed nara rieda min-naħa tal-gvernijiet li jaċċettaw sorveljanza aktar qawwija, imsaħħa minn inizjattivi għall-konformità u sanzjonijiet aktar kmieni. Il-Kummisjoni se ssaħħaħ ir-rwol tagħha bħala arbitru indipendenti u infurzatur tar-regoli l-ġodda.

Se nikkomplementaw l-unjoni monetarja b’unjoni ekonomika vera.

Jekk jiġu implimentati kif ipproponejna, dawn ir-riformi se jiggarantixxu wkoll l-istabbiltà għat-tul tal-euro. Dan huwa fattur ewlieni għas-suċċess ekonomiku tagħna.

Sabiex l-ekonomija tkun tista' tikber neħtieġu wkoll settur finanzjarju sod u b'saħħtu. Settur li jservi l-ekonomija reali. Settur li jħossu kburi b'regolamentazzjoni u supervizjoni xierqa.

Ħadna passi biex inżidu t-trasparenza fis-settur bankarju. Illum ninsabu f'sitwazzjoni aħjar milli konna sena ilu. Bil-pubblikazzjoni tar-riżultati tal-"istress tests" il-banek issa għandhom ikunu jistgħu isellfu lil xulxin, b'mod li l-kapital ikun jista' jgħaddi għal għand iċ-ċittadini Ewropej u għand il-kumpaniji.

Ressaqna proposta biex it-tfaddil tan-nies jiġi protett sa livell ta' €100,000. Se nipproponu projbizzjoni ta' short selling irregolari abbużiv u se nindirizzaw il-credit default swaps. Spiċċa ż-żmien fejn wieħed jilgħab fuq ir-riskju li d-dar ta' xi ħadd ieħor tinħaraq. Se nibqgħu ninsistu li l-banek, mhux dawk li jħallsu t-taxxi, għandhom iħallsu minn qabel biex ikopru l-ispejjeż tar-riskji ta' falliment tagħhom stess. Qed nilleġiżlaw biex nagħmluha illegali li jitħallsu benefiċċji għal profitti ta' malajr li jsiru llum, u li mbagħad jinbidlu f'telf kbir għada. Bħala parti minn dan l-approċ qiegħed ukoll niddefendi t-taxxi fuq attivitajiet finanzjarji u din il-ħarifa se noħorġu bi proposti.

Il-ftehim politiku fuq il-pakkett dwar sorveljanza finanzjarja li għadu kif ġie konkluż huwa aħbar tajba. Il-proposti tal-Kummissjoni, ibbażati fuq ir-rapport de Larosière se jagħtuna sistema effettiva Ewropea ta’ sorveljanza. Irrid nirringrazzja lill-Parlament għar-rwol kostruttiv li kellu u nittama li jagħti l-approvazzjoni finali tiegħu dan ix-xahar.

Se nieħdu wkoll passi ulterjuri rigward ir-regolamentazzjoni. Dalwaqt se jkollkom quddiemkom inizjattivi dwar derivattivi, miżuri ulterjuri dwar aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu u qafas dwar ir-riżoluzzjoni tal-banek u l-ġestjoni tal-kriżijiet. L-għan tagħna huwa li jkollna settur finanzjarju riformat b'mod komprensiv sa tmiem is-sena 2011.

B’finanzi sodi tal-gvernijiet u swieq finanzjarji responsabbli, ikollna l-fiduċja u s-saħħa ekonomika għal tkabbir sostenibbli. Jenħtieġ li nimxu lil hinn mid-dikotomija artifiċjali bejn il-konsolidazzjoni fiskali u t-tkabbir. Jista’ jkollna t-tnejn li huma.

Onorevoli Membri,

Il-finanzi pubbliċi sodi huma mezz li bih nilħqu l-iskop tagħna: it-tkabbir għall-impjiegi. L-għan tagħna hu t-tkabbir, tkabbir sostenibbli, tkabbir inklussiv. Din hija l-prijorità ewlenija tagħna. Dan hu fejn irridu ninvestu.

L-Ewropa 2020 trid tibda issa. Jenħtieġ li nagħtu prijorità lill-aktar riformi li jwasslu għat-tkabbir fl-aġenda tagħna u nħaffuhom. Dan jistà jgħolli l-livelli tat-tkabbir b’aktar minn terz sas-sena 2020.

Dan ifisser li għandna nikkonċentraw fuq tliet prijoritajiet: insibu impjiegi għal aktar nies, nagħtu spinta lill-kompetittività tal-kumpaniji tagħna u napprofondixxu s-suq uniku.

Ippermettuli nibda bin-nies u l-impjiegi.

Mill-2008 tilfu l-impjiegi tagħhom aktar minn 6.3 miljun ruħ. Kull wieħed minnhom għandu jkollu l-opportunità li jerġa’ jkollu impjieg. Ir-rati tal-impjiegi tal-Ewropa jinsabu f'medja ta' 69% għal dawk li għandhom bejn 20 u 64 sena. Aħna qbilna li dawn għandhom jogħlew għal 75% sal-2020, b'mod partikolari billi jiġu impjegati aktar nisa u ħaddiema aktar avvanzati fl-età.

Il-biċċa l-kbira tal-kompetenza fejn tidħol il-politika dwar l-impjiegi għadha f'idejn l-Istati Membri. Iżda aħna m'aħniex se noqogħdu mal-ġenb inħarsu. Irrid Unjoni Ewropea li tgħin lil niesha jaħtfu opportunitajiet ġodda; u nixtieq Unjoni soċjali u inklussiva. Din hija l-Ewropa li se nibnu jekk l-Istati Membri, l-istituzzjonijiet Ewropej u s-sħab soċjali jimxu ’l quddiem fuq l-aġenda ta’ riforma komuni tagħna.

Għandha tikkonċentra fuq il-ħiliet u l-impjiegi u investiment fit-tagħlim ta' matul il-ħajja.

U għandha tiffoka wkoll fuq l-isfrutturar tal-potenzjal ta' tkabbir tas-suq uniku biex jinbena suq uniku aktar qawwi għall-impjiegi.

L-opportunitajiet hemm qegħdin. Għandna livelli għolja ta' qgħad, iżda l-Ewropa għandha issa 4 miljun post tax-xogħol vojt. Il-Kummissjoni, aktar tard din is-sena, se tipproponi "Monitoraġġ Ewropew tal-Postijiet Vakanti". Dan se juri lin-nies fejn qegħdin l-impjiegi fl-Ewropa u liema ħiliet huma meħtieġa. Sejrin ukoll nippreżentaw pjani biex ikollna passaport tal-ħiliet Ewropew.

Għandna wkoll nindirizzaw il-problemi tal-faqar u l-esklużjoni. Jenħtieġ li niżguraw li dawk li huma l-aktar vulnerabbli ma jibqgħux lura. Dan huwa fil-qalba tal-“Pjattaforma Kontra l-Faqar” tagħna. Din se tikkoordina l-azzjoni Ewropea għal gruppi vulnerabbli bħat-tfal u l-anzjani.

Hekk kif aktar u aktar nies jivvjaġġaw, jistudjaw jew jaħdmu barra, sejrin ukoll insaħħu d-drittijiet taċ-ċittadini hekk kif dawn jaqsmu l-konfini. Mingħajr dewmien, il-Kummissjoni se tindirizza l-ostakoli li għadhom jeżistu fil-ħarifa li ġejja.

Onorevoli Membri,

It-tkabbir għandu jkun ibbażat fuq il-kompetittività tal-kumpaniji tagħna.

Għandna nkomplu nħaffu l-ħajja tal-Intrapriżi Żgħar u Medji tagħna. Dawn jipprovdu tnejn minn kull tliet impjiegi fis-settur privat. Fost l-aktar li jħassbuhom huma l-innovazzjoni u l-burokrazija. Qegħdin naħdmu fuq it-tnejn li huma.

Eżatt qabel is-sajf il-Kummissjoni ħabbret l-akbar pakkett li qatt kien hemm mis-Seba' Programm ta' Qafas dwar ir-Riċerka, li jiswa €6.4 biljun. Dawn il-flus se jmorru għall-SMEs kif ukoll għax-xjenzati.

L-investiment fl-innovazzjoni jfisser ukoll il-promozzjoni ta’ universitajiet ta’ klassi mondjali fl-Ewropa. Nixtieq narahom jattiraw l-aktar studenti brillanti kemm mill-Ewropa u kif ukoll mill-bqija tad-dinja. Se nieħdu l-inizjattiva dwar il-modernizzazzjoni tal-universitajiet Ewropej. Irrid nara Ewropa li hija qawwija fejn tidħol ix-xjenza, l-edukazzjoni u l-kultura.

Jenħtieġ li ma ntejbux il-prestazzjoni tal-Ewropa fl-innovazzjoni fl-universitajiet biss. Jenħtieġ li ntejbuha tul il-katina kollha, mir-riċerka sas-suq, b’mod partikolari permezz ta’ sħubijiet għall-innovazzjoni. Neħtieġu Unjoni ta’ Innovazzjoni. Ix-xahar id-dieħel, il-Kummissjoni se tipproponi l-mod kif dan għandu jinkiseb.

Prova kruċjali oħra se tkun dwar jekk l-Istati Membru humiex lesti li jagħmlu pass fundamentali 'l quddiem billi nistabbilixxu privattiv li jkun validu madwar l-Unjoni Ewropea kollha. L-innovaturi tagħna ta' spiss iħallsu għaxar darbiet il-prezz li jkollhom iħallsu l-kompetituri tagħhom fl-Istati Uniti jew fil-Ġappun. Ippreżentajna proposta dwar dan. Din għandha tbaxxi l-ispejjeż b'mod fundamentali u tirdoppja l-kopertura. Wara deċenni ta’ diskussjoni wasal iż-żmien biex niddeċiedu.

Sejrin ukoll inkomplu nieħdu passi dwar il-burokrazija. L-SMEs qed jinħonqu f'għoqiedi ta' regolamenti. 71% tas-CEOs jgħidu li l-akbar ostakolu għas-suċċess tagħhom hija l-burokrazija. Il-Kummissjoni ressqet proposti li bihom il-kumpaniji Ewropej jiffrankaw €38 biljun fis-sena.

Nistimulaw l-innovazzjoni, innaqqsu l-burokrazija u niżviluppaw ħaddiema b'ħiliet kbar: dawn huma l-mezzi biex niżguraw li l-manifattura Ewropea tibqa’ ta’ klassi dinjija. Hija ta' importanza liema bħalha għall-Ewropa li tkun bażi industrijali ta' suċċess. Ix-xahar id-dieħel, il-Kummissjoni se tippreżenta politika industrijali ġdida għall-era ta’ globalizzazzjoni.

Għandna n-nies, għandna l-kumpaniji. Dak li jeħtieġu t-tnejn li huma huwa suq uniku miftuħ u modern.

Is-suq intern huwa l-aqwa kapitali li għandha l-Ewropa u m’aħniex qegħdin nisfruttawh biżżejjed. Jenħtieġ li, b’mod urġenti, napprofonduh.

8% biss mill-20 miljun SMEs fl-Ewropa huma involuti f’kummerċ transkonfinali u saħansitra anqas huma involuti f’investimenti transkonfinali. U anki fuq l-internet, aktar minn terz mill-konsumaturi m'għandhomx il-fiduċja neċessarja biex jagħmlu xiri transkonfinali.

Mario Monti, fuq talba li għamiltlu, ippreżenta rapport ta' espert u identifika 150 lakuni u imblokki fis-suq intern.

Ix-xahar id-dieħel se nfasslu l-mod kif se napprofondixxu s-Suq Uniku permezz ta' Att dwar is-Suq Uniku li jkun komprensiv u ambizzjuż.

L-Enerġija hija mutur ewlieni għat-tkabbir u prijorità ewlenija għal azzjoni: jenħtieġ li nikkompletaw is-suq intern għall-enerġija, nibnu u nagħmlu interkonnessjonijiet bejn grids tal-enerġija, u niżguraw is-sigurtà tal-enerġija u s-solidarjetà. Jenħtieġ li fil-każ tal-enerġija nagħmlu dak li għamilna fit-telefonija ċellulari: għażla vera għall-konsumaturi f'suq Ewropew wieħed.

B'hekk ikollna komunità reali tal-enerġija fl-Ewropa.

Jenħtieġ li nagħmlu l-fruntieri irrelevanti fejn jidħlu pipelines u l-cables tal-elettriku.

Jenħtieġ li jkollna l-infrastruttura għall-enerġija mix-xemx u mir-riħ.

Jenħtieġ li niżguraw li tul l-Ewropa kollha jkollna standard komuni sabiex l-iċċarġjar tal-batteriji tal-karozzi tal-elettriku jsir naturali daqs il-mili tat-tank tal-fjuwil.

Matul is-sena li ġejja, se nippreżentaw pjan ta’ azzjoni dwar l-enerġija, pakkett dwar l-infrastruttura u pjan ta’ azzjoni dwar l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija biex dil-viżjoni npoġġuha fis-seħħ. Aktar tard din is-sena ħa mmur jiena stess fir-reġjun tal-Kaspju biex nippromwovi l-"kurridur tan-Nofsinhar" bħala mezz li bih intejbu s-sigurtà tal-provvista tagħna

Biex nibnu Ewropa effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, jenħtieġ li nimxu lil hinn mill-enerġija. Fis-seklu 20, id-dinja gawdiet minn tkabbir fenomenali b’użu intensiv tar-riżorsi. Madwar id-dinja, fis-seklu 20, rajna tkabbir ta’ 400% tal-popolazzjoni akkumpanjat minn tkabbir ta’ 4000% fil-produzzjoni ekonomika. Iżda, matul l-istess perjodu, żidna wkoll l-użu tagħna tal-karburanti fossili b’1600%, il-qabdiet tal-ħut b’3500% u l-użu tal-ilma b’900%. U l-emissjonijiet tagħna tal-karbonju żdiedu b’1700%.

Dan ifisser li rridu nwettqu l-pakkett ta’ klima u enerġija tagħna, bħala mutur ewlieni għall-bidla. Dan ifisser l-integrazzjoni tal-linji differenti ta' politika dwar it-tibdil fil-klima, dwar l-enerġija, it-trasport u l-ambjent f'approċ koerenti dwar l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi, u futur fejn ftit jintużaw karburi.

Settur agrikolu li jħares 'l quddiem se jkollu rwol ewlieni fost il-miżuri Ewropej biex jiġu indirizzati xi wħud fost l-akbar sfidi li għandna quddiemna, bħal ma huma s-sigurtà tal-provvista tal-ikel madwar id-dinja, it-telf fil-bijodiversità u l-immaniġġjar sostenibbli tar-riżorsi naturali. Daqstant ieħor se jkollha rwol ewlieni l-politika marittima tagħna.

Dan kollu mhux biss se jsaħħaħ l-ekonomija tagħna fil-ġejjieni: se jipprovdi wkoll opportunitajiet ġodda llum. L-impjiegi fl-ekoindustrija ilhom jiżdiedu b'7% fis-sena mis-sena 2000 'l hawn. Irrid nara tliet miljun "impjieg aħdar" sal-2020, tliet miljun ħaddiem ambjentali li jikkomplementaw il-ħaddiema tal-id u l-ħaddiema klerikali tagħna.

Neħtieġu tkabbir sostenibbli; u neħtieġu tkabbir għaqli. Nofs it-tkabbir fil-produttività tal-Ewropa matul l-aħħar 15-il sena kien riżultat ta' teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni. Din ix-xejra jidher li għandha għax titqawwa. L-Aġenda Diġitali Ewropea se jwassal għal suq diġitali uniku li jkun jiswa 4% tal-PGD tal-UE sal-2020.

Onorevoli Membri,

Kull ma qegħdin nagħmlu huwa għaċ-ċittadini tal-Ewropa. Dimensjoni fundamentali tal-proġett Ewropew tagħna huwa preċisament il-kostruzzjoni ta' żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja.

Qed naħdmu qatigħ biex nimplimentaw il-pjan ta' azzjoni ta' Stokkolma. Se nagħmlu sforz reali fejn jidħlu l-ażil u l-migrazzjoni.

L-immigranti legali se jaraw li l-Ewropa hija post fejn il-valuri umani huma rispettati u infurzati. Fl-istess ħin, se neħduha qatta' bla ħabel kontra l-isfruttar tal-immigranti illegali fi ħdan l-Ewropa u fil-konfini tagħna. Il-Kummissjoni se tressaq proposti ġodda dwar kif se jiġu mgħassa l-fruntieri esterni tagħna. U se nressqu strateġija interna ta' sigurtà biex nindirizzaw theddid li ġej mill-kriminalità organizzata u mit-terroriżmu.

L-Ewropej se jaraw li d-drittijiet u l-obbligi fundamentali tagħhom jeżistu kulfejn imorru. Kulħadd fl-Ewropa għandu jirrispetta l-liġi, u l-gvernijiet għandhom jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem, inkluż dawk tal-minoranzi. Ir-razziżmu u l-ksenofobija m'għandhom l-ebda post fl-Ewropa. Quddiem kwistjonijiet sensittivi bħal dawn, meta tqum problema, għandna kollha kemm aħna naġixxu b'responsabbiltà. Napella bil-qawwa biex ma nerġgħux inqajmu l-eħirsa tal-passat.

Żona ta' ħelsien, libertà u sigurtà toħloq post fejn l-Ewropej ikunu jistgħu jistagħnew.

Onorevoli Membru,

Sfida oħra hija li nfasslu l-baġit futur għall-Unjoni Ewropea.

Ix-xahar id-dieħel se nressqu l-ewwel ideat tal-Kummissjoni għar-reviżjoni tal-baġit. Hija se tniedi dibattitu miftuħ mingħajr ħabi biex inħejju l-proposti leġiżlattivi tagħna li se jiġu ppreżentati fit-tieni tliet xhur tas-sena d-dieħla.

Jenħtieġ li nonfqu flusna fejn niksbu l-aħjar valur għalihom. U għandna ninvestuhom fejn iwasslu għat-tkabbir u jwettqu l-aġenda Ewropea tagħna. Il-kwalità tal-infiq tagħna għandha sservi ta’ bażi ta’ paragun għalina lkoll.

Għaldaqstant mhux biss importanti li wieħed jiddiskuti l-kwantità, iżda wkoll il-kwalità ta' dak li jintefaq u l-investiment li jsir.

Nemmen li l-Ewropa toffri valur miżjud reali. Huwa għal din ir-raġuni li jien se ninsisti fuq baġit ambizzjuż għal wara l-2013 għall-Ewropa.

Nemmen li għandna ngħaqqdu flimkien il-mezzi li għandna biex nappoġġjaw il-prijoritajiet ta' politika tagħna

Il-kwistjoni mhix dwar jekk nonfqux iktar jew inqas, iżda li nonfqu b'mod iktar intelliġenti, billi nħarsu lejn il-baġits Ewropej u nazzjonali flimkien. Il-baġit tal-UE mhuwiex għal Brussell – huwa għan-nies li intom tirrappreżentaw: għall-ħaddiem bla xogħol li qed jitħarreġ mill-ġdid mill-Fond Soċjali; għall-istudenti li jipparteċipaw fil-programm Erasmus; għar-reġjuni li qed jibbenefikaw mill-Fond ta' Koeżjoni.

L-interkonnessjonijiet tal-enerġija, u l-għajnuna għar-riċerka u l-iżvilupp huma eżempji ovvji fejn ewro minfuq fil-livell Ewropew irendi iktar minn ewro minfuq fil-livell nazzjonali. Xi Stati Membri qed jifhmu li dan hu loġiku anki f'oqsma ta' kompetenza nazzjonali ċentrali, bħal ma hi d-difiża. Huma jagħrfu li jistgħu jiffrankaw bil-kbir jekk jippuljaw xi wħud mill-mezzi u mill-attivitajiet tagħhom. L-ippuljar tal-flejjes fil-livell Ewropew jippermetti lill-Istati Membri jnaqqsu l-ispejjeż tagħhom, jevitaw l-irduppjar u jieħdu redditu ikbar fuq l-investiment tagħhom.

Huwa għalhekk li għandna nesploraw ukoll sorsi ġodda ta' finanzjament għal proġetti ta' infrastruttura Ewropej importanti. Pereżempju, se nipproponi t-twaqqif ta' bonds għal proġetti tal-UE, flimkien mal-Bank Ewropew tal-Investiment. Se nkomplu niżviluppaw ukoll is-Sħubijiet Pubbliċi Privati.

Kif għamilha ċara dan il-Parlament, għandna nindirizzaw ukoll il-kwistjoni tar-riżorsi proprji. Is-sistema preżenti tinsab mgħobbija sal-limiti – u tistrieħ fuq sett ta' korrezzjonijiet kumplikati. Iċ-ċittadini tagħna ħaqqhom sistema aktar ġusta, aktar effiċjenti u trasparenti. Xi wħud mhux se jaqblu mal-ideat kollha li se nqajmu; jiena nqisha ħaġa mhux tas-soltu li xi wħud diġà qed jiċħduhom qabel ma biss jafu x'se jkunu.

Naf li kwistjoni ta' interess għal din il-Kamra hija t-tul tal-perjodu tal-baġit li jmiss. Jeżistu diversi alternattivi. Nixtieq inħares lejn qafas ta' għaxar snin, b'reviżjoni ta' nofs it-terminu tad-dimensjoni finanzjarja wara ħames snin – alternattiva ta' "ħamsa u ħamsa". Dan se jagħtina l-possibbiltà ta’ programmar aktar fit-tul u rabta aktar ċara mal-mandati taż-żewġ istituzzjonijiet tagħna.

Bla dubju ta' xejn, parti minn baġit Ewropew kredibbli hija s-segwitu rigoruż tal-iffrankar. Qed neżamina l-ispejjeż amministrattivi fi ħdan il-Kummissjoni u korpi oħra tal-Komunità bħall-Aġenziji. Hemm bżonn neliminaw kull fejn hemm l-ineffiċjenza. Se nużaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri bħala bażi biex intejbu l-ġestjoni finanzjarja.

Onorevoli Membri,

L-aħħar sfida li rrid nindirizza llum hija kif nistgħu nasserixxu lilna nfusna fix-xena globali.

Meta nkunu qed nittrattaw il-problemi ta' kuljum, xi drabi nitilfu l-perspettiva u ninsew il-kisbiet tagħna. Tranżizzjoni paċifika u li rnexxiet għal Unjoni Ewropea li rduppjat fid-daqs u li qed tinnegozja aktar adeżjonijiet. Munita b'saħħitha, l-ewro, li hija munita ewlenija fid-dinja. Sħubija b'saħħitha mal-ġirien tagħna li ssaħħaħna lkoll. Jekk naġixxu b'mod deċiżiv m'hemm xejn li għandu jbeżżagħna mis-seklu 21.

Hekk kif jixirfu s-sħubijiet strateġiċi tas-seklu 21, l-Ewropa għandha taħtaf l-opportunità biex tiddefinixxi l-futur tagħha. Ninsab ħerqan li nara l-Unjoni tilgħab rwol fil-kwistjonijiet globali li huwa ugwali għall-importanza ekonomika tagħha. Sħabna jinsabu attenti u qed jistennewna ningaġġaw bħala Ewropa, u mhux biss bħala 27 pajjiż individwali. Jekk ma naġixxux flimkien, l-Ewropa mhux se tkun forza fid-dinja, u huma se jimxu mingħajrna: mingħajr l-Unjoni Ewropa iżda anki mingħajr l-Istati Membri tagħha. Huwa għalhekk li, fil-linji gwida politiċi tiegħi, sejjaħt lill-Ewropa biex issir attur dinji, mexxej dinji – ħidma ewlenija u test għall-ġenerazzjoni tagħna.

Flimkien mar-Rappreżentant Għoli u Viċi President Ashton, jien se nippreżenta l-viżjoni tagħna dwar kif nistgħu nimmassimizzaw ir-rwol tal-Ewropa fid-dinja. Bis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, għandna l-mezzi li jikkorrispondu għall-aspirazzjonijiet tagħna.

Fid-dinja globalizzata tagħna, ir-relazzjonijiet li nibnu mas-sħab strateġiċi jiddeterminaw il-prosperità tagħna. Biex inkunu effettivi fix-xena internazzjonali, għandna bżonn is-saħħa tal-Unjoni Ewropea. Id-daqs jimporta, issa iktar minn qatt qabel.

Eżempju tajjeb hija l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Kopenħagen uriet li, filwaqt li oħrajn ma laħqux mal-ambizzjonijiet tagħna, aħna ma għinniex lilna nfusna meta ma tkellimniex b'vuċi waħda. Jista’ jkun li n-negozjati waqfu iżda mhux it-tibdil fil-klima. Irrid li nintensifikaw il-ħidma tagħna ma' sħab internazzjonali ewlenin biex inbiddlu l-istqarrijiet għall-istampa tagħhom f'impenji kredibbli biex inaqqsu l-emissjonijiet u nimbuttaw 'il quddiem b'finanzjament għal bidu aċċellerat.

Fix-xahrejn li ġejjin se jkun hemm Samits kruċjali ma' sħab strateġiċi. Iktar ma nkunu nistgħu nistabbilixxu aġenda komuni b'interess Ewropew definit b'mod ċar, aktar se nkunu nistgħu nakkwistaw. Pereżempju, nara potenzjal kbir fl-iżvilupp ta’ aġenda trans-Atlantika għat-tkabbir u l-impjiegi.

Huwa fil-G20, il-forum fejn l-atturi ekonomiċi globali ewlenin jindirizzaw sfidi komuni, fejn diġà qed jirnexxielna nisfruttaw il-piż politiku tagħna. Meta l-President Van Rompuy u jien immorru Seoul f'Novembru u nirrappreżentaw lill-Unjoni Ewropea, irridu naraw riżultati konkreti:

Aktar progress fil-koordinazzjoni ekonomika globali.

Swieq finanzjarji iktar stabbli u responsabbli u ftehim dwar riforma tal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali.

Ilqugħ ta' sikurezza finanzjarji globali iktar effettivi.

Aktar progress dwar aġenda għall-iżvilupp mill-G20.

Se nkomplu nkunu fuq quddiem f'dan il-forum u naħdmu mill-qrib mal-Presidenza Franċiża tal-G8/G20 is-sena d-dieħla.

Irridu naraw ukoll appoġġ għall-Proċess ta' Doha. Il-kummerċ jagħti spinta lit-tkabbir u lill-prosperità. Se naħdmu wkoll biex nikkonkludu Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles bilaterali u reġjonali. F’Ottubru, il-Kummissjoni se tippreżenta politika tal-kummerċ imġedda biex iġġib aktar benefiċċji għall-Ewropa.

Li nkunu miftuħin għad-dinja jfisser ukoll li nuru solidarjetà mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, speċjalment mal-Afrika. Meta mmur New York għal-Laqgħa ta’ Livell Għoli dwar l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju fi żmien ġimagħtejn, bi ħsiebi nimpenja, bl-appoġġ tagħkom, u f'isem l-Unjoni Ewropea €1 biljun addizzjonali għall-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju.

Li nkunu atturi dinjin ifisser ukoll li niddefendu l-valuri tagħna. Id-drittijiet tal-bniedem mhumiex miftuħa għad-diskussjoni. Nitkexkex dwar il-mod kif id-drittijiet tan-nisa qed jinkisru f'bosta pajjiżi. Jiena nħossni ddisgustat meta nisma’ li Sakineh Mohammadi Ashtiani ġiet ikkundannata għall-mewt permezz tat-tħaġġir. Dan huwa barbariżmu lil hinn mill-kliem. Fl-Ewropa aħna nikkundannaw tali atti li m'għandhom ebda ġustifikazzjoni taħt kwalunkwe kodiċi morali jew reliġjuża

Il-valuri tagħna jfissru wkoll li hemm bżonn ngħinu lil dawk li qed jiffaċċaw sitwazzjoni ta' kriżi fi kwalunkwe post madwar id-dinja.

L-għajnuna umanitarja tagħna lill-Pakistan hija l-aħħar eżempju tas-solidarjetà tal-Ewropa fil-fatt. Hija eżempju prominenti tal-ħtieġa li nippreżentaw il-kontribuzzjonijiet differenti tal-Kummissjoni u l-Istati Membri bħala pakkett ta' għajnuna verament Ewropew. L-Istati Membri għandhom il-ħelikopters; għandhom it-timijiet tal-protezzjoni ċivili. Jenħtieġ li nippuljawhom flimkien biex noħolqu kapaċità Ewropea reali għar-rispons f'każ ta' kriżi. Huwa dan li se tipproponi l-Kummissjoni f’Ottubru. U nħeġġeġ lill-Istati Membri biex juru li huma serji dwar il-bżonn li l-Unjoni tuża l-influwenza tagħha f'dan il-qasam.

Qed nagħmlu progress dwar politika barranija komuni. Iżda m'għandu jkollna l-ebda illużjoni: mhux se jkollna l-influwenza li neħtieġu fid-dinja mingħajr politika ta’ difiża komuni. Nemmen li issa hu l-mument li nindirizzaw din l-isfida.

Onorevoli Membri,

Għadna qed nistabbilixxu l-istruttura istituzzjonali l-ġdida tal-Ewropa maħluqa mit-Trattat ta' Lisbona.

Dak li hu tassew importanti huwa dak li l-istituzzjonijiet jiksbu għaċ-ċittadini. Dak li hu importanti hu d-differenza li tagħmel l-Ewropa fil-ħajja tagħhom ta' kuljum.

Is-sigriet tas-suċċess tal-Ewropa huwa l-mudell uniku tal-Komunità. Iktar minn qatt qabel, il-Kummissjoni teħtieġ issuq l-aġenda politika bil-viżjoni u l-proposti tagħha.

Sejjaħt għal relazzjoni speċjali bejn il-Kummissjoni u l-Parlament, iż-żewġ istituzzjonijiet Komunitarji per eċċellenza. Qiegħed nintensifika l-kooperazzjoni politika magħkom.

L-Ewropa mhix biss Brussell jew Strasburgu. Hija r-reġjuni tagħna. Hija l-ibliet u l-irħula minn fejn ġejjin intom. Meta tkun qed idduru madwar id-distretti elettorali tagħkom tistgħu turu proġetti Ewropej li tant huma importanti għall-prosperità tagħhom.

Fl-aħħar mill-aħħar, ilkoll ninsabu f'baħar wieħed, l-istituzzjonijiet Ewropej, l-Istati Membri, ir-reġjuni. L-Unjoni mhux se tilħaq l-għanijiet tagħha fl-Ewropa mingħajr l-Istati Membri. U l-Istati Membri mhux se jilħqu l-għanijiet tagħhom fid-dinja mingħajr l-Unjoni Ewopea.

Onorevoli Membri,

Iċ-ċittadini Ewropej jistennew li aħna nieħdu l-azzjoni meħtieġa biex noħorġu minn din il-kriżi.

Hemm bżonn nuruhom li l-isforzi komuni li qed nagħmlu llum se jwasslu għal impjiegi ġodda, investimenti ġodda, u għal Ewropa f'kundizzjoni tajba għall-futur.

Ninsab konfidenti li l-Ewropa kapaċi twettaq dak li hu mitlub minnha. Se niksbu r-riżultati li qed naspiraw għalihom.

Ħaġa waħda hija ċerta, din il-battalja ma tintrebaħx bil-pessimiżmu. Iżda bil-fiduċja, b'rieda komuni qawwija.

Illum tajt il-qafas tal-pjan ta’ kif naħseb li l-Unjoni Ewropea jirnexxilha tagħmel dan.

Ħadt l-impenn li nippreżenta l-proposti biex nibnu l-unjoni ekonomika tagħna.

Ippreżentajt l-argumenti biex titħaffef l-aġenda ta’ riforma tagħna.

Fissirt kif għandha tiġi mmodernizzat l-ekonomija soċjali tas-suq tagħna biex inwasslu tkabbir u impjiegi f'ekonomija intelliġenti, sostenibbli u inklussiva permezz tal-inizjattivi ewlenin tagħna f'Ewropa 2020.

Fissirt kif tista' tinkiseb politika tal-enerġija komuni fl-Ewropa.

Iddifendejt il-ħtieġa għal żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, fejn l-Ewropej jaraw li d-drittijiet u l-obbligi fundamentali tagħhom jeżistu kulfejn imorru.

Tkellimt ċar li l-Kummissjoni se tirsisti għal baġit ambizzjuż.

Ipproponejt li jiġu żviluppati bonds għall-proġetti tal-UE biex jiġu ffinanzjati proġetti Ewropej kbar.

Ħabbart l-impenn imsaħħaħ tagħna lejn l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju.

Tkellimt biċ-ċar dwar għaliex għandna bżonn kapaċità komuni għar-rispons f'każ ta' kriżi kif ukoll politika barranija u ta’ difiża komuni.

Ħeġġiġt lill-mexxejja Ewropej biex jaġixxu flimkien jekk iridu li l-Ewropa jkollha sehem globali u li tiddefendi l-interess Ewropew.

Hija tassew aġenda transformazzjonali, aġenda ambizzjuża u li tipprovdi diversi sfidi.

Biex l-Ewropa tirnexxi, il-Kummissjoni teħtieġ l-appoġġ tagħkom għal Ewropa aktar b'saħħitha, għall-ġid taċ-ċittadini tagħna.

Grazzi.

MEMO/10/393


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site