Navigation path

Left navigation

Additional tools

Brussell, 18 ta' Frar 2013 Diskors mill-President tal-Kunsill Ewropew Herman Van Rompuy fil-Parlament Ewropew

European Council - PRES/13/60   18/02/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO GA

KUNSILL EWROPEW

IL-PRESIDENT

MT

Brussell, 18 ta' Frar 2013

(OR. en)

EUCO 41/13

PRESSE 60

PR PCE 34

Diskors mill-President tal-Kunsill Ewropew

Herman Van Rompuy fil-Parlament Ewropew

Fis-7-8 ta' Frar, il-Presidenti u l-Prim Ministri tas-27 pajjiż kollha tagħna laħqu ftehim fil‑livell tagħhom, dwar il-Qafas Finanzjarju tal-Unjoni għas-seba' snin li ġejjin.

Meta mqabbel mal-qafas preċedenti (2007-2013), il-limiti massimi tal-infiq ġenerali tnaqqsu ftit, iżda f'dawk il-limiti massimi seħħet bidla ċara ta' prijoritajiet, waqt li qed jiżdied is-sehem tal-investimenti fit-tkabbir u l-impjiegi. Dan jirrifletti ż-żewġ konsiderazzjonijiet ewlenin li wasslu għall-għażliet tagħna: nadattaw għal limitazzjonijiet baġitarji severi fl-Ewropa kollha, waqt li ninvestu għall-ġejjieni.

Kif jidher biċ-ċar mir-rapporti fl-istampa, kull wieħed mill-mexxejja pprova jikseb l-aħjar ftehim għal pajjiżu u ċ-ċittadini tiegħu. Dan huwa perfettament leġittimu, bħalma hu l-fatt li xi wħud iffokaw aktar fuq l-interessi tal-kontribwenti tagħhom u oħrajn fuq il-ħtiġijiet tal-benefiċjarji. Għalija l-importanti hu li flimkien ilħaqna ftehim u li kien ftehim pożittiv għall-Ewropa kollha kemm hi.

Kien jeħtiġilna naslu għal ftehim dwar tliet parametri: id-daqs, il-prijoritajiet tal-infiq u s‑sorsi tad-dħul, waqt li fl-istess ħin nimmiraw għal baġit modernizzat u realistiku, iffokat fuq il-ħtiġijiet l-aktar urġenti.

L-ewwel, dwar id-daqs: fiċ-ċirkostanzi ekonomiċi attwali, l-unika għażla kienet baġit ta' moderazzjoni. Fl-Ewropa kollha qed jiġu ssikati ċ-ċinturini, u l-Unjoni ma setgħatx tkun eċċezzjoni. Xi wħud jikkunsidraw it-tnaqqis ta' 3% fil-limitu massimu tal-impenji bħala pass lura għall-Ewropa. Mhuwiex pass lura. Bħal kullimkien fl-Ewropa, ħafna mill-enfasi hi fuq li jitwettaq aktar b'anqas flus u li jkun żgurat li kull euro jmur fejn jista' jkollu l‑akbar impatt. Aktar Ewropa ma tfissirx neċessarjament aktar flus.

Iżda tixtieq nissottolinja wkoll li dan it-tnaqqis fil-limitu massimu tal-impenji għandu mnejn ma jirriżultax fi tnaqqis fil-ħlasijiet proprji fil-baġits annwali li intom tadottaw. Matul l-aħħar seba' snin, il-ħlasijiet li dwarhom ivvota l-Parlament kienu ferm taħt il-limitu massimu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP), b'total ta' €875bn matul il-perijodu kollu -- ħafna anqas mid-€908bn previsti fil-preżent għas-seba' snin li ġejjin.

Fi kwalunke każ, il-limiti massimi tal-QFP qatt ma kienu ser jinbidlu, la 'l fuq u lanqas 'l isfel, b'aktar minn ftit punti ta' persentaġġ, minħabba l-ħtieġa għal unanimità, iżda xi kummentarji politiċi ffokaw esklużivament fuq dak l-aspett. F'Novembru li għadda, jiena stess ressaqt proposta għal limitu massimu ġenerali ta' impenji ta' €970bn, u l-ftehim finali ta' €960bn kien qrib din iċ-ċifra --għalkemm diversi Stati Membri riedu jaslu għal €30bn jew aktar taħt il-proposta tiegħi. Meta nħarsu lejn il-kontenut tal-infiq, naraw li hemm bidliet reali, u dawn il-bidliet jistħoqqilhom jintlaqgħu tajjeb. Is-sinifikat tagħhom hu ferm akbar mill-bidla żgħira għal-limitu massimu ġenerali, u jistħoqqlu ferm aktar attenzjoni.

L-ewwel, l-infiq taħt l-Intestatura 1a, li tinkludi r-Riċerka u l-Innovazzjoni, in-netwerks transkonfinali tal-enerġija, tat-trasport u dawk diġitali, il-Galileo u l-Erasmus, jiżdied b'37.3% meta mqabbel mal-QFP preċedenti. Barra minn hekk, din iż-żieda hija kostanti, u b'hekk sas-sena finali tkun laħqet aktar minn 40%. Meta mqabbla mas-sitwazzjoni attwali, hemm titjib sinifikanti. Għal darb'oħra, wieħed jista' jiddispjaċih li mhux il-proposti kollha tal-Kummissjoni għal investiment ġew aċċettati, iżda mhux korrett li aġġustamenti għal proposta jiġu ppreżentati bħala "tnaqqis" meta fir-realtà ftehmna dwar sostanzjalment aktar flus għall-investiment fit-tkabbir mill-Qafas attwali.

It-tieni, l-infiq ta' koeżjoni ser ikun immirat aħjar u jkollu inċentivi għar-riżultati, bi flus riżervati għall-aħjar prestazzjonijiet. Ser ikun hemm kondizzjonalità makroekonomika biex tiżdied is-sinerġija bejn il-finanzjament ta' koeżjoni u l-governanza ekonomika. B'mod ġenerali, il-programmi ta' finanzjament ser ikunu aktar sempliċi u kkontrollati aħjar. Ser ikun hemm rata għolja ta' kofinanzjament tal-UE fil-pajjiżi ta' koeżjoni bi tratattament favorevoli tal-VAT, li flimkien ser jgħinu lill-baġits nazzjonali fil-pajjiżi ta' koeżjoni. Fl‑allokazzjoni tal-fondi strutturali, il-pajjiżi aktar foqra ser jirċievu proporzjon akbar tal‑finanzjament ta' koeżjoni. Il-koeżjoni mhijiex politika li tħares lura, iżda investiment għall-futur. Barra minn hekk, l-appoġġ tagħna għall-persuni l-aktar fil-bżonn jibqa' intatt.

It-tielet, b'rispons għaż-żieda fil-qgħad fost iż-żgħażagħ – li b'kollox jaffettwa lil żagħżugħ Ewropew minn kull erbgħa, wieħed minn tnejn f'ċerti pajjiżi – inizjattiva ġdida ta' €6 biljun ser tikkontribwixxi biex tgħin fil-ġlieda kontra din is-sitwazzjoni drammatika. Huwa eżempju ċar tad-dimensjoni soċjali tal-baġit tagħna.

Ir-raba', dwar l-agrikoltura -- qasam ta' politika ffinanzjat kważi esklużivament fil-livell Ewropew -- l-enfasi hija dejjem aktar fuq il-kwalità tal-ħajja fiż-żoni rurali, il-prattiki ekoloġiċi u l-produzzjoni sostenibbli tal-ikel, li huma essenzjali għalina lkoll. L-agrikoltura mhix il-"passat", iżda bis-saħħa tar-riformi tal-Politika Agrikola Komuni l-piż relattiv tagħha fil-baġit qed jonqos u ser ikompli jonqos. Sa tmiem il-perijodu ta' seba' snin, l‑ewwel pilastru tal-infiq għall-PAK ser jirrappreżenta madwar 27% tal-baġit kollu -- ħafna anqas mill-75% li kien fis-snin sebgħin!

Il-ħames, in-nefqa fuq is-Sigurtà u ċ-Ċittadinanza ser togħla b'27%. Dan huwa qasam ta’ kooperazzjoni Ewropea li qed tikber u ż-żieda tirrifletti dan.

Is-sitta, ir-relazzjonijiet esterni tagħna ma ġewx injorati. Iż-żieda hawnhekk hi ta’ 3.3% f’termini reali. Barra minn hekk, aħna wegħdna li nilħqu l-impenn tagħna għall-Għanijiet ta’ Żvilupp tal‑Millennju. Il-mezzi li jippermettu lill-Ewropa tipparteċipa fi kwistjonijiet globali vitali, bħall‑għajnuna għall-iżvilupp jew it-tibdil fil-klima, jibqgħu mhux mittiefsa. Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp - għall-kuntrarju ta’ kif rajt li ġie rrappurtat - ma tnaqqasx iżda minflok żdied.

Is-seba’, anke l-intestatura tal-Amministrazzjoni għandha żieda żgħira. Dan jirrifletti l‑ħtiġijiet li jirriżultaw mit-tkabbir u l-kompiti l-ġodda assenjati lill-Unjoni mill-Istati Membri. Huwa jaħbi sforz konsiderevoli li ser isir mill-persunal tagħna li ser iġarrbu, kif propost mill-Kummissjoni, tnaqqis globali fin-numri, żieda fil-ħin tax-xogħol u età tal‑irtirar ogħla. Iżda l-UE ser tkompli jkollha servizz ċivili effettiv. Uħud minnkom esprimew dubju dwar dan: iċ-ċifri huma ċari.

Fl-aħħar nett, qattajna wkoll xi ħin fuq is-sorsi, jew fil-lingwaġġ tal-UE: “riżorsi proprji”. Iddeċidejna fuq kumpens iktar baxx lill-Istati Membri għall-ispejjeż għall-ġbir ta’ dazji u imposti, u b’hekk jiżdied it-teħid ta’ riżorsi proprji tradizzjonali. Ftaħna perspettivi għal riżorsi proprji ġodda possibbli, b’rabta ma’ sistema ġdida tal-VAT u t-Taxxa fuq it‑Transazzjonijiet Finanzjarji futura. Ilħaqna kompromess dwar il-kwistjoni diffiċli tar‑rifużjonijiet.

Ippermettuli wkoll ngħid erba’ kelmiet dwar kritika partikolari li saret dwar dan il-ftehim, jiġifieri dwar id-diskrepanza bejn l-impenji u l-ħlasijiet. Fil-verità, din kienet viċin ħafna dak li kien imbassar fl-aħħar QFP, iżda din id-darba ħdimna fuq skema biex jitnaqqas id‑distakk. Qbilna dwar iktar flessibbiltà - anke għall-“iktar flessibbiltà possibbli” - sabiex ikun hemm approprjazzjonijiet ta’ ħlas adegwati biex jintlaħqu l-impenji legali. Il-bżonn ta’ dan ġie deskritt lilna b’mod elokwenti mill-President tagħkom, Martin Schulz, fil-bidu tal-laqgħa tagħna.

Tabilħaqq, nenfasizza li l-punti li saru mill-Parlament kienu kruċjali matul il-proċess, forsi iktar milli ħsibtu. Il-Parlament ċertament għen biex jintwera li l-infiq tal-UE mhuwiex direttament komparabbli mal-infiq nazzjonali, ikkonċentrat kif inhu fuq il-potenzjal ta’ investiment. Il-Parlament żamm ħajja l-kwistjoni tar-riżorsi proprji, li ftit Stati Membri kellu aptit jikkunsidraw. Il-Parlament għamel enfasi b'xi ftit ta' suċċess għal klawsola ta’ flessibbiltà ġdida u għal klawsola ta’ rieżami, it-tnejn li huma msemmija fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew. U l-Parlament kontinwament iffoka l-attenzjoni fuq il-bżonn li r‑riżorsi jgħaddu għand l‑oqsma ta’ politika ġodda favur it-tkabbir. Anke jekk dan ma sarx daqs kemm ġie propost mill-proposta inizjali tal-Kummissjoni, kwalunkwe tqabbil ta’ daqs b’daqs - ta’ dan il-QFP imqabbel ma’ dak preċedenti - juri li ż-żieda hi waħda sostanzjali. Anke fil-livell globali ta’ nfiq, infakkar li meta ġie nnegozjat l-aħħar QFP, il-proposta tal‑Kummissjoni kienet tnaqqset b’ħafna iktar: - 13% mqabbel mat-8% ta’ din id-darba.

Li lħaqna qbil juri sens ta' responsabbiltà kollettiva mill-mexxejja tal-Ewropa, iżda konna konxji li għad irid jintlaħaq qbil finali mal-Parlament. Fakkart lill-kollegi tiegħi li l-Kunsill Ewropew iddeċieda biss dwar mandat - għalkemm wieħed b’saħħtu - għall-Kunsill ordinarju u l-Presidenza tiegħu biex jitressaq għad-diskussjoni mal-Parlament. Permezz ta’ dan, il-Kunsill Ewropew issodisfa r-rwol tiegħu taħt l-Artikolu 15 tat-Trattat, li “jiddefinixxi d-direzzjonijiet u l-prijoritajiet politiċi ġenerali” tal-Unjoni. Issa nħallu lill‑Kunsill jaħdem mal-Parlament għall-adozzjoni tal-atti neċessarji.

U ejja ma ninsewx: il-benefiċjarji qed jibbażaw fuq dan il-QFP il-ġdid mill‑1 ta’ Jannar 2014. Baġit ta’ investiment ta’ seba’ snin huwa fattur b’saħħtu ta’ prevedibbiltà. Mingħajru, nistgħu nallokaw biss flus għal sena waħda kull darba. Għax‑xjenzjati, l‑organizzazzjonijiet mhux governattivi u l-universitajiet, għall-awtoritajiet lokali u reġjonali madwar l-Ewropa, din tkun daqqa ta’ ħarta kbira. Proġetti kbar jiddependu fuq perspettiva fit-tul. F’mument meta l-fiduċja fl-ekonomiji tagħna ġejja lura bil-mod il-mod, l-issiġillar ta’ din il-perspettiva ta’ seba’ snin għall-Ewropa ser tkun sinjal pożittiv.

Biex jiġu evitat kwalunkwe dewmien u inċertezza, inħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Parlament biex jikkonkldu b’ħeffa. L-alternattiva li nistrieħu fuq il-limiti massimi stabbiliti fl-aħħar sena tal-QFP preċedenti, torbotna fix-xejra ta’ nfiq eżistenti, ittellef ir-riformi li ntlaħaq qbil dwarhom u twassalna għal staġnar fit-tiġdid tal-bażijiet legali neċessarji. Għaldaqstant nawgura lilkom u lill-Presidenza Irlandiża tal-Kunsill l-aħjar xewqat biex tmexxi dan ’il quddiem. Għadni konvint li nistgħu nilħqu qbil globali dwar il-QFP. Diskussjoni miftuħa, ibbażata fuq fatti u figuri, tagħmel dan possibbli.

Minbarra l-QFP, l-aġenda tagħna kienet tinkludi wkoll diskussjoni dwar il-kummerċ. Il‑kummerċ jista’ potenzjalment jgħinna niksbu daqstant għat-tkabbir u l-impjiegi daqs l‑investimenti kollha li saru possibbli bis-saħħa tal-qbil tagħna dwar il-QFP! Id-“dawl aħdar” li tajna għall-bidu ta’ taħditiet kummerċjali transatlantiċi mal-Istati Uniti tal‑Amerika ġie immedjatament segwit minn dikjarazzjoni konġunta mill-President Obama, minni u mill-President Barroso li ż-żewġ naħat issa ser jibdew il-proċeduri interni neċessarji għat-tnedija ta’ negozjati dwar Sħubija Transatlantika ta' Kummerċ u ta’ Investiment.

Ikkonkludejna bl-eżami tal-iżviluppi fid-dinja Għarbija. Sentejn wara li bdiet ir‑“Rebbiegħa Għarbija”, kien il-mument adatt li jsir rendikont tal-appoġġ tal-Ewropa għat-transizzjonijiet demokratiċi fir-reġjun. L-avvenimenti reċenti jissottolinjaw għal darba oħra kif dawn it-transazzjonijiet jistgħu jkunu diffiċli. L-Unjoni tibqa’ impenjata.

Fl-aħħar nett dwar Mali: nilqgħu l-azzjoni deċiżiva meħuda minn Franza, bl-appoġġ ta’ sħab oħra Ewropej u Afrikani. L-Unjoni hi impenjata li tappoġġa dan l-isforz billi tuża l‑firxa sħiħa tagħha ta’ strumenti biex tgħin ħalli jerġa’ jkun hemm id-demokrazija u l‑ordni kostituzzjonali f’Mali. It-tnedija immedjata tal-Missjoni Ewropea għat-Taħriġ hi parti essenzjali minn dan.

Dan jikkonkludi r-rapport tiegħi u nistenna b'interess il-kummenti tagħkom.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website