Navigation path

Left navigation

Additional tools

Brussell, 15 ta' Frar 2013 Herman Van Rompuy President tal-Kunsill Ewropew Baġit għall-futur

European Council - PRES/13/58   15/02/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO GA

KUNSILL EWROPEW
IL-PRESIDENT

MT

Brussell, 15 ta' Frar 2013

(OR. en)

EUCO 40/13

PRESSE 58

PR PCE 33

Herman Van Rompuy
President tal-Kunsill Ewropew
Baġit għall-futur

Ġimgħa ilu, wara lejl twil ta' negozjati, is-27 president u prim ministru tal-pajjiżi tagħna laħqu ftehim dwar il-baġit tal-Unjoni Ewropea għas-seba' snin li jmiss. Nhar it-Tnejn ser nippreżentah u niddefendih fil-Parlament Ewropew.

Kif joħroġ ċar mir-rapporti fl-istampa, kull wieħed mill-mexxejja kollha pprova jikseb l-aħjar li seta’ għal pajjiżu u għaċ-ċittadini tiegħu. Dan huwa perfettament leġittimu, bħalma hu l-fatt li wħud iffokaw aktar fuq l-interessi tal-kontribwenti tagħhom u oħrajn fuq il-bżonnijiet tal-benefiċjarji. Li hu importanti għalija hu li flimkien ilħaqna qbil dwar baġit għall-bqija tad-deċennju u li hu tajjeb għall-Ewropa kollha kemm hi.

Iċ-ċifri jitkellmu waħedhom. Il-miri globali tal-infiq qed jonqsu, iżda s-sehem tal-investimenti għat-tkabbir u l-impjiegi qed jogħla. Dan jirrifletti ż-żewġ konsiderazzjonijiet ewlenin wara l-għażliet li ressaqna: nadattaw għal limitazzjonijiet baġitarji severi madwar l-Ewropa, waqt li ninvestu għall-ġejjieni.

Bħal kullimkien fl-Ewropa, l-enfasi hi fuq li jsir aktar b'inqas flus, inkluż għall-ispejjeż tal-amministrazzjoni, u li jkun żgurat li kull euro jmur fejn jista' jkollu l-akbar impatt. Iċ-ċintorini qed jiġu ssikkati fl-Ewropa kollha u l-Unjoni nnifisha ma tistax tkun eċċezzjoni, u għalhekk l-unika għażla kienet baġit ta' moderazzjoni. Għall-ewwel darba fl-istorja, il-limiti massimi tal-infiq naqsu meta mqabbla mal-perijodu preċedenti, u ġew ristretti għal 1% preċiż tad-dħul nazzjonali gross tal-UE.

Fid-dawl tal-isfidi ekonomiċi ta' bħalissa, l-ogħla prijorità tagħna hija li niffokaw fuq l-impjiegi, it-tkabbir u l-kompetittività. Ma nistgħu b'ebda mod nissagrifikaw l-investimenti orjentati lejn il-futur, fl-edukazzjoni, ir-riċerka jew l-innovazzjoni. Hu għalhekk li l-baġit il-ġdid jipprevedi 37% aktar (jew EUR 34 biljun) preċiżament f'dawk l-oqsma, kif ukoll jalloka somom sostanzjali għal netwerks transkonfinali tal-enerġija, tat-trasport u dawk diġitali (EUR 30 biljun). Inizjattivi ewlenin bħall-'Erasmus għal kulħadd', il-programm ta' skambju għall-istudenti u l-għalliema, jew 'Orizzont 2020', l-ikbar programm ta' riċerka u innovazzjoni tal-kontinent, ukoll ser ikollhom żieda reali fil-finanzjament tagħhom.

Dan sar possibbli bl-immodernizzar tal-baġit. Pereżempju, għall-agrikoltura, qasam ta' politika ttrattat esklużivament f'livell Ewropew, l-enfasi qed tersaq lil hinn mis-sussidji ġenerali u lejn il-fatt li jkunu żgurati dħul ġust għall-bdiewa, kwalità tal-ħajja fl-inħawi rurali u prattiki aktar favur l-ambjent. Settur tal-ikel sostenibbli huwa essenzjali għalina lkoll. L-agrikoltura mhix xi ħaġa tal-passat, iżda bis-saħħa tar-riformi tal-politika agrikola komuni l-piż relattiv tagħha fil-baġit qed jonqos u ser ikompli jonqos.

Bi tweġiba għaż-żieda fil-qgħad fost iż-żgħażagħ – li jaffettwa lil żagħżugħ Ewropew minn kull erba', wieħed minn tnejn f'ċerti pajjiżi – inizjattiva ġdida li tiswa EUR 6 biljun ser tgħin biex tiġi miġġielda din is-sitwazzjoni drammatika. Ser jiġu mobilizzati fondi reġjonali biex jgħinu lill-pajjiżi l-iktar milquta mill-kriżi. Il-fondi ser ikomplu jindirizzaw l-ifqar reġjuni u n-nies l-aktar fil-bżonn biex titjieb il-koeżjoni soċjali fl-Unjoni tagħna. U minkejja l-kriżi, il-mezzi li jippermettu lill-Ewropa tipparteċipa fi kwistjonijiet globali vitali, bħall-għajnuna għall-iżvilupp jew it-tibdil fil-klima, jibqgħu mhux mittiefsa.

F'bosta modi, dan hu baġit modernizzat u realistiku ffokat fuq il-kwistjonijiet l-aktar urġenti. Bħala kompromess, forsi mhuwa baġit perfett għal ħadd, iżda jirrikonċilja l-fehmiet ta' kulħadd. Hemm min jiddispjaċih li ma setgħux jiġu adottati l-proposti kollha ta' investiment, billi din l-ispiża kienet tkun għolja żżejjed.

Jista' jkun anki jien jiddispjaċini dwar dan, iżda jkun qarrieqi li wieħed jippreżenta bħala 'tnaqqis' aġġustamenti għal abbozz, meta fir-realtà l-baġit li ddeċidejna jipprovdi sostanzjalment aktar flus għal investiment fit-tkabbir minn dak attwali. U dawn il-flus ser jagħmlu differenza.

Il-ftehim tal-ġimgħa li għaddiet mhux it-tmiem ta' din l-istorja. Il-Parlament Ewropew issa ser jeżamina l-qbil politiku milħuq mill-mexxejja bi tħejjija għal negozjar aħħari. Fil-ġranet ta' qabel is-summit, il-membri tiegħu kienu diġà esprimew tħassib leġittimu, pereżempju dwar il-ħtieġa ta' sorsi ġodda ta' introjtu jew ta' forom ta' flessibbiltà baġitarja. Dan jagħmel sens, għax ħadd ma jista' jbassar fejn ser tkun l-Ewropa sa seba' snin oħra. Barra minn hekk, il-flessibbiltà tgħin sabiex ikun żgurat li l-pagamenti tal-Unjoni jkunu jistgħu jissodisfaw l-impenji tagħha.

Baġit ta' investiment ta' seba' snin huwa fattur b’saħħtu ta' prevedibbiltà. Mingħajru, nistgħu nimpenjaw flus għal sena waħda biss kull darba. Għax-xjenzjati, l-għaqdiet tal-karità u l-universitajiet, għall-awtoritajiet lokali u reġjonali madwar l-Ewropa, din tkun daqqa ta' ħarta kbira. Proġetti kbar jiddependu minnu. F'mument meta l-fiduċja fl-ekonomiji tagħna ġejja lura bil-mod, l-issiġillar ta' din il-perspettiva ta' seba' snin għall-Ewropa ser ikun sinjal pożittiv.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website