Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Brussell, 8 ta' Frar 2013 Kummenti mill-President Herman Van Rompuy wara l-Kunsill Ewropew

Conseil de l'Europe - PRES/13/48   08/02/2013

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO GA

KUNSILL EWROPEW
IL-PRESIDENT

MT

Brussell, 8 ta' Frar 2013

(OR. en)

EUCO 36/13

PRESSE 48

PR PCE 30

Kummenti mill-President Herman Van Rompuy
wara l-Kunsill Ewropew

Kienu 24 twal, iżda li kienu ta' suċċess: il-Kunsill Ewropew għadu kif qabel dwar il-baġit pluriennali li jmiss. U mhux biss dwar kwalunkwe baġit. Huwa baġit għall-Ewropa bbilanċjat u orjentat lejn it-tkabbir għall-bqija tad-deċennju.

Ma kinitx biċċa xogħol faċli: din kienet l-itwal laqgħa li qatt kelli tul il-mandat tiegħi, iżda l-ħidma tagħna kienet tiġġustifika dan ir-riżultat.

Dan il-kompromess juri sens ta' responsabbiltà kollettiva mill-mexxejja tal-Ewropa, iżda ma rridux ninsew li għad irid jintlaħaq qbil finali mal-Parlament Ewropew. Veru li mhuwiex baġit perfett għal kulħadd, iżda hemm ħafna fih għal kulħadd. Naturalment, wieħed jista' jħares lejn ir-riżultat aħħari minn ħafna u ħafna angoli.

Mill-perspettiva Ewropea globali, irrid nenfasizza li dan il-baġit huwa orjentat lejn il-futur, huwa realistiku u mmotivat minn tħassib urġenti.

Dawn huma t-tliet dimensjonijiet ewlenin tiegħu, u ser nagħti ħarsa ta' malajr lejn kull waħda minnhom. L-ewwel: dan huwa baġit għall-futur. Dan kien l-aspett li l-aktar insistejt dwaru. Ma nistgħux naqbdu u nissagrifikaw l-investimenti tagħna fl-edukazzjoni, ir-riċerka u t-tkabbir. Huwa minnu li xi wħud forsi stennew aktar hawnhekk, iżda ħalli ma ninsewx iċ-ċifri. Meta mqabbel mal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) preċedenti, hemm żieda ġenerali ta' €34bn (jew kważi 40%) fl-intestatura tal-Kompetittività għat-Tkabbir u l-Impjiegi.

Ser ikun hemm ukoll żieda reali u netta għal programmi bħal "Erasmus għal kulħadd" u "Orizzont 2020" għall-innovazzjoni.

Fl-aħħar nett, hu ċar li l-fokus jinsab fuq il-ħolqien ta' investimenti ġodda u fuq l-iżvilupp ta' netwerks għat-trasport, l-enerġija u l-ICT, inklużi €30bn għal "Faċilità nikkollegaw l-Ewropa".

It-tieni dimensjoni: dan huwa baġit ta' moderazzjoni. Ma stajniex, assolutament, ninjoraw ir-realtajiet ekonomiċi estremament diffiċli madwar l-Ewropa. B'hekk kellu jkun baġit aktar żnell. Kien hemm għall-ewwel darba tnaqqis reali meta mqabbel mal-aħħar QFP; qbilna li kien ser ikun tnaqqis ta' madwar €34bn kemm għall-impenji kif ukoll għall-pagamenti (imqabbel mal-perijodu 2007-2013), li rriżulta fil-limiti massimi ġenerali ta' €960bn f'impenji u €908,4bn f'pagamenti. Dan ifisser limitu fuq l-impenji ta' eżattament 1% tat-total tad-DNG Ewropew: numru sensibbli u arrotondit tajjeb.

Biex niżguraw infiq aħjar, qed nintroduċu elementi ġodda:
- għall-pajjiżi, kondizzjonalità makroekonomika biex tiżdied is-sinerġija bejn il-finanzjament ta' koeżjoni u l-governanza ekonomika;
- u għall-proġetti, inċentivi għal riżultati, bi flus imwarrba għal dawk bl-aqwa prestazzjoni.

B'mod ġenerali, il-programmi ta' finanzjament ser ikunu aktar sempliċi u kkontrollati aħjar. Fil-kuntest ekonomiku tal-lum, żieda fl-effiċjenza u tnaqqis fl-ispejjeż huma wkoll f'lokhom għall-amministrazzjoni nfisha tal-UE.

Qattajna xi ħin fuq id-dħul, jew fil-lingwaġġ tal-UE: "riżorsi proprji". Kellna tliet punti hawnhekk:
- iddeċidejna dwar spejjeż aktar baxxi għall-ġbir ta' dazji u imposti;
- ilħaqna kompromess dwar ir-rifużjonijiet;
- u ftaħna perspettivi għal riżorsi proprji ġodda possibbli, b'rabta ma' sistema ġdida tal-VAT u Taxxa fuq it-Transazzjonijiet Finanzjarji futura.

Hawnhekk nasal għat-tielet u l-aħħar punt ewlieni tiegħi: dan huwa baġit immexxi minn tħassib urġenti. L-aktar sfida urġenti hi l-qgħad, b'mod partikolari fost iż-żgħażagħ. Din hi r-raġuni għaliex warrabna €6bn għal inizjattiva ġdida dwar l-impjieg għaż-żgħażagħ. Inċentiv qawwi.

Meta allokajna l-fondi strutturali, ingħatat attenzjoni speċjali lil pajjiżi bħall-Greċja, il-Portugall, Spanja, l-Italja, l-Irlanda, waqt li inġenerali, pajjiżi aktar fqar ser jirċievu sehem ikbar ta' finanzjament ta' koeżjoni.

Triq għall-flessibbiltà, fost oħrajn, hi l-klawsola ta' reviżjoni għall-fondi ta' koeżjoni li qbilna, "li nqisu s-sitwazzjoni partikolarment diffiċli tal-pajjiżi li qed ibatu minħabba l-kriżi". L-appoġġ tagħna għall-persuni l-aktar vulnerabbli jibqa' intatt. Kif ukoll il-finanzjament tagħna għal azzjoni esterna, anke minkejja l-kriżi. Dan il-baġit ser jippermetti lill-Ewropa tibqa' timpenja ruħha fi kwistjonijiet vitali globali, bħal ma huma t-tibdil fil-klima, is-sikurezza nukleari, u l-għajnuna għall-iżvilupp.

Issa li għandna dan il-qbil, kif ser nimxu 'l quddiem? Kif għidt, il-QFP ma jistax jitnieda mingħajr il-kunsens tal-Parlament Ewropew. Il-benefiċjarji u l-investituri qed jibbażaw fuq dan il-QFP il-ġdid mill-1 ta' Jannar 2014. Biex jiġu evitati d-dewmien u l-inċertezza, il-proċeduri leġislattivi kollha għandhom jingħalqu rapidament mill-Kunsill tal-ministri u l-Parlament Ewropew.

Meta issa nħares lura, iħossni sodisfatt li tul dan in-negozjar żammejna f'moħħna l-istampa l-kbira. Anki f'kondizzjonijiet ekonomiċi diffiċli bħal dawn, irnexxielna nżommu l-fatturi essenzjali ta' kontinwità u ta' tkabbir.

Illum tkellimna wkoll dwar il-kummerċ. Il-kummerċ jista' jgħinna niksbu daqstant għat-tkabbir u l-impjiegi, peress li l-investimenti kollha għat-tkabbir kienu possibbli minħabba l-qbil tagħna dwar il-QFP.

Illum ikkonkludejna bl-iżviluppi fid-dinja Għarbija. Sentejn wara li bdiet ir-Rebbiegħa Għarbija kien il-mument adatt li jsir rendikont tal-appoġġ tal-Ewropa għat-transizzjonijiet demokratiċi fir-reġjun. L-avvenimenti reċenti jissottolinjaw għal darba oħra kif dawn it-transazzjonijiet jistgħu jkunu ta' sfida. L-Unjoni tibqa' impenjata.

Fl-aħħar nett dwar Mali: nilqgħu l-azzjoni deċiżiva meħuda mill-armata ta' Mali, bl-appoġġ ta' Franza u sħab oħra Ewropej u Afrikani. L-Unjoni hi impenjata li ssostni dan l-isforz billi tuża l-firxa sħiħa tagħha ta' strumenti biex tgħin ħalli jerġa' jkun hemm id-demokrazija u l-ordni kostituzzjonali f'Mali.


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site