Navigation path

Left navigation

Additional tools

Brussell, 5 ta' Frar 2013 Ittra ta' stedina mill-President Herman Van Rompuy lill-Kunsill Ewropew

European Council - PRES/13/44   05/02/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO GA

KUNSILL EWROPEW
IL-PRESIDENT

MT

Brussell, 5 ta' Frar 2013

(OR. en)

EUCO 34/13

PRESSE 44

PR PCE 28

Ittra ta' stedina mill-President Herman Van Rompuy
lill-Kunsill Ewropew

Għandi l-pjaċir nistiednek għal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew fis-7 u t-8 ta' Frar 2013 fi Brussell.

L-għan prinċipali ta' din il-laqgħa ser ikun li naslu għal qbil dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss (QFP). Qed isir pjuttost urġenti li l-QFP jiġi adottat jekk irridu li l-politika u l-programmi futuri tal-UE jimxu bla xkiel u jagħtu l-potenzjal tagħhom għat-tkabbir u l-impjiegi mis-sena li ġejja. Għandna nużaw il-momentum li nħoloq f'dan il-fajl diffiċli permezz tad-diskussjonijiet kostruttivi tagħna f'Novembru tas-sena li għaddiet. Sadanittant jien u t-tim tiegħi konna f'kuntatt mill-qrib ħafna magħkom ilkoll jew mal-kollaboraturi tagħkom, u ninsab fiduċjuż li b'xi adattamenti, il-proposta li għamilt fit-22 ta' Novembru tista' tikkostitwixxi l-bażi għal ftehim fil-Kunsill Ewropew.

Wara l-laqgħa tradizzjonali tagħna mal-President tal-Parlament Ewropew nhar il-Ħamis fit-15:00, għalhekk ser nibda immedjatament l-ewwel sessjoni ta' ħidma tagħna billi nispjega liema aġġustamenti nemmen li huma neċessarji biex isir kompromess tajjeb. Irrid niffoka d-diskussjoni tagħna l-ewwel fuq l-ammonti ġenerali ta' nfiq u fuq in-naħa tad-dħul, sabiex niksbu fehim komuni tal-qafas ġenerali. Fl-istess ħin il-kollaboraturi tagħkom ser jiġu informati dwar id-dettalji aktar tekniċi fil-laqgħa li ssejħet mill-Kap tal-Kabinett tiegħi li tibda fit-15:00. Il-Kunsill Ewropew ser ikompli d-diskussjonijiet tiegħu waqt l-ikla ta' filgħaxija, li ser tibda kmieni (fis-18:30).

Rigward il-Ġimgħa, il-punt li jmiss fl-aġenda tagħna huwa l-kummerċ: jien dan inqisu ħafna bħala parti mill-istrateġija komprensiva tagħna għat-tkabbir. Kif ġie rikonoxxut fil-Patt tagħna għal Tkabbir u Impjiegi, il-kummerċ għandu jintuża aħjar bħala magna għat-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi. Filwaqt li nibqgħu impenjati għal aktar żvilupp tas-sistema kummerċjali multilaterali, l-attenzjoni immedjata tagħna għandha tkun fuq l-aġenda tagħna ta' kummerċ bilaterali, li joffri lill-Unjoni prospetti interessanti għax-xhur li ġejjin. Ser nitlob lil José Manuel Barroso jintroduċi s-suġġett u jgħarrafna fil-qosor dwar l-aħħar żviluppi. Barra minn hekk, sentejn wara l-bidu tar-Rebbiegħa Għarbija, huwa mument tajjeb biex il-Kunsill Ewropew jagħmel rendikont tal-avvenimenti fil-Viċinat tan-Nofsinhar tagħna. F'dan il-kuntest, ser ngħid kelmtejn dwar il-konklużjonijiet li wasalt għalihom mill-vjaġġ reċenti tiegħi fir-reġjun. Finalment, ser inħarsu lejn is-sitwazzjoni f'Mali.

Fid-dawl tal-ħidma mwettqa mill-Kunsill Affarijiet Ġenerali, kif ukoll id-diskussjonijiet tal-ġimgħa li għaddiet fil-Kunsill Affarijiet Barranin, għandna nkunu nistgħu nadottaw malajr il-konklużjonijiet tagħna l-Ġimgħa.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website