Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

It-3218-il laqgħa tal-Kunsill Affarijiet Barranin Brussell, 31 ta' Jannar 2013

Conseil de l'Europe - PRES/13/39   31/01/2013

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO GA

KUNSILL

TAL-UNJONI EWROPEA

MT

5858/13

(OR. en)

PRESSE 39

PR CO 4

STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

It-3218-il laqgħa tal-Kunsill

Affarijiet Barranin

Brussell, 31 ta' Jannar 2013

President Catherine Ashton

Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

Riżultati ewlenin tal-Kunsill

Il-Kunsill tenna l-impenn qawwi u kontinwu tal-UE għas-sovranità, l-għaqda u l-integrità territorjali ta' Mali. Huwa laqa' l-progress tal-forzi armati ta' Mali, appoġġati minn Franza u mill-Istati tar-reġjun, fit-Tramuntana ta' Mali kontra l-gruppi terroristiċi. Huwa saħaq dwar l-importanza li jitkompla l-impenn internazzjonali għall-appoġġ għal Mali, b'mod partikolari l-isforzi magħmula mill-Istati Afrikani. Huwa laqa' wkoll l-adozzjoni ta' pjan direzzjonali, pass vitali biex jerġa' jiġi stabbilit bis-sħiħ l-ordni kostituzzjonali.

Il-Kunsill laqa' wkoll it-tmiem tat-transizzjoni fis-Somalja bħala opportunità storika biex jintemmu definittivament żewġ deċennji ta' kunflitt u impenja ruħu li jsostni l-isforzi kollettivi tal-UE biex tappoġġa t-trasformazzjoni tas-Somalja. Il-Kunsill kellu skambju ta' fehmiet mal-President tas-Somalja, Hassan Sheikh Mohamud.

Il-Kunsill wiżen is-sitwazzjoni fis-Sirja u fl-Eġittu kif ukoll ir-rispons tal-UE għar-Rebbiegħa Għarbija, bil-ħsieb ta' dibattitu waqt il-Kunsill Ewropew tas-7 u t-8 ta' Frar.

Il-Kunsill approva l-kunċett tal-ġestjoni ta' kriżijiet għal missjoni ċivili possibli tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni biex tappoġġa l-ġestjoni tal-fruntieri fil-Libja.

WERREJ1

PARTEĊIPANTI

PUNTI LI ĠEW DISKUSSI

Viċinat tan-Nofsinhar

Mali

Somalja/Qarn tal-Afrika

L-Artiku

Stati Uniti tal-Amerika

PUNTI OĦRAJN LI ĠEW APPROVATI

AFFARIJIET BARRANIN

  1. Iraq - miżuri restrittivi

  2. Ilqugħ temporanju ta' ċerti Palestinjani

  3. Afganistan - miżuri restrittivi

  4. Azzjoni tal-UE kontra l-proliferazzjoni ta' armi ta' qerda tal-massa

  5. Tuneżija - miżuri restrittivi

KOOPERAZZJONI GĦALL-IŻVILUPP

  1. Appoġġ tal-UE għal bidla sostenibbli f’soċjetajiet fi transizzjoni

POLITIKA TA' SIGURTÀ U TA' DIFIŻA KOMUNI

  1. Programm ta' eżerċizzji tal-UE 2013-2015

  2. Appoġġ għall-ġestjoni tal-fruntieri fil-Libja

PARTEĊIPANTI

Rappreżentant Għoli

Is-Sinjura Catherine ASHTON Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

Belġju:

Is-Sur Didier REYNDERS Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin, il-Kummerċ Estern u l-Affarijiet Ewropej

Bulgarija:

Is-Sur Nickolay MLADENOV Ministru tal-Affarijiet Barranin

Repubblika Ċeka:

Is-Sur Karel SCHWARZENBERG L-Ewwel Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin

Danimarka:

Is-Sur Villy SØVNDAL Ministru tal-Affarijiet Barranin

Ġermanja:

Is-Sur Guido WESTERWELLE Ministru Federali tal-Affarijiet Barranin

Estonja:

Is-Sur Urmas PAET Ministru tal-Affarijiet Barranin

Irlanda:

Is-Sinjura Lucinda CREIGHTON Ministru tal-Istat tal-Affarijiet Ewropej

Is-Sur Eamon GILMORE Tánaiste (Viċi Prim Ministru) u Ministru tal-Affarijiet Barranin u l-Kummerċ

Greċja

Is-Sur Dimitrios KOURKOULAS Segretarju tal-Istat għall-Affarijiet Barranin

Spanja:

Is-Sur Gonzalo DE BENITO SECADES Segretarju tal-Istat għall-Affarijiet Barranin

Franza:

Is-Sur Laurent FABIUS Ministru tal-Affarijiet Barranin

Italja:

Is-Sur Giuliomaria TERZI DI SANT'AGATA Ministru tal-Affarijiet Barranin

Ċipru:

Is-Sinjura Erato KOZAKOU - MARCOULLIS Ministru tal-Affarijiet Barranin

Latvja:

Is-Sur Edgars RINKĒVIČS Ministru tal-Affarijiet Barranin

Litwanja:

Is-Sur Linas A. LINKEVIČIUS Ministru tal-Affarijiet Barranin

Lussemburgu:

Is-Sur Christian BRAUN Rappreżentant Permanenti

Ungerija:

Is-Sur Péter GYÖRKÖS Rappreżentant Permanenti

Malta:

Is-Sur Francis ZAMMIT DIMECH Ministru tal-Affarijiet Barranin

Pajjiżi l-Baxxi:

Is-Sur Frans TIMMERMANS Ministru tal-Affarijiet Barranin

Awstrija:

Is-Sur Michael SPINDELEGGER Viċi-Kanċillier u Ministru Federali tal-Affarijiet Ewropej u Internazzjonali

Polonja:

Is-Sur Radosław SIKORSKI Ministru tal-Affarijiet Barranin

Portugall:

Is-Sur Paulo PORTAS Ministru tal-Affarijiet Barranin

Rumanija:

Is-Sur Titus CORLĂŢEAN Ministru tal-Affarijiet Barranin

Slovenja:

Is-Sur Karl Viktor ERJAVEC Viċi Prim Ministru, Ministru tal-Affarijiet Barranin

Slovakkja:

Is-Sur Miroslav LAJČÁK Viċi Prim Ministru, Ministru tal-Affarijiet Barranin

Finlandja:

Is-Sur Erkki TUOMIOJA Ministru tal-Affarijiet Barranin

Svezja:

Is-Sur Carl BILDT Ministru tal-Affarijiet Barranin

Renju Unit:

Is-Sur William HAGUE L-Ewwel Segretarju tal-Istat, Segretarju tal-Istat għall-Affarijiet Barranin u tal-Commonwealth

Kummissjoni:

Is-Sinjura Maria DAMANAKI Membru

Is-Sinjura Kristalina GEORGIEVA Membru

Is-Sur Štefan FÜLE Membru

Il-gvern tal-Istat aderenti kien irrappreżentat kif ġej:

Kroazja:

Is-Sinjura Vesna PUSIĆ Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin u Ewropej

PUNTI DISKUSSI

Viċinat tan-Nofsinhar

Bil-ħsieb ta' dibattitu fil-Kunsill Ewropew tas-7 u t-8 ta' Frar, il-Kunsill eżamina s-sitwazzjoni attwali fir-rigward tar-Rebbiegħa Għarbija u wiżen ir-rispons tal-UE.

Il-Kunsill iddiskuta wkoll il-ġrajjiet reċenti fl-Eġittu u l-aħħar żviluppi fis-Sirja.

Mali

Il-Kunsill iddiskuta s-sitwazzjoni f'Mali u adotta l-konklużjonijiet li ġejjin:

"1. Filwaqt li tfakkar fil-konklużjonijiet tagħha tas-17 ta' Jannar 2013, l-Unjoni Ewropea ttenni l-impenn determinat u kontinwu tagħha favur is-sovranità, l-unità u l-integrità territorjali ta' Mali. F'dan il-kuntest u b'koerenza mar-Riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (KSNU), b'mod partikolari r-Riżoluzzjonijiet 2071 u 2085, l-UE tappoġġa l-isforzi tar-reġjun u tal-komunità internazzjonali. Hija tilqa' l-progress tal-forzi armati ta' Mali appoġġati minn Franza u r-reġjun kontra l-gruppi terroristiċi fit-Tramuntana ta' Mali, u hija ttenni l-appoġġ sħiħ tagħha għal azzjoni bħal din. L-UE tilqa' wkoll l-adozzjoni mill-Assemblea Nazzjonali ta' Mali tal-Pjan Direzzjonali għat-Transizzjoni.

2. Huwa saħaq dwar l-importanza li jitkompla l-impenn internazzjonali għall-appoġġ għal Mali, b'mod partikolari l-isforzi magħmula mill-Istati Afrikani. F'dan il-kuntest, hija tilqa' r-riżultat tal-Konferenza tad-Donaturi organizzata mill-Unjoni Afrikana (UA) fid-29 ta' Jannar 2013 u tinkoraġġixxi l-implimentazzjoni rapida tal-konklużjonijiet tagħha. L-UE tinkoraġġixxi lill-UA u lill-ECOWAS biex iħaffu l-iskjerament tal-Missjoni Internazzjonali ta' Appoġġ għal Mali taħt tmexxija Afrikana (AFISMA), li lilha tinsab lesta li tagħti appoġġ finanzjarju u loġistiku. Billi l-appoġġ lill-AFISMA jikkostitwixxi wieħed mill-prijoritajiet tal-UE fl-Afrika, il-Kunsill itenni li jinsab lest jagħti appoġġ sinifikattiv lill-AFISMA permezz tal-Faċilità Afrikana għall-Paċi. F'dan ir-rigward, huwa jitlob lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) biex jimplimentaw, mingħajr dewmien u abbażi ta' talba, l-impenji tal-UE fil-Konferenza Internazzjonali tad-Donaturi ta' Addis Ababa, b'mod partikolari t-tħabbir ta' kontribuzzjoni ta' EUR 50 miljun mill-Kummissjoni. L-UE tappella lil donaturi oħra biex jipparteċipaw fil-finanzjament sostenibbli u previdibbli tal-operazzjoni.

3. L-adozzjoni tal-Pjan Direzzjonali jikkostitwixxi progress essenzjali fil-perspettiva tal-irkupru sħiħ tal-ordni kostituzzjonali, inkluż il-kontroll ċivili fuq il-forzi armati, u tal-awtorità tal-Istat fuq it-territorju ta' Mali kollu, u l-UE tappella għall-implimentazzjoni urġenti tiegħu. Dan il-progress jippermetti l-irkupru gradwali tal-għajnuna Ewropea għall-iżvilupp sabiex jiġu indirizzati malajr il-ħtiġijiet prijoritarji ta' Mali. Għalhekk, il-Kunsill jistieden lir-Rappreżentant Għoli u lill-Kummissjoni Ewropea biex jipproponu miżuri speċifiċi biex jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali, inkluż l-appoġġ għall-proċess elettorali. L-UE tfakkar fl-importanza li jiġi stabbilit mill-ġdid djalogu nazzjonali inklużiv miftuħ għall-popolazzjonijiet tat-tramuntana u għall-gruppi kollha li jirrifjutaw it-terroriżmu u jirrikonoxxu l-integrità ta' Mali. Ir-restawr rapidu tal-awtorità tal-Istat, tal-Istat tad-dritt u tas-servizzi pubbliċi fiż-żoni ħielsa taċ-ċentru u tat-Tramuntana ta' Mali huwa wkoll kruċjali. Għal dan il-għan, f'koerenza mal-approċċ globali Ewropew, il-Kunsill jilqa' l-isforzi konġunti tas-SEAE u tal-Kummissjoni bil-ħsieb li jitħejjew miżuri konkreti ta' assistenza bis-saħħa tal-istrumenti kollha għad-dispożizzjoni tagħhom.

4. Il-Kunsill ifaħħar l-aċċelerazzjoni tat-tħejjija tal-missjoni EUTM Mali ta' taħriġ u konsulenza lill-Forzi Armati ta' Mali li ser tgħin fit-tisħiħ tal-awtorità ċivili u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem. Huwa jfakkar fl-objettiv li ntlaħaq qbil dwaru mill-Kunsill tas-17 ta' Jannar 2013 li tiġi adottata, sa mhux aktar tard minn nofs Frar, id-deċiżjoni ta' tnedija ta' din il-missjoni sabiex jibdew l-ewwel azzjonijiet ta' konsulenza.

5. L-UE tinsab allarmata bl-allegazzjonijiet ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem u hija tfakkar lill-awtoritajiet ta' Mali biex jinvestigaw immedjatament dan is-suġġett. L-UE tinsab lesta biex tagħti appoġġ xieraq għall-ġlieda kontra dawn l-abbużi. Hija tenfasizza l-importanza tar-rispett lejn id-dritt internazzjonali u tfakkar b'mod partikolari lill-awtoritajiet ta' Mali fir-responsabbiltà primarja tagħhom tal-protezzjoni tal-popolazzjonijiet ċivili. L-atturi kollha li jiksru d-drittijiet tal-bniedem għandhom jinżammu responsabbli għall-atti tagħhom. L-UE tilqa' d-deċiżjoni tal-Qorti Kriminali Internazzjonali li tiftaħ inkjesta dwar il-ksur u tinkoraġġixxi l-kollaborazzjoni tal-awtoritajiet ta' Mali. Hija tappella wkoll għall-mobilizzazzjoni rapida ta' osservaturi u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni tal-organizzazzjonijiet internazzjonali biex jiżguraw b'mod partikolari r-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem fit-territorju kollu ta' Mali.

6. L-UE tilqa' l-intenzjoni tar-Rappreżentant Għoli biex fil-5 ta' Frar tilqa' l-laqgħa li jmiss tal-Grupp ta' Appoġġ u Monitoraġġ fi Brussell dwar is-sitwazzjoni f'Mali mmexxija mill-UE, flimkien mal-ECOWAS u n-Nazzjonijiet Uniti. Din il-laqgħa ser tkun okkażjoni xierqa biex jissaħħu l-koordinazzjoni tal-impenn internazzjonali favur Mali, l-appoġġ għall-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali u s-segwitu tal-Konferenza tad-Donaturi tal-UA.

Somalja/Qarn tal-Afrika

Il-Kunsill iddiskuta s-sitwazzjoni fis-Somalja u l-Qarn tal-Afrika. Organizza skambju ta' fehmiet waqt ikla ta' ħidma f'nofsinhar mal-President tas-Somalja, Hassan Sheikh Mohamud. Il-Kunsill adotta l-konklużjonijiet li ġejjin:

"1. L-UE tilqa' t-tmiem tat-transizzjoni fis-Somalja bħala opportunità storika sabiex tħalli warajha għoxrin sena ta' kunflitt. L-adozzjoni ta' Kostituzzjoni proviżorja, l-għażla ta' Parlament Federali u l-elezzjoni ta' President ġdid iġibu magħhom prospetti ġodda għal paċi u prosperità dejjiema għas-Somalja.

2. Iż-żjara tal-President Hassan Sheikh Mohamud lill-UE hija sinjal tar-rikonoxximent tagħha tas-sitwazzjoni politika ġdida fis-Somalja u ta' sħubija msaħħa bejn l-UE u s-Somalja. L-UE tenfasizza dwar l-importanza tas-sjieda Somala u tissottolinja r-responsabbiltà primarja tal-awtoritajiet tas-Somalja li jibnu mill-ġdid pajjiż liberu mit-theddida tal-vjolenza u l-kriminalità organizzata, li jkun ekonomikament vijabbli, impenjat mal-ġirien tiegħu u l-komunità internazzjonali. Filwaqt li tirrifletti bidla fundamentali fir-relazzjonijiet bejn l-UE u s-Somalja u b'konsistenza mal-approċċ komprensiv tagħha, l-UE hi impenjata li tappoġġa l-viżjoni u l-prijoritajiet tal-Gvern il-ġdid. Hi timpenja ruħha li ssostni l-impenji kollettivi tagħha sabiex tappoġġa t-trasformazzjoni tas-Somalja u timpenja ruħha b'mod aktar dirett mal-poplu u l-istituzzjonijiet tas-Somalja. F'dan il-kuntest, l-UE tinkoraġġixxi l-aċċess tas-Somalja għall-Ftehim ta' Cotonou.

3. Il-Kunsill jilqa' d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli/Viċi President (RGħ/VP) u tal-President tas-Somalja li s-Somalja u l-UE ser jospitaw Konferenza fi Brussell li ser tiffoka fuq il-prijoritajiet fuq perijodu medju u fit-tul u l-ħtiġijiet tas-Somalja u n-nies tagħha. L-għan tal-Konferenza ser ikun li tapprova Patt bejn is-Somalja u l-komunità internazzjonali li għandu jiggwida r-rikostruzzjoni tas-Somalja, abbażi tal-Prinċipji tal-Ftehim il-Ġdid ta' Busan għal Stati Fraġli. Il-Konferenza ser tiffoka fuq il-bini ta' ordni politika ġdida fis-Somalja, li tippromwovi l-iżvilupp soċjoekonomiku tagħha u tistabbilixxi l-istat tad-dritt u s-sigurtà. L-UE tilqa' wkoll l-inizjattiva tar-Renju Unit li jospita Konferenza li ser tiffoka fuq il-prijoritajiet immedjati tat-tisħiħ tas-sigurtà, il-ġustizzja, il-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi u l-appoġġ għall-progress politiku tas-Somalja. L-UE tilqa' l-impenn tal-Gvern Federali tas-Somalja li jospita b'mod konġunt iż-żewġ konferenzi.

4. L-UE tappoġġa l-prijorità immedjata tal-President tas-Somalja li jestendi s-sigurtà fil-pajjiż. Abbażi ta’ Pjan ta’ Stabbilizzazzjoni u Sigurtà Nazzjonali (NSSP) rivedut u strateġiji ta’ riforma relatati mas-settur tas-sigurtà, l-UE ser tkompli tgħin fl-iżvilupp tal-kapaċità tas-sigurtà tas-Somalja responsabbli għall-awtorità politika kif ukoll il-kapaċità tal-istat tad-dritt fil-pajjiż kollu, filwaqt li tingħata protezzjoni lill-popolazzjoni u jiġu rrispettati d-drittijiet tal-bniedem. L-UE tenfasizza l-importanza tal-koordinazzjoni internazzjonali u l-komplementarjetà fl-appoġġ lejn l-iżvilupp tas-settur tas-sigurtà tas-Somalja.



Sa mill-2010, il-Missjoni tal-UE għat-Taħriġ fis-Somalja (EUTM) ħarrġet b’suċċess madwar 3000 suldat mis-Somalja, li issa jikkostitwixxu l-qofol tal-Forzi armati tas-Somalja. Filwaqt li jibni fuq is-suċċess tagħha u jirrispondi għall-ħiġijiet li qed jevolvu tal-awtoritajiet tas-Somalja, il-Kunsill iddeċieda fit-22 ta’ Jannar 2013 li jestendi l-mandat tal-EUTM Somalja sal-31 ta’ Marzu 2015 u jaħtar lill-Brigadier General Aherne bħala l-Kmandant tal-Missjoni. Il-missjoni ser tipprovdi taħriġ kif ukoll konsulenza biex tgħin fil-bini ta’ Forzi Armati Nazzjonali tas-Somalja effettivi, integrati sew, awtosostenibbli u responsabbli b’kooperazjoni kontinwa mill-qrib mal-Missjoni tal-Unjoni Afrikana fis-Somalja (AMISOM), l-Uganda u l-Istati Uniti u sħab oħra. Minħabba li s-sitwazzjoni tas-sigurtà tippermetti, l-EUTM ser tittrasferixxi gradwalment l-attivitajiet tagħha mill-Uganda għas-Somalja.



L-UE appoġġat ukoll is-settur tal-istat tad-dritt. Hi appoġġat kapaċitajiet ġuridiċi u t-taħriġ u l-ħlas ta’ stipendji ta’ Forzi tal-Puliżija tas-Somalja, f’kooperazzjoni mill-qrib man-NU. Flimkien ma’ dan, il-missjoni EUCAP NESTOR ser tgħin lis-Somalja u l-istati fir-reġjun biex jiżviluppaw kapaċitajiet awtosostenibbli biex isaħħu s-sigurtà marittima u l-governanza, inklużi l-kapaċitajiet ġuridiċi.

5. L-UE tfaħħar l-isforzi tal-AMISOM u tilqa’ t-tlestija tal-analiżi strateġika tal-UA. AMISOM hija mistennija li jibqa' jkollha parti vitali biex tipprovdi is-sigurtà fis-Somalja sakemm il-kapaċità tal-forzi tas-sigurtà tas-Somalja tiżviluppa. Meta jitqies li l-appoġġ għall-AMISOM jibqa’ wieħed mill-prijoritajiet tal-UE fl-Afrika, l-UE ttenni li hi lesta tkompli tipprovdi appoġġ sinifikanti lill-AMISOM permezz tal-Faċilità Afrikana għall-Paċi. Tappella wkoll lil donaturi oħra sabiex jiżguraw finanzjament prevedibbli u sostenibbli għall-AMISOM.

6. L-UE tilqa' t-tlestija tal-analiżi strateġika tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) dwar il-preżenza tagħha fis-Somalja, u tistenna b'interess rwol akbar tan-NU fis-Somalja, inkluż fir-rigward tal-koordinazzjoni effettiva tal-impenn internazzjonali b'appoġġ għall-paċi u l-bini tal-istat.

7. L-UE tissottolinja l-importanza tar-rikonċiljazzjoni tan-nazzjon u tal-bini ta' istituzzjonijiet responsabbli u trasparenti fil-livell lokali, reġjonali u dak nazzjonali permezz ta' approċċ li jinkludi l-klanns u l-gruppi soċjali kollha. L-UE ser tappoġġa l-isforzi tal-Gvern biex jippromwovi d-demokrazija, l-istat tad-dritt u jissaħħaħ ir-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem. L-UE tenfasizza l-importanza li tiġi adottata Kostituzzjoni finali permezz ta' referendum, li jirrifletti r-rieda tas-Somali kollha, li jiġu inkoraġġiti d-djalogu u interazzjonijiet paċifiċi bejn iċ-ċentru u r-reġjuni, u li jsiru t-tħejjijiet għall-elezzjonijiet. Hija ser tappoġġa wkoll żvilupp lokali u sforzi ta' rikonċiljazzjoni inklużivi. L-UE tissottolinja r-rwol kruċjali tas-soċjetà ċivili u tal-mezzi tal-informazzjoni fil-proċess ta' trasformazzjoni.

8. L-UE timpenja ruħha wkoll li tappoġġa l-irkupru soċjoekonomiku li huwa meħtieġ sabiex jittejbu l-benessri u l-kondizzjonijiet tal-għajxien tas-Somali. Hija ser tappoġġa l-għoti ta' servizzi bażiċi, issaħħaħ il-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi u tappoġġa l-involviment mill-ġdid tal-pajjiż mal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali. L-UE ser tgħin biex tinbena r-reżiljenza, inkluż permezz tal-kollegament, ir-riabilitazzjoni u l-iżvilupp fl-għoti ta' għajnuna tal-UE lis-Somalja.

9. L-UE ser tkompli tipprovdi għajnuna umanitarja sabiex jintlaħqu l-ħtiġijiet l-aktar urġenti tal-poplu tas-Somalja, b'osservanza sħiħa tal-prinċipji umanitarji tan-newtralità, l-umanità, l-imparzjalità u l-indipendenza. L-UE tappella lill-partijiet kollha tas-Somalja biex jiżguraw aċċess sikur u bla xkiel għall-għajnuna umanitarja u biex jaderixxu mal-obbligi tagħhom skont id-dritt umanitarju internazzjonali.

10. L-UE tinnota li kondizzjonijiet imtejba fuq l-art jikkontribwixxu wkoll biex jiġu affrontati l-kawżi profondi tal-piraterija barra mill-kosta tas-Somalja. Hi tfaħħar s-suċċess tal-operazzjoni navali tal-UE EUNAVFOR ATALANTA fil-ġlieda kontra l-piraterija. L-UE timmira li tikkonsolida t-trażżin tal-piraterija fil-Punent tal-Oċean Indjan permezz ta’ ATALANTA, filwaqt li tiġi llimitata l-kapaċità ta’ gruppi ta’ pirati li joperaw mill-art billi tinbena l-kapaċità ta’ infurzar tal-liġi tas-Somalja, inkluż permezz tal-EUCAP NESTOR, u l-interruzzjoni tan-netwerks tal-piraterija inklużi l-finanzjaturi u l-loġistika tagħhom. Ser tagħmel dan flimkien mal-awtoritajiet tas-Somalja, filwaqt li jittieħed kont tal-ħtiġijiet li qed jevolvu kif ukoll tas-sitwazzjoni politika u tas-sigurtà fuq l-art, u jintużaw il-missjonijiet tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni tagħha u operazzjonijiet u strumenti oħra tal-UE b’mod koerenti u li jsaħħaħ b’mod reċiproku.

11. L-UE għadha mħassba dwar it-theddida kontinwa li t-terroriżmu jġib miegħu fis-Somalja stess, fir-reġjun usa' u f'livell globali. L-UE impenjat ruħha li tgħin fil-bini tal-kapaċitajiet reġjonali sabiex tiġi indirizzata t-theddida tat-terroriżmu, li tappoġġa l-kooperazzjoni reġjonali fl-infurzar tal-liġi u l-ġlieda kontra l-estremiżmu vjolenti, inkluż permezz tal-ħidma tal-Forum Dinji Kontra t-Terroriżmu, filwaqt li taħdem mal-korpi reġjonali, il-gvernijiet nazzjonali fil-Qarn tal-Afrika u fil-Jemen, u mas-sħab ewlenin bħan-NU u l-UA. Għalhekk, il-Kunsill jinnota li l-Istati Membri llum approvaw Pjan ta' Azzjoni tal-UE Kontra t-Terroriżmu għall-Qarn tal-Afrika u l-Jemen fl-isfera ta' kompetenza tagħhom.

12. L-UE tirrikonoxxi li l-istabbiltà fil-viċinat usa' tagħha hija prekundizzjoni għall-paċi, is-sigurtà u l-prosperità fis-Somalja. Hi tenfasizza l-ħtieġa li l-pajjiżi tar-reġjun iżidu l-isforzi tagħhom biex jibnu relazzjonijiet tajba fil-viċinat, jiżviluppaw kapaċitajiet reġjonali u jsawru kooperazzjoni u integrazzjoni reġjonali, b'mod partikolari fil-qasam ekonomiku, u jistabbilixxu l-pedament għal qafas politiku, ekonomiku u ta' sigurtà reġjonali. Bħala l-ewwel pass, l-UE tħeġġeġ lis-Somalja u lill-ġirien tagħha biex jilħqu qbil tajjeb ta' korteżija bejn il-ġirien taħt l-awspiċju tal-Awtorità Intergovernattiva għall-Iżvilupp (IGAD) u bl-appoġġ tas-sħab tagħha. Hija tinkoraġġixxi wkoll lis-Somalja biex tinvolvi ruħha b'mod attiv fl-IGAD u tħeġġeġ lill-pajjiżi kollha tar-reġjun biex juru r-rieda tagħhom biex isolvu tilwim bilaterali fil-qafas tagħha. Kif stabbilit fil-Qafas Strateġiku tal-UE għall-Qarn tal-Afrika, l-UE hija lesta li tgħin u taħdem mill-qrib mal-UA u mal-IGAD u l-istati membri tagħha biex jinkisbu dawn l-objettivi, inkluż permezz tal-isforzi tar-Rappreżentant Speċjali tal-UE għall-Qarn tal-Afrika.



L-UE tenfasizza l-importanza ta’ elezzjonijiet paċifiċi u kredibbli fil-Kenja f’Marzu 2013 għas-sigurtà u l-prosperità tal-pajjiż u dawk tar-reġjun usa’."

L-Artiku

Il-Kunsill kellu skambju ta' fehmiet dwar il-passi proposti għat-tfassil ta' politika tal-UE dwar l-Artiku, kif spjegati fil-komunikazzjoni konġunta relatata tal-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli.

Stati Uniti tal-Amerika

Il-Kunsill kellu skambju ta' fehmiet dwar il-prijoritajiet tal-politika barranija li x'aktarx ikunu fuq l-aġenda tat-tieni amministrazzjoni tal-President Obama.

PUNTI OĦRAJN APPROVATI

AFFARIJIET BARRANIN

Kooperazzjoni aktar mill-qrib u integrazzjoni reġjonali fil-Magreb

Il-Kunsill adotta l-konklużjonijiet li ġejjin:

"1. Filwaqt li jerġa' jafferma l-importanza strateġika tal-Viċinat Ewropew u jfakkar fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) tal-20 ta' Ġunju 2011, il-Kunsill jilqa' l-Komunikazzjoni Konġunta "Li tappoġġa l-kooperazzjoni aktar mill-qrib u l-integrazzjoni reġjonali fil-Magreb: l-Alġerija, il-Libja, il-Mawritanja, il-Marokk u t-Tuneżija" u jikkongratula lir-Rappreżentant Għoli u lill-Kummissjoni għall-firxa wiesgħa ta' proposti mħabbra fil-komunikazzjoni.

2. Il-Kunsill japprezza l-fatt li l-komunikazzjoni tfasslet fi spirtu ta' solidarjetà u ta' sħubija f'mument meta r-reġjun tal-Magreb, li jibqa' ta' prijorità ċentrali għall-UE, għaddej minn bidliet storiċi u profondi.

3. Il-Kunsill jilqa' favorevolment il-prinċipju sottostanti l-komunikazzjoni, li huwa li l-impetu għall-bidla u d-deċiżjonijiet rigward il-modalitajiet biex tinkiseb bl-aħjar mod l-integrazzjoni, huma unikament f'idejn il-pajjiżi tal-Magreb.

4. Il-proposti fil-komunikazzjoni jiddefinixxu aġenda ta' appoġġ tal-UE għall-ħames pajjiżi tal-Magreb, fl-isforzi proprji tagħhom lejn kooperazzjoni aktar mill-qrib u integrazzjoni reġjonali akbar, b'mod partikolari fil-qafas tal-Unjoni tal-Magreb Għarbi (UMA). Il-politika tal-UE lejn ir-reġjun tal-Magreb tikkomplementa u tiżviluppa l-firxa ta' miżuri li jinsabu fis-Sħubija għad-Demokrazija u l-Prosperità Kondiviża, fil-kuntest tal-approċċ imġedded tal-Politika Ewropea tal-Viċinat, li hija bbażata fuq il-prinċipju tad-differenzjazzjoni. Il-Kunsill jilqa' wkoll l-enfasi fil-komunikazzjoni fuq ir-riformi demokratiċi u l-iżvilupp ekonomiku inklussiv, kif ukoll fuq l-oqfsa ta' kooperazzjoni eżistenti fir-reġjun, b'mod partikolari l-Unjoni għall-Mediterran (UgħM) u l-5+5, u jfakkar fir-rwol tal-Lega tal-Istati Għarab. Barra minn dan, il-Kunsill jissottolinja li l-inizjattivi ta' kooperazzjoni reġjonali jsaħħu lil xulxin reċiprokament.

5. Fid-dawl tal-aktar avvenimenti reċenti fir-reġjun tas-Saħara/Saħel, li jenfasizzaw il-gravità tat-theddida terroristika għal dan ir-reġjun, l-Ewropa u l-Magreb, il-Kunsill jilqa' favorevolment il-proposti fil-komunikazzjoni rigward il-kooperazzjoni fil-qasam tas-sigurtà, inkluża l-ġlieda kontra t-terroriżmu u s-sorveljanza tal-fruntieri, u jitlob lir-Rappreżentant Għoli u lill-Kummissjoni biex jaħdmu, f'kooperazzjoni mal-Koordinatur tal-UE għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu, għall-implimentazzjoni ta' dawn il-proposti sabiex jissaħħaħ l-impenn mal-pajjiżi tar-reġjun.

6. Il-Kunsill jistenna b'interess li tiġi żviluppata d-diskussjoni dwar il-proposti tar-Rappreżentant Għoli u l-Kummissjoni. Il-Kunsill jissottolinja l-importanza tat-tkomplija tad-djalogu dwar il-komunikazzjoni mal-pajjiżi tal-Magreb u tal-kondiviżjoni tal-kontenut tagħha mal-pubbliku f'dawn il-pajjiżi. F'dan il-kuntest, huwa jilqa' l-proposta li jinżamm djalogu f'livell għoli bejn l-UE u l-pajjiżi tal-Magreb u jittama li tkun tista' ssir l-ewwel laqgħa malajr biex jiġu diskussi kwistjonijiet ta' interess komuni. Il-Kunsill jixtieq jagħti rendikont tal-implimentazzjoni tal-komunikazzjoni f'Diċembru 2013.

Iraq - miżuri restrittivi

Il-Kunsill emenda r-regolament 1210/2003 dwar ċerti restrizzjonijiet speċifiċi fuq relazzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji mal-Iraq. Dan ser jippermetti t-trasferiment ta' fondi ffriżati għall-arranġamenti li ser jieħdu post il-Fond ta' Żvilupp għall-Iraq attwat mill-Gvern tal-Iraq taħt il-kundizzjonijiet stipulati fir-riżoluzzjonijiet 1483 (2003) u 1956 (2010) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU.

Ilqugħ temporanju ta' ċerti Palestinjani

Il-Kunsill estenda l-validità ta' permessi nazzjonali għad-dħul u s-soġġorn ta' ċerti Palestinjani fl-UE, mogħtija f'konformità mal-pożizzjoni komunu 2002/400/PESK, għal tnax-il xahar ieħor.

Afganistan - miżuri restrittivi

Il-Kunsill emenda l-miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Afganistan sabiex iqis id-deċiżjonijiet meħuda min-Nazzjonijiet Uniti. Huwa aġġorna entrata waħda u ħassar tliet entrati oħra mil-lista ta' dawk soġġetti għas-sanzjonijiet. Ir-restrizzjonijiet jikkonsistu fi projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar u friża tal-assi.

Azzjoni tal-UE kontra l-proliferazzjoni ta' armi ta' qerda tal-massa

Il-Kunsill approva r-rapport ta' progress ta' kull sitt xhur dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-UE kontra l-proliferazzjoni ta' armi ta' qerda tal-massa, li tkopri t-tieni semestru tal-2012.

Tuneżija - miżuri restrittivi

Il-Kunsill estenda s-sanzjonijiet kontra l-persuni responsabbli għall-miżapproprjazzjoni tal-fondi statali tat-Tuneżija, inkluż dak li kien il-President Tuneżin Zine El Abidine Ben Ali, bi 12-il xahar, jiġifieri sal-31 ta' Jannar 2014.

KOOPERAZZJONI GĦALL-IŻVILUPP

Appoġġ tal-UE għal bidla sostenibbli f’soċjetajiet fi transizzjoni

Il-Kunsill adotta l-konklużjonijiet dwar l-appoġġ tal-UE għal bidla sostenibbli f'soċjetajiet fi transizzjoni, ara 17708/12.

L-inizjattiva tirreferi għal pajjiżi li qed jittrasformaw lis-soċjetajiet tagħhom f'demokraziji inklużivi, fil-viċinat tal-UE jew lil hinn minnu. L-appoġġ tal-UE għal proċessi ta' transizzjoni ser ikollu l-għan li jippromwovi l-governanza demokratika, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, il-ġid ekonomiku u soċjali, kif ukoll il-paċi u l-istabbiltà. Ser issir enfasi qawwija fuq it-tnaqqis tal-ugwaljanza soċjali, b'konċentrazzjoni fuq id-drittijiet tan-nisa u tat-tfal. Biex jintlaħqu dawn il-miri, l-UE ser tuża l-firxa wiesgħa ta' politiki eżistenti tal-UE, li jvarjaw mill-politika barranija u ta' sigurtà komuni għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp.

POLITIKA TA' SIGURTÀ U TA' DIFIŻA KOMUNI

Programm ta' eżerċizzji tal-UE 2013-2015

Il-Kunsill approva l-programm ta' eżerċizzji tal-UE għall-2013-2015. Dan huwa magħmul minn għamliet differenti ta' eżerċizzji ta' ġestjoni ta' kriżijiet.

Appoġġ għall-ġestjoni tal-fruntieri fil-Libja

Il-Kunsill approva l-kunċett ta' ġestjoni ta' kriżijiet għal missjoni ċivili possibbli tal-PSDK għas-sigurtà tal-fruntieri fil-Libja. Għal aktar dettalji, ara l-istqarrija għall-istampa 5823/13.


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site