Navigation path

Left navigation

Additional tools

UNJONI EWROPEA

MT

Brussell, 25 ta' Marzu 2013

(OR. en)

7864/1/13 REV 1

PRESSE 133

Dikjarazzjoni mir-Rappreżentant Għoli, Catherine Ashton, f'isem l-Unjoni Ewropea dwar ir-Referendum Kostituzzjonali ta' suċċess fiż-Żimbabwe u r-rieżami ta' miżuri restrittivi tal-UE

L-UE tifraħ lill-poplu taż-Żimbabwe għal vot paċifiku, kredibbli u ta' suċċess sabiex tiġi approvata kostituzzjoni ġdida fis-16 ta' Marzu 2013. Dan jirrappreżenta pass sinifikanti fl-implimentazzjoni tal-Ftehim Politiku Globali (GPA) li jibqa' kruċjali biex iż-Żimbabwe jkun aktar paċifiku, prosperu u demokratiku.

L-UE ttenni l-appoġġ tagħha għall-isforzi tal-partiti politiċi, it-Tim għall-Faċilitazzjoni tal-Afrika t’Isfel u s-SADC, u tinkoraġġihom jibnu fuq il-momentum biex ilestu l-implimentazzjoni tal-GPA u l-Pjan Direzzjonali tas-SADC, iwittu t-triq għal elezzjonijiet paċifiċi, trasparenti u kredibbli li fihom il-poplu taż-Żimbabwe ser ikun liberu jeleġġi l-Gvern li huwa jagħżel.

Waqt li tirrikonoxxi l-importanza tar-referendum u l-adozzjoni ta' kostituzzjoni ġdida bħala pass ewlieni f'din id-direzzjoni, l-UE, f'konformità mal-impenn tagħha li tissospendi l-parti l-kbira tal-miżuri restrittivi li fadal, illum qablet li tissospendi b'mod immedjat l-applikazzjoni ta' miżuri kontra 81 individwu u 8 entitajiet.

L-UE tilqa' u tappoġġa l-appelli ripetuti għar-rikonċiljazzjoni nazzjonali u għall-attività politika paċifika magħmula mill-mexxejja politiċi, inklużi l-President u l-Prim Ministru, u tagħraf l-impenn mill-partijiet kollha favur proċess elettorali paċifiku, trasparenti u kredibbli. Madankollu, hija tinsab imħassba dwar ir-rapporti reċenti ta' intimidazzjoni u ta' fastidju kontra xi attivisti u rappreżentanti tas-soċjetà ċivili. L-UE tħeġġeġ lill-mexxejja kollha biex jiżguraw li l-impenn tagħhom lejn il-paċi u t-trasparenza jiġu rispettati mill-gruppi u s-servizzi kollha tal-awtoritajiet tas-sigurtà kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak lokali. Għadd ta' persuni ewlenin li jieħdu deċiżjonijiet ser jibqgħu soġġetti għal miżuri restrittivi sakemm jitwettqu elezzjonijiet paċifiċi, trasparenti u kredibbli.

L-osservazzjoni effettiva tal-elezzjonijiet minn osservaturi domestiċi u internazzjonali ser ttejjeb b'mod sinifikanti t-trasparenza tal-proċess elettorali u l-kredibbiltà għall-votanti u l-parteċipanti kollha. F'dan ir-rigward aħna nilqgħu l-impenn tas-SADC li tibgħat missjoni robusta ta' osservazzjoni. L-UE hija lesta li tipprovdi kwalunkwe appoġġ li jintalab.

L-UE ttenni l-impenn tagħha li taħdem ma' kwalunkwe Gvern li jiġi fformat b'riżultat ta' proċess elettorali paċifiku, trasparenti u kredibbli, u tistenna b'interess li tkompli ssaħħaħ is-sħubija tagħna biex jiġu nkoraġġuti t-tkabbir u l-istabbiltà, u biex tissawwar il-prosperità għaż-Żimbabweni kollha.

Il-Pajjiż Aderenti l-Kroazja, il-Pajjiżi Kandidati t-Turkija, dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja *, il-Montenegro * u s-Serbja *, il-Pajjiż tal-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u l-kandidat potenzjali l-Albanija, u l-pajjiżi tal-EFTA l-Liechtenstein u n-Norveġja, membri taż-Żona Ekonomika Ewropea, kif ukoll ir-Repubblika tal-Moldova u l-Armenja jallinjaw ruħhom ma' din id-dikjarazzjoni.

:

Il-Kroazja, dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro u s-Serbja jibqgħu jagħmlu parti mill-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni.


Side Bar