Navigation path

Left navigation

Additional tools

KUNSILL EWROPEW
IL-PRESIDENT

MT

Brussell, 2 ta' Marzu 2012

(OR. en)

39/12

PRESSE 88

PR PCE 32

Diskors mill-President Herman Van Rompuy
waqt iċ-ċerimonja ta' ffirmar tat-
Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza
tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja

Intom dalwaqt ser tiffirmaw Trattat li jikkostitwixxi pass importanti lejn l-istabbiliment mill-ġdid tal-fiduċja fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja tagħna.

Dan ġie mfassal b'attenzjoni, għax ir-riskji huma kbar. Dan ġie mfassal b'ħeffa, għax kriżi tirrikjedi rispons rapidu. Iżda ladarba dan it-Trattat jidħol fis-seħħ, l-effetti tiegħu ser ikunu profondi u fit-tul.

Nixtieq nissottolinja tliet punti. L-ewwel : l-istabbiltà. Billi tiffirmaw, intom kollha timpenjaw ruħkom li ġġibu regola fiskali b'saħħitha fil-leġislazzjoni nazzjonali tagħkom, preferibbilment fil-livell kostituzzjonali. Ser ikollha effetti vinkolanti u karattru permanenti.

It-traspożizzjoni ta' din ir-regola ssir taħt il-kontroll tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea. Bħala partijiet kontraenti, intom qbiltu dwar l-arrangamenti għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjoni rilevanti, l-Artikolu 8, li ser jiġi mehmuż mal-minuti ta' din iċ-ċerimonja ta' ffirmar.

Din l-awtorestrizzjoni aktar qawwija ta' kull wieħed u waħda minnkom fir-rigward tad-djun u d-defiċits hija importanti fiha nfisha. Hija tgħin biex tiġi evitata ripetizzjoni tal-kriżi tad-dejn sovran. B'hekk, hija ser issaħħaħ ukoll il-fiduċja fost l-Istati Membri, li hija importanti politikament ukoll.

Ir-restituzzjoni tal-fiduċja fil-futur taż-żona tal-Euro ser twassal għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi. Dan huwa l-għan aħħari tagħna. Il-miri rigward id-defiċits u d-djun huma miri preliminari, mhux għan fih innifsu.

It-tieni punt: il-koordinazzjoni. It-Trattat fih impenn għall-approfondiment tal-koordinazzjoni ekonomika u jipprovdi wkoll l-għodod biex dan jitwettaq. Dawn l-għodod għandhom jiġu sfruttati fl-oqsma kollha essenzjali għall-funzjonament korrett taż-żona tal-Euro. Din ser twasslilna, f'ċertu sens, Unjoni Ekonomika u Monetarja li qiegħda sa fl-aħħar "timxi sew". Fil-fehma tiegħi, dawn id-dispożizzjonijiet jippromettu tajjeb u aħna għandna niżguraw li nimplimentawhom.

It-tielet punt: il-governanza. It-Trattat jifformalizza l-eżistenza tas-Summits taż-żona tal-Euro, u jippermetti lil dawk li jikkondividu l-munita unika li jieħdu ċerti deċiżjonijiet waqt li jinvolvu, fejn opportun, il-partijiet kontraenti l-oħrajn kif ukoll li jinformaw il-Membri l-oħrajn tal-Unjoni Ewropea. Naħseb li hawnhekk aħna lħaqna bilanċ tajjeb bejn is-17, il-25 u s-27 -- li jaħdem għal kulħadd.

Hemm żewġ bilanċi legali u politiċi oħra li lħaqna. Wieħed huwa bejn il-Liġi tal-Unjoni u dan il-Patt fiskali.

Sfortunatament, ma kienx possibli li nilħqu l-objettivi tagħna permezz tar-reviżjoni regolari tat-Trattat tal-UE, u għalhekk qed naħdmu lil hinn minnu. Minkejja dan, sar min kollox biex jinġabu l-garanziji u l-kwalitajiet li l-atturi istituzzjonali tal-UE biss jistgħu jipprovdu, b'mod partikolari l-Kummissjoni Ewropea u l-Qorti tal-Ġustizzja. L-hekk imsejħa "klowsola tar-ripatrijazzjoni", li timpenjana li nieħdu passi biex ninkorporaw is-sustanza ta' dan it-Trattat fil-liġi tal-Unjoni ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tiegħu, tagħti direzzjoni b'mod ċar.

Il-bilanċ politiku l-ieħor u finali jaqa' parzjalment lil hinn minn dan it-Trattat. Minn mindu feġġet il-kriżi tad-dejn sovran sentejn ilu, aħna kull ma jmur trattajniha billi mxejna 'l quddiem fuq żewġ linji paralleli: ir-responsabbiltà u s-solidarjetà. Minn naħa waħda nsaħħu r-responsabbiltà tal-pajjiżi individwali, mill-oħra nagħtu forma konkreta lis-solidarjetà li kull parti għandha lejn it-total. Dan it-Trattat huwa pass ewlieni lejn aktar responsabbiltà, bl-istess mod kif, pereżempju, it-Trattat dwar il-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà huwa pass ewlieni lejn aktar solidarjetà. Ma għandniex ninsew din l-istampa sħiħa.

Iżda l-ewwel, wara l-iffirmar tal-lum, jiġi l-mument tar-ratifika. Issa intom kollha għandkom tikkonvinċu l-gvernijiet u l-elettorat tagħkom li dan it-Trattat huwa pass importanti biex l-euro jitpoġġa lura fil-kenn b'mod dejjiemi. Jiena kunfidenti ferm li ser jirnexxielkom.

It-trattat huwa qasir u dirett, il-benefiċċji tiegħu huma ċari, u fuq kollox, intom kollha politikanti kapaċi -- inkella ma kontux tkunu hawn!

Mela ejja ngħammdu lit-tfajjel bl-isem sħiħ tiegħu: it-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja!

________________

It-test sħiħ tat-Trattat

http://european-council.europa.eu/eurozone-governance/treaty-on-stability?lang=mt


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website